Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Kif nista’ nitlob għad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon mingħand awtur ta’ reat waqt proċess (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nindirizzaha din it-talba?

Jekk inti vittma ta’ danni kkważati minn reat, inti tista’ tressaq it-talba tiegħek quddiem qorti sabiex l-awtur tar-reat jiġi ordnat iħallsek kumpens għall-korriment ikkawżat lilek. B’hekk tingħata d-danni. It-talba tiegħek tista’ titressaq fi proċedimenti ċivili jew kriminali.

  • Proċedimenti ċivili

Inti tista’ tressaq it-talba tiegħek quddiem qorti ċivili irrispettivament mill-fatt jekk il-persuna responsabbli għad-danni hix ħatja ta’ reat kriminali jew le.

It-tip u l-ammont tat-talba jiddetermina l-qorti kompetenti:

- għal talba ta’ inqas minn EUR 10,000, hija l-qorti distrettwali (tribunal d’instance).

- għal talba ta' 'l fuq minn EUR 10,000, hija l-qorti reġjonali (tribunal de grande instance) (Direttorju).

  • Proċedimenti kriminali

Jekk il-persuna responsabbli għad-danni tkun ħatja ta’ reat, inti tista’ titlob għad-danni fil-proċedimenti kriminali. Tista’ titlob li tiġi rikonoxxut bħala parte civile fil-proċedimenti kriminali (partie civile) billi tagħmel talba lill-investigaturi, lill-prosekutur pubbliku (procureur de la République), lill-imħallef inkwirenti (juge d’instruction) jew lill-qorti.

Trid tkun sofrejt dannu personali kkawżat direttament mir-reat li għaddej proċess.

Minuri ma jistax japplika għar-rikonoxximent bħala parte civile fi proċedimenti kriminali f’isem stess; dan iridu jagħmluh il-ġenituri tiegħu f’ismu.

Hekk kif id-danni jingħataw f’somma mill-qorti ċivili jew kummerċjali, il-vittma għandha pretensjoni fuq il-persuna misjuba ħatja, li ssir responsabbli għaliha. Il-pretensjoni hija dritt li l-vittma tista’ teżegwixxi.

F’każ ta’ diffikultà fl-irkupru tas-somom, huwa possibbli:

  • li ssir petizzjoni lill-qorti sabiex tordna ordni għal ħlas;
  • jitqabbad marixxall li jkun jista’ jissekwestra l-propjetà.

Is-Servizz ta’ Għajnuna fl-Irkupru għall-Vittmi tal-Kriminalità (Service d’aide au recouvrement des victimes d’infractions — SARVI) tal-Fond ta’ Garanziija għall-Vittmi tat-Terroriżmu u Reati Oħra (Fonds de garantie des victimes d’actes de terrorisme et d’autres infractions — FGTI) jistgħu jgħinuk biex tirkupra d-danni mogħtija mill-qorti fl-aħħar tal-proċess kriminali biss.

Huwa maħsub għal vittmi li jkunu sofrew korriment personali minuri jew ċerti tipi ta’ dannu materjali li ma jistgħux jingħataw kumpens mill-Bordijiet ta’ Kumpens għall-Vittmi ta’ Reati (Commissions d’indemnisation des victimes d’infractions — CIVIs).

F’liema stadju tal-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta t-talba tiegħi?

Inti tista' tippreżenta t-talba tiegħek matul l-investigazzjoni preliminari mmexxija mill-prosekutur pubbliku u mbagħad matul l-investigazzjoni mill-imħallef inkwirenti.

It-talba tista’ tiġi ppreżentata qabel is-seduta ta’ smigħ il-qorti bil-miktub (l-ittra trid tasal 24 siegħa qabel is-seduta).

Tista' tippreżentaha wkoll direttament fis-seduta, matul il-proċess quddiem il-qorti. F'dak il-każ tista' tippreżenta t-talba tiegħek bil-miktub jew oralment. Dan trid tagħmlu qabel ma l-prosekutur jindirizza lill-qorti biex jippreżenta l-fehma tiegħu u jipproponi sentenza.

X’nista' nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (indikazzjoni ta’ ammont totali u/jew speċifikazzjoni tat-telf individwali, tal-qligħ mitluf u tal-interessi)?

It-talba tiegħek għandha titlob kumpens għad-dannu kollu li ġarrabt. Jista' jingħata kumpens għal tliet tipi ta’ danni:

  • korriment personali, li huwa dannu għas-saħħa ta’ xi ħadd jew l-integrità fiżika jew mentali;
  • dannu morali, li huwa dannu għall-benessri emozzjonali, l-unur jew ir-reputazzjoni;
  • dannu materjali, li jikkonċerna d-dannu lill-propjetà u l-interessi finanzjarji ta’ xi ħadd.

Id-dannu li ġarrabt irid ikun riżultat ta’ avveniment speċifiku (inċident, żball ta’ konsenja, eċċ.);

il-persuna li qed tfittixha għad-danni trid tkun il-persuna li kkaġunat id-danni u d-dannu jrid ikun reali (l-iżball ikkaġunalek dannu li ma jistax jiġi kkontestat), dirett (jikkonċernak personalment) u speċifiku.

Trid tipprovdi deskrizzjoni preċiża u tagħti prova tiegħu (fatturi, ritratti tal-inċident, eċċ.). It-talba tiegħek trid tispeċifika figura, għaliex m'hemmx minimu jew massimu. Il-qorti ma tistax tordna lill-konvenut biex iħallas ammont ogħla minn dak li qiegħed titlob inti.

It-talba tiegħek tista’ tiġi ppreżenta bil-miktub, mingħajr formalitajiet speċifiċi, jew oralment quddiem il-qorti.

Hemm formola speċifika għal dawn it-talbiet?

Le.

Liema provi rrid inġib biex insostni t-talba tiegħi?

Trid tagħti kull informazzjoni li turi d-dannu li sarlek (ritratti, fatturi, dikjarazzjonijiet mix-xhieda, eċċ.) u r-responsabbiltà tal-persuna li qed tfittixha għall-kumpens.

Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħek?

Fil-prinċipju, m'hemmx spejjeż speċifiċi.

Madankollu, jekk il-prosekutur pubbliku ma jibdiex investigazzjoni anke jekk il-vittma taħseb li ġie kommess reat u tixtieq kumpens, il-vittma tista', taħt ċertu kundizzjonijiet, tagħmel talba diretta lill-imħallef inkwirenti, billi tippreżenta kwerela flimkien ma' rikors għar-rikonoxximent bħala parte civile fil-proċedimenti kriminali. Hekk jibdew il-proċedimenti kriminali u dawk ċivili biex b’hekk ikun possibbli tikseb kumpens mill-awtur tar-reat.

L-imħallef inkwirenti mbagħad jista' jsaqsi lill-kwerelant biex jiddepożita somma ta’ flus, liema somma tiġi stabbilita mill-imħallef skont id-dħul tal-kwerelant. Is-somma depożitata tissejjaħ kapparra. Trid titħallas sad-data stabbilita mill-imħallef taħt piena ta’ ċaħda tal-kwerela.

Bl-istess mod, jekk il-prosekutur pubbliku ma jibdiex proċedimenti kriminali, il-vittma tista’ toħroġ “taħrika diretta” (citation directe) quddiem il-qorti kriminali, u tibda proċedimenti ċivili u kriminali kontra l-imputat/konvenut. F’dak il-każ, il-qorti tista’ titlob depożitu.

Għandi dritt għall-għajnuna legali qabel u/jew wara l-proċedimenti? Għandi dritt għaliha jekk ma ngħixx fil-pajjiż fejn qegħdin isiru l-proċedimenti?

Għal persuni b’mezzi limitati, l-għajnuna legali hija possibbiltà, u b’hekk it-tariffi legali u l-ispejjeż tal-qorti matul il-proċess jitħallsu kollha jew parzjalment mill-Istat. . Għal aktar reati serji l-għajnuna legali tingħata mingħajr verifika tal-mezzi (ara l-lista fl-Artikolu 9-2 tal- Liġi Nru 91-647 tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-għajnuna legali (Loi n° 91-647 du 10 juillet 1991 relative à l’aide juridique)).

Għandek dritt għall-għajnuna legali jekk inti ċittadin Franċiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma tgħixx fi Franza, jew jekk inti ċittadin barrani li abitwalment u legalment tirrisjedi ġewwa Franza.

Ċerti entitajiet għall-aċċess għas-servizzi legali bħal pereżempju ċentri legali (maisons de la justice et du droit) jew is-servizz ta’ informazzjoni legali (points d’accès au droit) jipprovdu konsultazzjonijiet b’xejn fuq kwistjonijiet legali u jistgħu jgħinuk, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħek, biex tissodisfa l-formalitajiet kollha sabiex teżerċita dritt, u jassistuk fil-proċeduri mhux ġudizzjarji.

L-istess japplika għall-assoċjazzjonijiet ta’ sapport għall-vittmi, li b’mod partikolari joffru sapport legali mingħajr ħlas.

Il-qorti kriminali meta tiddeċiedi li ma tilqax jew tirrifjuta li tiddeċiedi fuq it-talba tiegħi kontra l-awtur tar-reat?

Il-qorti tista’ tiddeċiedi li r-rikors għar-rikonoxximent bħala parte civile fil-proċedimenti kriminali mhux ammissibbli jekk it-talba ma tikkwalifikax, b’mod partikolari jekk il-qorti tkun tal-fehma li l-persuna ma ġietx affettwata mir-reat li għaddej proċess għalih. Hija tista’ tiddeċiedi dwar il-proċedimenti kriminali (ħtija, sentenza ta’ priġunerija u/jew multa) u dwar il-proċedimenti ċivili (kumpens) fl-istess ħin. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll fuq il-proċedimenti ċivili fi stadju ulterjuri jekk tqis li ma għandiex il-fatti kollha quddiemha.

Nista' nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Jekk ma tkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-qorti, inti tista' titlob rieżami tagħha mill-qorti tal-appell li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa’ l-ewwel qorti.

Jekk ningħata d-danni mill-qorti, kif niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u liema għajnuna nista' nikseb għal dan il-għan?

Hekk kif id-danni jingħataw f’somma mill-qorti ċivili jew kummerċjali, il-vittma għandha pretensjoni fuq il-persuna misjuba ħatja, li ssir responsabbli għaliha. Il-pretensjoni hija dritt li l-vittma tista’ teżegwixxi.

F’każ ta’ diffikultà fl-irkupru tas-somom, huwa possibbli:

  • li ssir petizzjoni lill-qorti sabiex tordna ordni għal ħlas;
  • jitqabbad marixxall li jkun jista’ jissekwestra l-propjetà.

Is-SARVI jista’ jgħinek tirkupra d-danni u l-interessi (u s-somom rigward l-ispejjeż legali) mogħtija mill-qorti biss fl-aħħar tal-proċess kriminali. Dan is-servizz iħallas somma lill-vittma (l-ammont jiddependi mis-sentenza li tkun ingħatat) u huwa stess jirkupra s-somom dovuti mill-persuna kkundannata. Is-SARVI huwa servizz kunfidenzjali u mingħajr ħlas.

Huwa maħsub għal vittmi li jkunu sofrew korriment personali żgħir, jew ċertu dannu materjali, li ma jistax jiġi kkumpensat mic-CIVIs.

Tista' tkun intitolat għal għajnuna mingħand is-SARVI jekk:

  • inti individwu u tkun ksibt sentenza mill-qorti kriminali li laqgħet it-talba tiegħek għad-danni u possibbilment l-ispejjeż legali kollha jew parzjalment;
  • ma għandekx dritt għal kumpens mingħand ic-CIVI; u
  • Il-persuna li nstabet ħatja ma ħallsitx is-somom dovuti fi żmien xahrejn mis-sentenza finali.

X’tista' tikseb:

  • Jekk l-ammont tat-talba tiegħek kien inqas minn jew ugwali għal EUR 1,000: is-somma kollha.
  • Jekk l-ammont tat-talba tiegħek kien ogħla minn EUR 1,000:
    • Ø 30% tas-somma, b’minimu ta’ EUR 1,000 u massimu ta’ EUR 3,000;
    • Ø assistenza bl-irkupru, jiġifieri s-SARVI jikseb il-bqija dovut mill-persuna kkundannata f’ismek. Inti tiġi nnotifikat kull tliet xhur bl-eżitu tal-passi li jkunu qegħdin jittieħdu f’ismek. B’hekk, din il-proċedura ma tħallikx tqabbad marixxall. Is-SARVI juża l-għodda legali mogħtija lilu mil-liġi. L-attivitajiet tiegħu madankollu jibqgħu limitati minħabba l-kapaċità ta’ ħlas tal-persuna li twaħħalha multa.

Il-porzjon imħallas mis-SARVI jiġi riżolt fi żmien xahrejn mil-wasla tal-fajl komplut.

Kemm għandi żmien biex nippreżenta t-talba tiegħi?

  • It-talba tiegħek trid tiġi ppreżentat mhux aktar tard minn sena wara l-wasla tas-sentenza finali.
  • Jekk it-talba għall-kumpens tiegħek ġiet miċħuda mic-CIVI, għandek sena, min-notifika taċ-ċaħda biex tikkuntattja lis-SARVI.

Hemm formola għal talbiet ta’ rkupru. Ir-rappreżentazzjoni legali mhix obbligatorja.

Fil-formola li trid tibgħat hemm lista ta’ dokumenti ta’ sostenn li jridu jiġu mehmuża mat-talba tiegħek u mibgħuta lil:

Fonds de Garantie - SARVI
TSA 10316
94689 VINCENNES CEDEX

Tista tikseb dettalji addizzjonali minn fuq: https://www.fondsdegarantie.fr/sarvi/

Is-SARVI jista’ jiċħad it-talba tiegħek għall-irkupru kontra l-persuna kkundannata, jew jirrifjuta li jieħu deċiżjoni, jekk ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa.

L-aħħar aġġornament: 05/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.