Divorzju u separazzjoni legali

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Wieħed mill-konjuġi kkonċernati kien domiċiljat fl-Irlanda fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti.

JEW

Wieħed mill-konjuġi kien normalment residenti fl-Irlanda matul il-perjodu ta’ sena li jispiċċa f’dik id-data.

(Artikolu 39 (1)(a) u (b) tal-Att tal-1996 dwar il-Liġi tal-Familja (id-Divorzju))

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Il-qorti (is-Circuit Court u l-High Court - Artikolu 38(1)) għandha tkun issodisfatta li:

Fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament minn xulxin għal perjodu ta’, jew perjodi li jammontaw għal, mill-anqas sentejn matul it-tliet snin preċedenti,

KIF UKOLL

Li ma hemm l-ebda prospett raġonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-konjuġi,

KIF UKOLL

Li dispożizzjoni tali li l-Qorti tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkostanzi ttieħdet jew ser tittieħed għall-konjuġi u kull membru dipendenti tal-familja.

(Artikolu 5(1) tal-Att.)

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Iż-żwieġ, is-suġġett tad-digriet, huwa b’hekk maħlul u parti ta' dak iż-żwieġ tista’ terġa’ tiżżeweġ - Artikolu 10 (1).

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Meta tagħti digriet ta’ divorzju, il-qorti tista’ tordna t-tqassim tal-beni - Artikolu 14 (1) tal-Att - il-proprjetà tista' tinbiegħ, tinqasam ugwalment jew individwalment jew tiġi trasferita biss f'isem waħda mill-partijiet.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Fuq l-għoti ta’ digriet ta’ divorzju, il-qorti tista’ tagħti inġunzjonijiet tali kif hija tikkunsidra xieraq rigward il-benesseri, il-kustodja ta’, jew id-dritt ta’ aċċess għal, kull membru dipendenti tal-familja kkonċernat li hija tarbija - Artikolu 5 (2) tal-Att. Il-benesseri tat-tfal huwa tal-akbar importanza.

(Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara l-Iskeda Informattiva dwar “Ir-responsabbiltà tal-ġenituri - l-Irlanda”).

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta tagħti digriet ta' divorzju, il-qorti tista' tagħti ordni ta' manteniment affavur ta' kull konjuġi liema obbligu jintemm meta parti waħda mill-konjuġi li tirċievi l-manteniment terġa' tiżżewweġ - Art. 13 tal-Att.

Il-Qorti tista’ wkoll tagħti ordni ta' aġġustament tal-pensjoni affavur wieħed mill-konjuġi - Artikolu 17 tal-Att.

(Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara l-Iskeda Informattiva dwar “It-talbiet għal Manteniment - l-Irlanda”).

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali (ġudizzjarja) tippermetti lill-konjuġi separati sabiex jorganizzaw ħajjithom mill-ġdid b'mod faċli biex jgħixu b’mod permanenti l-bogħod minn xulxin.

Id-digriet ta' separazzjoni ġudizzjarja jippermetti lill-qorti li tagħtih biex tagħti ordnijiet anċillari relatati mat-tfal, il-pagamenti ta’ appoġġ, il-pagamenti ta’ kapital, id-drittijiet tal-pensjoni, id-dar tal-familja u proprjetà oħra. Id-digriet ta' separazzjoni ġudizzjarja ma għandhux iħoll iż-żwieġ. Għalhekk il-konjuġi separati li jiksbu digriet ta’ “separazzjoni legali” li jixtiequ jerġgħu jiżżewwġu l-ewwel iridu jiksbu digriet ta’ divorzju.

(Artikolu 8 tal-Att tal-1989 dwar is-Separazzjoni Ġudizzjarja u r-Riforma tad-Dritt tal-Familja: Judicial Separation and Family Law Reform Act, 1989.)

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  1. li l-konjuġi wettaq adulterju.
  2. Imġiba mhux raġonevoli u moħqrija tal-konjuġi.
  3. l-abbandun tad-dar matrimonjali għal sena.
  4. li l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament għal sena u ż-żewġ konjuġi jaċċettaw it-talba.
  5. li l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament għal tliet snin.
  6. li ż-żwieġ tkisser sal-punt li jippermetti lill-qorti tkun sodisfatta li relazzjoni ta’ żwieġ normali ma eżistitx għallinqas għal sena.

(Art. 2 tal-Att tal-1989 dwar is-Separazzjoni Ġudizzjarja u r-Riforma tad-Dritt tal-Familja: Judicial Separation and Family Law Reform Act, 1989.)

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni legali ttemm id-dmir tal-koabitazzjoni mingħajr ma tħoll iż-żwieġ. Il-mara tista’ tkompli tuża l-kunjom ta’ żewġha.

Fuq livell finanzjarju, l-obbligu ta' appoġġ lill-konjuġi l-ieħor huwa miżmum u jista' jingħata manteniment, għalkemm kull attribuzzjoni ta’ ħtija ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, bħal fil-każ ta’ divorzju, is-sentenza tirriżulta fix-xoljiment u fil-likwidazzjoni tar-relazzjonijiet matrimonjali.

Id-drittijiet tas-suċċessjoni huma miżmuma, ħlief fil-każ meta tingħata sentenza ta' separazzjoni fuq il-bażi tat-tort esklussiva ta' wieħed mill-konjuġi.

Il-partijiet jistgħu jitolbu lill-qorti sabiex tannulla d-deċiżjoni. Il-qorti tirrevoka d-digriet fejn tkun sodisfatta li saret rikonċiljazzjoni u l-partijiet għandhom l-intenzjoni li jkomplu l-koabitazzjoni.

Konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju:

Fuq it-talba ta’ wieħed mill-konjuġi, sentenza mogħtija għal separazzjoni legali tista’ tiġi kkonvertita ipso jure f’divorzju jekk is-separazzjoni legali tkun damet tliet snin. F’dan il-każ, l-imħallef jagħti d-divorzju u jiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tiegħu.

Jekk is-separazzjoni legali kienet mogħtija fuq talba konġunta, din tista’ tiġi konvertita f’divorzju biss permezz ta’ talba konġunta ulterjuri.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Dan ifisser li kull parti fi żwieġ annullat hija daqslikieku qatt ma kienet miżżewġa lill-parti l-oħra.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Waħda minn dawn li ġejjin hija meħtieġa:

  • Wieħed mill-konjuġi kien domiċiljat fl-Irlanda fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti.
  • Wieħed mill-konjuġi kien normalment residenti fl-Irlanda għal sena f’dik id-data
  • Wieħed mill-konjuġi miet qabel dik id-data

kif ukoll

  • kien domiċiljat fl-Irlanda fil-mument tal-mewt jew
  • kien normalment residenti fl-Irlanda għal sena f’dik id-data.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Iż-żwieġ jitqies li qatt ma eżista. Kull parti għandha dritt terġa’ tiżżewweġ. Il-partijiet ma għandhom ebda drittijiet ta’ suċċessjoni fil-konfront ta' xulxin u lanqas ma għandhom xi obbligi ta’ manteniment jew ta' appoġġ lejn xulxin. Kull tifel jew tifla mwieled/mwielda lill-koppja matul iż-żwieġ, j/titqies bħala illeġittimu/a.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Huwa possibbli li l-kwistjonijiet finanzjarji u kwistjonijiet dwar proprjetà u kif ukoll kwistjonijiet dwar dixxendenti dipendenti jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ medjazzjoni mingħajr rikors quddiem il-qorti iżda l-qorti biss tista’ tiddeċiedi dwar separazzjoni ġudizzjarja jew divorzju.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Is-Circuit Court u l-High Court għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw rikors għad-divorzju / għas-separazzjoni ġudizzjarja / għall-annullament.

Azzjoni għad-divorzju / għas-separazzjoni ġudizzjarja tas-Circuit Court issir permezz ta’ rikors introduttiv (Civil Bill) fir-reġistru tas-Circuit Court rilevanti u l-proċedura hija rregolata permezz tar-regola 4 tal-Artikolu 59 tas-Circuit Court Rules 2001.

Azzjoni għad-divorzju / għas-separazzjoni ġudizzjarja fil-qorti għolja (High Court) issir permezz ta’ taħrika speċjali (special summons) li tinħareġ mill-uffiċċju ċentrali (Central Office). Il-proċedimenti huma rregolati permezz tal-Artikolu 70A tar-Regoli tal-Qrati Superjuri (S.I. No. 343/1997). Azzjoni għall-annullament quddiem il-High Court issir bit-tressiq ta’ rikors fl-uffiċċju ċentrali. Dawn il-proċedimenti huma rregolati permezz tal-Artikolu 70 tar-Regoli tal-Qrati Superjuri.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, mingħand l-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali (Legal Aid Board), suġġett għall-ittestjar tal-mezzi.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Id-deċiżjoni tal-High Court dwar appell minn deċiżjoni tas-Circuit Court fi proċedimenti ta' divorzju / separazzjoni ġudizzjarja / annullament hija finali u definittiva u ma tistax tiġi appellata - Art. 39 tal-Att tal-1936 dwar il-Qrati tal-Ġustizzja (Courts of Justice Act, 1936).

Jista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet kollha tal-High Court quddiem il-qorti suprema (Supreme Court) fi proċedimenti ta' divorzju / separazzjoni ġudizzjarja / annullament li jibdew fil-High Court.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti (Circuit Court jew High Court) fl-Irlanda, skont l-Art. 29(1)(d)(e) tal-Att tal-1995 dwar il-Familja (Family Law Act 1995). L-azzjoni ssir quddiem is-Circuit Court permezz ta’ rikors introduttiv u quddiem il-High Court permezz ta’ taħrika speċjali.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

FId-dawl tan-natura kostituzzjonali ta’ divorzju, il-qrati Irlandiżi (il-High Court jew is-Circuit Court) jiddeterminaw jekk divorzju mogħti barra mill-pajjiż jistax jiġi rrikonoxxut fl-Irlanda.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-kundizzjonijiet għall-kisba tad-divorzju fl-Irlanda huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 38 tal-liġi tal-1996 dwar id-divorzju [Family Law (Divorce) Act, 1996].

Konjuġi li ma jgħix fl-Irlanda jew li mhuwiex Irlandiż jista' japplika għal divorzju fl-Irlanda jekk huwa jissodisfa tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Art. 39(1)(a) u (b) tal-liġi tal-1996 dwar id-divorzju [Family Law (Divorce) Act, 1996]. Fl-Irlanda, hija r-residenza u mhux iċ-ċittadinanza li tistabbilixxi l-kompetenza ġudizzjarja fir-rigward tad-divorzju.

Ħoloq relatati

Courts Service Ireland

Oasis: Informazzjoni dwar is-Servizzi Pubbliċi

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 13/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.