Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Il-qrati ċivili fl-Irlanda għandhom ġuriżdizzjoni biex jisimgħu kawżi li jinvolvu tilwim bejn individwi, organizzazzjonijiet jew l-Istat. Dan it-tilwim jista’ jirrigwarda kwalunkwe ħaġa minn korriment ikkawżat f’inċident bil-karozza sa akkwiżizzjoni korporattiva kkontestata. F’kawżi ċivili, ir-rikorrent ifittex lill-konvenut għal kumpens għad-dannu kkawżat. Il-kumpens ġeneralment ikun fil-forma ta’ aġġudikazzjoni monetarja tad-danni.

Il-Qorti Distrettwali, il-Qorti taċ-Ċirkwit u l-Qorti Superjuri huma kollha qrati tal-prim’istanza. Il-Qorti Suprema għandha ġuriżdizzjoni għall-appelli biss, ħlief f’ċerti materji relatati mal-Kostituzzjoni. Il-Qorti tal-Appell għandha ġuriżdizzjoni għall-appelli biss.

Il-qrati Distrettwali u taċ-Ċirkwit huma qrati ta’ ġuriżdizzjoni lokali u limitata, jiġifieri jistgħu jittrattaw biss kawżi li l-valur tagħhom ma jaqbżix ċertu limitu u fejn il-partijiet ikunu residenti jew ikollhom il-post tan-negozju rreġistrat tagħhom f’ċertu post ġeografiku, jew fejn il-kuntratt ikun sar f’ċertu post ġeografiku. L-appelli mill-Qorti Distrettwali jinstemgħu fil-Qorti taċ-Ċirkwit, u l-appelli mill-Qorti taċ-Ċirkwit jinstemgħu fil-Qorti Superjuri.

Il-Qorti għal Talbiet Żgħar hija parti mill-Qorti Distrettwali li tittratta kawżi relatati mal-konsumatur fejn l-ammont mitlub ma jaqbiżx l-EUR 2 000. Din il-proċedura tista’ tintuża wkoll minn negozju kontra ieħor.

Il-Qorti Distrettwali tisma’ kawżi li jinvolvu talbiet li ma jaqbżux il-EUR 15 000 fil-valur. Il-Qorti taċ-Ċirkwit tittratta talbiet li ma jaqbżux il-EUR 75 000 (EUR 60 000 f’rikors dwar danni personali). Hija għandha ġuriżdizzjoni wkoll fi proċeduri relatati mal-liġi tal-familja, inkluż id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, u l-annullament. Il-Qorti Superjuri tittratta talbiet li jaqbżu l-EUR 75 000 (EUR 60 000 f’rikorsi dwar danni personali).

Talbiet fir-rigward tal-liġi tax-xogħol jiġu ttrattati mit-Tribunal tal-Appelli dwar l-Impjiegi li huwa korp indipendenti. Huwa jisma’ firxa wiesgħa ta’ tilwim dwar id-drittijiet tal-impjieg. F’ċerti każijiet, kull parti tista’ tappella quddiem il-Qorti taċ-Ċirkwit fi żmien sitt ġimgħat mid-deċiżjoni tat-Tribunal. Jekk ma jiġi ppreżentat l-ebda appell quddiem il-Qorti taċ-Ċirkwit u l-impjegatur ma jimplimentax id-deċiżjoni, il-Ministru għax-Xogħol, l-Intrapriża u l-Innovazzjoni jista’ jressaq proċeduri fil-Qorti taċ-Ċirkwit f’isem l-impjegat. Deċiżjoni meħuda mit-Tribunal tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti Superjuri minn kull parti iżda fuq punt legali biss.

Il-Qorti Kummerċjali, stabbilita fl-2004, hija diviżjoni speċjalizzata tal-Qorti Superjuri u hija regolata b’mod partikolari mill-Ordni 63A tar-Regoli tal-Qrati Superjuri. Hija tittratta tilwim kummerċjali fejn il-valur tat-talba jkun mill-anqas EUR 1 miljun, tilwim dwar proprjetà intellettwali u appelli minn jew rikorsi għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet regolatorji. Hija tittratta wkoll kawżi oħra li l-Imħallef iqis xierqa. Ma hemm l-ebda dritt ta’ dħul awtomatiku fil-Lista Kummerċjali tal-Qorti Superjuri. Dan huwa fid-diskrezzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Kummerċjali. Il-Qorti tuża sistema dettaljata ta’ ġestjoni tal-kawżi li hija mfassla sabiex tissimplifika l-preparazzjoni għall-kawża, tneħħi l-ispejjeż mhux meħtieġa u t-tattiċi ta’ dewmien, u tassigura divulgazzjoni sħiħa qabel il-kawża.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-qorti xierqa li fiha għandu jiġi ppreżentat rikors fil-prim’istanza tiġi determinata min-natura tiegħu (kuntratt, delitt, eċċ.) u l-valur (ara hawn fuq).

Għall-iskop tal-Qorti Distrettwali, il-pajjiż huwa maqsum f’24 distrett li għal kull wieħed minnhom huwa assenjat imħallef wieħed jew aktar b’mod permanenti. Fil-każ tal-akbar żewġt ibliet, Dublin u Cork, il-volum tax-xogħol jirrikjedi l-assenjazzjoni permanenti ta’ għadd ta’ mħallfin. Il-pajjiż huwa maqsum fi tmien ċirkwiti għall-iskopijiet tal-Qorti taċ-Ċirkwit. Huwa assenjat Imħallef ta’ Qorti taċ-Ċirkwit wieħed għal kull ċirkwit ħlief fil-każ tal-Qrati taċ-Ċirkwit ta’ Dublin u ta’ Cork, fejn hemm għadd akbar ta’ mħallfin minħabba l-volum tax-xogħol. Il-Qorti Superjuri tisma’ rikorsi oriġinali f’Dublin. Hija tisma’ wkoll rikorsi dwar dannu personali u korrimenti fatali f’diversi postijiet provinċjali fi żminijiet speċifikati matul is-sena. Barra minn hekk, il-Qorti Superjuri tiltaqa’ f’postijiet provinċjali biex tisma’ appelli mill-Qorti taċ-Ċirkwit f’materji ċivili u f’materji relatati mal-liġi tal-familja.

Il-Qorti Distrettwali għandha ġuriżdizzjoni biex tisma’ kawżi dwar kuntratti, ċerti delitti, kawżi dwar ftehimiet ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri u ta’ bejgħ bi kreditu, kawżi dwar kera bħat-tkeċċija għan-nuqqas ta’ pagament tal-kera, u rikorsi għaż-żamma illegali ta’ oġġetti meta l-valur tat-talba jkun fi ħdan il-limitu tagħha ta’ EUR 15 000. Il-Qorti Distrettwali għandha wkoll firxa ta’ setgħat fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kwalunkwe qorti għal dejn, l-għoti ta’ liċenzji bħal-liċenzji għall-bejgħ ta’ likuri intossikanti, u l-kustodja u l-manteniment tat-tfal.

Il-Qorti taċ-Ċirkwit għandha ġuriżdizzjoni f’kuntratti u delitti, f’materji ta’ suċċessjoni u kawżi għall-amministrazzjoni tal-patrimonju, f’kawżi dwar ekwità, f’rikorsi dwar tkeċċija jew rikorsi għal kirjiet ġodda f’azzjonijiet ibbażati fuq ftehimiet ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri u ftehimiet ta’ xiri bi kreditu, fejn il-valur tat-talba jkun fi ħdan il-limitu tagħha ta’ EUR 75 000 (EUR 60 000 f’rikorsi dwar danni personali). Il-Qorti taċ-Ċirkwit għandha ġuriżdizzjoni fi proċeduri relatati mal-liġi tal-familja, (inklużi s-separazzjoni ġudizzjarja, id-divorzju, l-annullament u l-appelli mill-Qorti Distrettwali) u għandha ġuriżdizzjoni għall-appelli mid-deċiżjonijiet tal-arbitri f’tilwim dwar ċens skont il-leġiżlazzjoni dwar sid il-kera u l-kerrej.

Il-kawżi ċivili quddiem il-Qorti taċ-Ċirkwit jinstemgħu minn imħallef li jippresjedi mingħajr ġurija. L-appelli mill-Qorti Distrettwali jieħdu l-forma ta’ smigħ mill-ġdid u d-deċiżjoni tal-Qorti taċ-Ċirkwit hija finali u ma tistax tiġi appellata aktar.

Skont il-Kostituzzjoni, il-Qorti Superjuri għandha ġuriżdizzjoni oriġinali sħiħa f’kull materja ta’ fatt jew liġi. Dan ifisser li hija għandha l-ġuriżdizzjoni biex tittratta l-kawżi ċivili kollha meta l-konvenut ikun residenti fil-pajjiż, meta l-allegat kuntratt ikun sar fil-pajjiż, meta l-allegat delitt ikun twettaq fil-pajjiż jew meta l-proprjetà immobbli li tkun is-suġġett tal-proċeduri tkun tinsab fil-pajjiż. Il-Qorti Superjuri tisma’ appelli mill-Qorti taċ-Ċirkwit u teżerċita ġuriżdizzjoni superviżorja fuq il-Qorti Distrettwali u tribunali inferjuri oħra. L-appelli mill-Qorti Superjuri jinstemgħu mill-Qorti tal-Appell u mill-Qorti Suprema fejn ikun iċċertifikat mill-Qorti Suprema li tkun materja ta’ importanza pubblika ġenerali jew fl-interessi tal-ġustizzja. Appell jista’ jiġi ppreżentat mill-Qorti tal-Appell lill-Qorti Suprema meta jkun iċċertifikat mill-Qorti Suprema li tkun materja ta’ importanza pubblika ġenerali jew fl-interessi tal-ġustizzja.  L-appell bl-ebda mod ma huwa smigħ mill-ġdid iżda huwa bbażat fuq traskrizzjoni tal-evidenza fil-prim’istanza u l-argument legali.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Id-Distrett jew iċ-Ċirkwit xieraq li fih għandha tiġi ppreżentata talba ċivili jiġi determinat mill-post fejn il-konvenut jew wieħed mill-konvenuti normalment ikollu r-residenza jew iwettaq kwalunkwe professjoni, negozju jew mestier. Fil-biċċa l-kbira tal-kawżi dwar kuntratti, id-Distrett jew iċ-Ċirkwit xieraq huwa dak fejn allegatament ikun sar il-kuntratt, fil-kawżi dwar delitt, fejn allegatament ikun twettaq id-delitt, fil-proċeduri tal-familja, dak fejn ikun residenti r-rikorrent u, f’kawżi relatati ma’ kera jew titolu għal proprjetà immobbli, dak fejn ikunu jinsabu l-bini jew l-art li jkunu s-suġġett ta’ dawk il-proċeduri.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

M/A

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

M/A

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

M/A

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Is-sit elettroniku tal-Courts Service of Ireland jipprovdi spjegazzjoni komprensiva tal-istruttura tal-qrati f’dan il-pajjiż. Huwa jippubblika wkoll ktejjeb bit-titlu Explaining the Courts għall-informazzjoni tal-pubbliku. Aktar dettalji dwar is-sistema tal-qrati huma disponibbli wkoll mis-Citizens Information Board, korp statutorju li jappoġġa l-għoti ta’ informazzjoni, pariri u promozzjoni dwar firxa wiesgħa ta’ servizzi pubbliċi u soċjali. Citizens Information jipprovdi sit elettroniku, linja tat-telefon u diversi ċentri ta’ akkoljenza madwar il-pajjiż.

Ħoloq relatati

Courts Service - Ireland

http://www.citizensinformation.ie/

L-aħħar aġġornament: 12/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.