Każistika nazzjonali

Latvja

Din it-taqsima tagħtik ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza tal-Latvja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Bażijiet tad-data online tal-ġurisprudenza

Il-Qorti Suprema tal-Latvja (Latvijas Republikas Augstākā tiesa) ħolqot bażi tad-data tal-ġurisprudenza. Din tiġbor fiha deċiżjonijiet tal-qorti li huma rilevanti għall-konsistenza tal-ġurisprudenza, għar-riċerka dwarha u għall-iżvilupp tagħha.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tista’ tintgħażel skont l-istituzzjoni ġudizzjarja, it-tip ta’ kawża, is-settur, is-sottosettur, il-prinċipji legali, l-essenza tal-kawża (l-argumenti) u l-kliem ewlieni fit-test.

Il-bażi tad-data tal-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema hija aċċessibbli mill-portal tas-servizzi elettroniċi: tal-Qorti Suprema u mill-paġna ewlenija tal-Qorti Suprema.

Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet validi mogħtija fis-seduti bil-miftuħ jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-portal dwar materji ta’ interess pubbliku (jiġifieri, deċiżjonijiet ippubblikati għal skopijiet edukattivi ċiviċi jew legali), bħalma jistgħu jiġu ppubblikati deċiżjonijiet oħra mogħtija f’seduta bil-miftuħ fid-diskrezzjoni tal-qorti kkonċernata.

Preżentazzjoni ta’ deċiżjonijiet / titoli

Formati

Is-sentenzi fil-bażi tad-data tal-ġurisprudenza tal-Portal tal-Qrati Nazzjonali huma disponibbli fil-format HTML.

Is-sentenzi ppubblikati fuq il-Portal tal-Qrati Nazzjonali huma disponibbli f’format PDF.

Qrati rilevanti

Il-Qorti Suprema

Is-sentenzi tal-Qorti Suprema huma disponibbli fil-bażi tad-data tal-ġurisprudenza tas-sit web tal-Qorti Suprema u fuq is-sit web tal-Portal tal-Qrati Nazzjonali.

Qrati ordinarji

Is-sentenzi tal-qrati ordinarji huma disponibbli fuq is-sit web tal-Portal tal-Qrati Nazzjonali.

Proċedimenti ta’ segwitu

L-informazzjoni dwar il-proċedimenti ta’ segwitu hija disponibbli fuq il-Portal tal-Qrati Nazzjonali, bl-użu tal-opzjoni Progress tal-proċedimenti (Tiesvedības gaita) fit-taqsima tas-Servizzi elettroniċi jew permezz tat-taqsima disponibbli għall-utenti awtorizzati tal-portal Il-Kawżi tiegħi (Manas litas).

L-utenti mhux awtorizzati jistgħu jaċċessaw informazzjoni ġenerali dwar il-progress ta’ kawża fit-taqsima tal-Progress tal-proċedimenti billi jdaħħlu n-numru tal-kawża jew tat-taħrika.

Fit-taqsima Il-Kawżi tiegħi, l-utenti awtorizzati għandhom il-possibbiltà li jaraw id-data u l-materjal tal-kawża ta’ kawżi li fihom ikunu parti (inklużi d-deċiżjonijiet u l-fajls awdjo tal-proċedimenti fil-kawża).

L-awtorizzazzjoni għall-użu tal-Portal tal-Qrati Nazzjonali tingħata abbażi ta’:

  • karta tal-identità,
  • firma elettronika,
  • firma elettronika mobbli,
  • eIDAS.

Regoli dwar il-pubblikazzjoni

Għoti ta’ sentenzi

Jekk il-kawża tinstema’ f’seduta bil-miftuħ, id-deċiżjoni tal-qorti (li tinkludi l-parti introduttorja, il-parti deskrittiva, il-motivazzjonijiet u l-parti operattiva) issir informazzjoni aċċessibbli b’mod ġenerali mid-data li fiha tingħata.

Jekk ma tingħata l-ebda deċiżjoni jew sentenza fil-qorti (jekk kawża titqies biss permezz ta’ proċedura bil-miktub, pereżempju), id-deċiżjoni titqies aċċessibbli b’mod ġenerali mid-data meta tasal.

Jekk kawża tinstema’ in camera, u jekk il-parti introduttorja u dik operattiva tad-deċiżjoni jew tas-sentenza tal-qorti jinqraw f’seduta bil-miftuħ, dawk il-partijiet tad-deċiżjoni jew tas-sentenza rispettiva tal-qorti jitqiesu bħala informazzjoni ġeneralment aċċessibbli u jistgħu jiġu ppubblikati.

Aċċessibbiltà

L-aċċessibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qorti hija rregolata mil-Liġi dwar il-ġudikatura u r-Regolament tal-Kabinett Nru 123 tal-10 ta’ Frar 2009 dwar ir-Regoli tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ġudizzjarja fuq sit web tal-internet u l-ipproċessar ta’ deċiżjonijiet tal-qorti qabel ma jinħarġu (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-Kabinett Nru 123”).

Ir-Regolament tal-Kabinett Nru 123 jistabbilixxi li meta titħejja deċiżjoni għall-pubblikazzjoni, ċerta data, li tippermetti li jiġu identifikati persuni fiżiċi, għandha titħassar u tiġi ssostitwita b’indikatur xieraq:

  • l-isem u kunjom ta’ persuna, għandhom jiġu ssostitwiti b’ittra kapitali magħżula liberament mill-alfabett Latvjan (l-ittra magħżula biex tissostitwixxi l-isem u l-kunjom tintgħażel sabiex il-persuni msemmija fid-deċiżjoni jkunu jistgħu jiġu distinti minn xulxin);
  • in-numru tal-identità personali ta’ persuna jiġi ssostitwit bil-kliem “numru ta’ identifikazzjoni personali”;
  • l-indirizz tad-dar ta’ persuna jiġi ssostitwit bil-kliem “post ta’ residenza”;
  • l-indirizz tal-proprjetà immobbli ta’ persuna jiġi ssostitwit bil-kelma “indirizz”;
  • in-numru ta’ referenza ta’ kwalunkwe proprjetà immobbli fir-reġistru tal-proprjetà jiġi ssostitwit bil-kliem “referenza katastali”;
  • u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura jiġi ssostitwit bil-kliem “numru ta’ reġistrazzjoni”.

Fit-tħejjija tad-deċiżjoni għall-pubblikazzjoni jew għall-ħruġ, id-dettalji tal-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati ċċertifikati, in-nutara ċċertifikati, l-amministraturi tal-insolvenza, l-imħallfin li jippresjedu u l-uffiċjali ġudizzjarji ċċertifikati ma jiġux imħassra jew redatti.

L-aħħar aġġornament: 05/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.