Divorzju u separazzjoni legali

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Divorzju jista’ jinkiseb b’kunsens reċiproku (permezz ta’ proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew notarili). Fin-nuqqas ta’ kunsens reċiproku, divorzju jista’ jingħata minn qorti.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Skont l-Artikolu 373 tal-Kodiċi Ċivili, divorzju jista’ jinkiseb fil-każijiet li ġejjin:

  • permezz ta’ kunsens reċiproku tal-konjuġi;
  • meta r-relazzjoni bejn il-konjuġi tkun iddeterjorat serjament u ma jkunx aktar possibbli li l-ħajja miżżewġa tkompli;
  • fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi, wara separazzjoni de facto li tkun ilha mill-inqas sentejn;
  • fuq talba tal-konjuġi li minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu ma jkunx aktar possibbli li l-ħajja miżżewġa tkompli.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

  • l-istatus ta’ konjuġi ma jibqax jeżisti u kull wieħed mill-konjuġi divorzjati jista’ jerġa’ jiżżewweġ;
  • max-xoljiment taż-żwieġ permezz ta’ divorzju, il-konjuġi jistgħu jaqblu li jżommu l-ismijiet li kellhom fiż-żwieġ. Jekk ma jkunx hemm qbil, il-qorti tista’, f’każijiet debitament ġustifikati, tippermetti li l-konjuġi jżommu l-ismijiet li kellhom fiż-żwieġ. Jekk ma jkun hemm la qbil u lanqas sentenza tal-qorti, kull ex konjuġi jmur lura għall-isem li kellu qabel iż-żwieġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Bħala riżultat tad-divorzju, ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali bejn il-konjuġi ma jibqax japplika mid-data tat-talba għad-divorzju. Madankollu, kull wieħed mill-konjuġi – jew it-tnejn flimkien, fil-każ ta’ divorzju kunsenswali – jista’ jitlob lill-qorti tad-divorzju biex tiddikjara li r-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma jibqax japplika mid-data tas-separazzjoni de facto.

Jekk ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma jibqax japplika permezz tax-xoljiment taż-żwieġ, l-ex konjuġi jibqgħu koproprjetarji tal-proprjetà konġunta sakemm jiġu determinati l-ishma rispettivi tagħhom.

Matul it-terminazzjoni tal-komunjoni tal-akkwist, kull konjuġi jieħu kontroll tal-proprjetà tiegħu, u wara dan il-proprjetà konġunta tinqasam u d-dejn jitħallas. Għal dan il-għan, is-sehem mill-proprjetà li jikkorrispondi għal kull konjuġi jiġi l-ewwel determinat abbażi tal-kontribuzzjoni tiegħu sabiex tinkiseb il-proprjetà konġunta u biex ikunu ssodisfati l-obbligi konġunti. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, huwa preżunt li l-konjuġi kkontribwew indaqs.

Irrispettivament minn kull obbligu ta’ manteniment bejn l-ex konjuġi, u mill-provvediment ta’ kumpens, il-konjuġi li mhux ħati, li jsofri telf materjali bħala riżultat tax-xoljiment taż-żwieġ jista’ jitlob li l-konjuġi li hu ħati jikkumpensah. Il-qorti tal-familja tiddeċiedi dwar din it-talba permezz tad-deċiżjoni ta’ divorzju.

Id-drittijiet reċiproċi tas-suċċessjoni jitilfu bħal riżultat tad-divorzju.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Ladarba d-digriet tad-divorzju jinħareġ, il-qorti tal-familja tiddeċiedi dwar l-arranġamenti bejn il-ġenituri divorzjati u t-tfal minorenni. Bħala regola, wara divorzju, il-konjuġi jkollhom awtorità konġunta tal-ġenituri fuq it-tfal. Il-qorti tal-familja tistabbilixxi l-post ta’ domiċilju tat-tfal minorenni fid-dar tal-ġenitur ma’ min normalment jgħixu, filwaqt li l-ġenitur separat mit-tfal ikollu d-dritt għall-kuntatt personali mat-tfal. Il-qorti tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ta’ kull ġenitur għall-ispejjeż relatati mat-trobbija, l-edukazzjoni, l-iskola u t-taħriġ vokazzjonali tat-tfal.

Jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu, il-qorti tal-familja tista’ timmodifika l-miżuri li jikkonċernaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri divorzjati fir-rigward tat-tfal minorenni tagħhom jekk tkun mitluba tagħmel dan minn wieħed mill-ġenituri jew minn membru ieħor tal-familja, mit-tifel jew tifla, mill-awtorità tutelari, mill-istituzzjoni pubblika għall-protezzjoni tat-tfal jew mill-prosekutur pubbliku.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Bħala riżultat tax-xoljiment taż-żwieġ, kull obbligu ta’ manteniment bejn il-konjuġi ma jibqax japplika. Konjuġi divorzjat huwa intitolat għal manteniment jekk huwa jkun f’diffikultà finanzjarja minħabba inkapaċità ta’ xogħol li tirriżulta qabel jew waqt iż-żwieġ jew fi żmien sena mix-xoljiment taż-żwieġ (iżda biss jekk l-inkapaċità tiġi kkawżata minn ċirkostanza relatata maż-żwieġ).

Konjuġi li japplika għal allowance tal-manteniment ma jistax jitlob ukoll kumpens. Meta d-divorzju jkun ingħata minħabba l-ħtija esklużiva tal-konjuġi konvenut, il-konjuġi attur jista’ jirċievi kumpens. Il-kumpens jista’ jingħata biss jekk iż-żwieġ ikun dam mill-inqas 20 sena.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Fil-liġi Rumena ma hemm l-ebda kunċett ta’ “separazzjoni legali” iżda biss ta’ “separazzjoni de facto” u l-qsim ġudizzjarju tal-proprjetà. Din hija sitwazzjoni li għandha tiġi ppruvata quddiem il-qorti. Fil-każ ta’ separazzjoni de facto li tkun damet mill-inqas sentejn, din tkun raġuni biżżejjed għall-ħruġ ġudizzjarju ta’ divorzju.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Żwieġ jiġi annullat f’każ ta’ ksur ta’ wieħed mir-rekwiżiti ġuridiċi li jikkonċernaw il-kuntratt taż-żwieġ. Żwieġ jista’ jiġi annullat biss permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti. L-annullament jkollu effett fir-rigward tal-passat kif ukoll tal-futur; iż-żwieġ ikun ikkunsidrat li ma seħħx.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Is-segwenti ksur tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-kuntratt taż-żwieġ jikkostitwixxu raġunijiet assoluti għal annullament:

  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat mingħajr kunsens;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat bejn żewġ persuni tal-istess sess;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat minn persuna li kienet diġà miżżewġa;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat bejn persuni relatati f’linja diretta jew f’linja kollaterali sa u inkluż ir-raba’ grad;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat minn persuna mhux mentalment kapaċi jew b’diżabilità mentali;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat mingħajr il-kunsens tal-konjuġi futuri, jew tali kunsens ma ngħatax skont il-proċedura legalment meħtieġa;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat minn persuna minorenni taħt is-16-il sena;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat għal raġunijiet li mhumiex dawk li tinbeda familja.

Ir-raġunijiet relattivi għal annullament ta’ żwieġ huma dawn li ġejjin:

  • meta jiġi kkuntrattat minn persuna minorenni ta’ 16-il sena abbażi ta’ opinjoni medika, mingħajr il-kunsens tal-ġenituri/il-ġenitur li jkollu t-tutela legali jew mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-persuna li jkollha d-drittijiet tal-ġenituri;
  • meta jkun hemm difett fil-kunsens: żball (rigward l-identità fiżika tal-konjuġi l-oħra), frodi jew vjolenza;
  • meta jiġi kkuntrattat minn persuna li temporanjament tkun nieqsa mill-fakultà li tagħmel ġudizzju;
  • meta żwieġ jiġi kkuntrattat bejn ġenitur adottiv u minorenni taħt it-tutela tiegħu.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Sakemm tinħareġ sentenza finali tal-qorti, il-konjuġi li jkun daħal fi żwieġ invalidu jew annullat b’bona fide iżomm l-istatus tiegħu bħala konjuġi fi żwieġ validu, u r-relazzjonijiet tal-proprjetà bejn l-ex konjuġi jkunu suġġetti, mutatis mutandis, għad-dispożizzjonijiet rigward id-divorzju.

L-invalidità taż-żwieġ ma għandhiex effett fuq it-tfal, li jżommu l-istatus tagħhom ta’ tfal fiż-żwieġ. Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri u tat-tfal fir-rigward ta’ xulxin, japplikaw id-dispożizzjonijiet rigward id-divorzju mutatis mutandis.

Deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara żwieġ invalidu jew li tannullah hija eżegwibbli kontra partijiet terzi; id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-formalitajiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, in-natura pubblika tal-kuntratt taż-żwieġ u n-nuqqas ta’ eżegwibbiltà tal-kuntratt taż-żwieġ huma applikabbli b’mod korrispondenti.

L-invalidità taż-żwieġ ma tistax tkun eżegwibbli kontra parti terza fir-rigward ta’ att li ġie konkluż ma’ wieħed mill-konjuġi qabilha, sakemm ma jkunux ġew kompluti l-formalitajiet tad-divulgazzjoni stabbiliti mil-liġi rigward ir-rikors għad-dikjarazzjoni tal-invalidità jew ir-rikors għal annullament, jew il-parti terza tkun mod ieħor konxja tar-raġunijiet għall-invalidità taż-żwieġ qabel il-konklużjoni tal-att.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-medjazzjoni mhijiex obbligatorja qabel jinbdew il-proċedimenti fil-qorti. Matul il-proċedimenti, l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jinfurmaw lill-partijiet dwar il-possibbiltà u l-vantaġġ li jużaw il-medjazzjoni.

Permezz tal-medjazzjoni, in-nuqqas ta’ ftehim bejn il-konjuġi dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ġenituri, l-istabbiliment tad-domiċilju tat-tfal u l-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-manteniment tat-tfal jista’ jissolva. Il-medjatur jiżgura li l-eżitu tal-medjazzjoni ma jmurx kontra l-aħjar interessi tat-tfal, jinkoraġġixxi lill-ġenituri biex jiffukaw l-ewwel nett fuq il-ħtiġijiet tat-tfal u biex jassumu r-responsabbiltà bħala ġenituri biex jiżguraw li s-separazzjoni de facto jew id-divorzju ma jkollux effett detrimentali fuq it-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal.

Il-ftehim ta’ medjazzjoni, li jinkludi l-ftehim tal-partijiet dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ġenituri, il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-manteniment tat-tfal, u l-istabbiliment tad-domiċilju tat-tfal, għandu jkun suġġett għall-permess tal-qorti, li għandha l-obbligu tivverifika jekk il-ftehim huwiex fl-interess tat-tfal.

Jekk il-konjuġi jaqblu li jiddivorzjaw u ma għandhomx tfal minorenni li twieldu fiż-żwieġ jew barra minnu jew adottati, ir-reġistratur pubbliku jew in-nutar pubbliku fil-post fejn ikun sar iż-żwieġ jew fejn ikun ġie rreġistrat l-aħħar domiċilju konġunt tal-konjuġi jista’ jiddikjara li ż-żwieġ ġie xolt permezz ta’ ftehim tal-konjuġi u jinħarġilhom ċertifikat tad-divorzju.

Divorzju permezz ta’ ftehim tal-konjuġi jista’ jiġi ddikjarat ukoll minn nutar pubbliku fil-każ li jkun hemm tfal minorenni li twieldu fiż-żwieġ jew barra minnu jew adottati, jekk il-konjuġi jaqblu fuq l-aspetti kollha relatati mal-ismijiet, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, l-istabbiliment tad-domiċilju tat-tfal, il-mod biex jinżammu r-relazzjonijiet personali, u l-istabbiliment tal-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż relatati mat-trobbija, l-edukazzjoni, l-iskola u t-taħriġ vokazzjonali tat-tfal.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Rikors għal divorzju jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti distrettwali (judecătoria).

Il-ġurisdizzjoni hija tal-qorti distrettwali b’ġurisdizzjoni territorjali fil-post fejn tkun tinsab l-aħħar dar konġunta tal-konjuġi. Jekk il-konjuġi ma kellhomx dar konġunta jew jekk l-ebda wieħed mill-konjuġi ma għadu jgħix fid-distrett tal-qorti fejn tinsab l-aħħar dar konġunta, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti b’ġurisdizzjoni fil-post fejn tinsab id-dar tal-konvenut. Madankollu, jekk il-konvenut ma għandux post ta’ domiċilju fir-Rumanija, u l-qrati Rumeni għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fil-qorti b’ġurisdizzjoni fil-post fejn tinsab id-dar tar-rikorrenti. Jekk la r-rikorrenti u lanqas il-konvenut ma għandhom domiċilju fir-Rumanija, il-partijiet jistgħu jaqblu li jippreżentaw rikors għal divorzju fi kwalunkwe qorti fir-Rumanija. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, ir-rikors għal divorzju għandu jiġi ppreżentat fil-Qorti Distrettwali tas-Settur 5, f’Bucharest.

Minbarra r-rimarki mir-rikors għal sentenza, ir-rikors għal divorzju għandu jinkludi l-ismijiet tat-tfal minorenni. Ir-rikors għandu jkun akkumpanjat miċ-ċertifikat taż-żwieġ, kopji taċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal minorenni u, fejn xieraq, il-ftehim tal-konjuġi wara l-medjazzjoni.

Jekk rikors għal divorzju huwa bbażat fuq il-ftehim tal-partijiet, dan għandu jkun ffirmat miż-żewġ konjuġi jew minn rappreżentat konġunt awtorizzat permezz ta’ prokura speċjali awtentikata. Jekk ir-rappreżentant awtorizzat ikun avukat, huwa għandu jiċċertifika l-firem tal-konjuġi skont il-liġi.

Il-partijiet għandhom jidhru personalment quddiem il-qrati tal-ewwel istanza, sakemm wieħed minnhom ma jkunx qed jiskonta sentenza ta’ kustodja, ikun ostakolat minn mard serju, ikun taħt inibizzjoni tal-qorti, ikun jgħix barra mill-pajjiż jew ikun f’qagħda li tipprevjenih milli jidher personalment; f’tali sitwazzjonijiet, il-persuna kkonċernata tista’ tkun rappreżentata minn avukat, rappreżentant awtorizzat jew, fejn xieraq, kustodju jew rappreżentant irreġistrat (kuratur). Jekk fid-data tas-seduta ta’ smigħ fil-qorti tal-ewwel istanza, ir-rikorrenti huwa assenti mingħajr raġuni ġustifikata, u jidher biss il-konvenut, ir-rikors għandu jkun miċħud bħala infondat.

Il-qorti tad-divorzju għandha tieħu deċiżjoni, anke jekk ma tkunx intalbet tagħmel dan fir-rikors għal divorzju, dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż relatati mat-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal, id-domiċilju tat-tfal u d-dritt tal-ġenituri li jkollhom relazzjoni personali mat-tfal.

Ir-rikors biex żwieġ jiġi dikjarat invalidu għal raġunijiet assoluti jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti interessata. Ir-rikors għal annullament taż-żwieġ huwa personali fin-natura, u ma jgħaddi l-ebda effett lill-werrieta. Madankollu, jekk ir-rikors ġie ippreżentat minn wieħed mill-konjuġi, ikun jista’ jitkompla minn kwalunkwe wieħed mill-eredi tiegħu.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali tista’ tinkiseb soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 51/2008 dwar l-għajnuna legali f’materji ċivili, kif approvata bl-emendi u ż-żidiet tal-Liġi Nru 193/2008, kif sussegwentement emendata.

L-għajnuna legali tista’ tingħata, separatament jew kumulattivament, fil-forma ta’ assistenza ta’ avukat; ħlas ta’ tariffa ta’ espert, traduttur jew interpretu; ħlas ta’ tariffa ta’ bailiff/uffiċjal tal-infurzar; u f’termini ta’ eżenzjonijiet minn ħlas tat-tariffi legali, skontar fuqhom, jew ħlas parzjali jew differimenti tagħhom.

Sabiex ikunu eliġibbli għal għajnuna legali sħiħa, il-persuni għandu jkollhom dħul medju nett mensili għal kull membru tal-familja ta’ inqas minn RON 300 fl-aħħar xahrejn qabel jiġi ppreżentat ir-rikors. Jekk id-dħul ikun inqas minn RON 600, il-proporzjon tal-għajnuna legali mogħtija jkun ta’ 50 %. Tista’ tingħata wkoll għajnuna legali fi proporzjon mal-ħtiġijiet tar-rikorrenti f’sitwazzjonijiet oħrajn meta ċerti spejjeż jew l-ispejjeż stmati tal-proċedimenti x’aktarx ikunu se jirrestrinġu l-aċċess għall-ġustizzja, minħabba pereżempju d-differenza bejn l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru fejn jgħix ir-rikorrenti u dak tar-Rumanija.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, il-perjodu ta’ żmien għall-appell kontra deċiżjoni huwa ta’ 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar ir-rikonoxximent ta’ digriet tad-divorzju hija r-Regolament (KE) Nru 2201/2003. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fil-qorti b’ġurisdizzjoni fil-post tad-domiċilju jew ir-residenza tal-konvenut fir-Rumanija. Jekk il-konvenut ma għandux domiċilju magħruf, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fil-qorti b’ġurisdizzjoni fil-post tad-domiċilju jew ir-residenza tar-rikorrenti.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Deċiżjoni ta’ rikonoxximent tista’ tiġi kkontestata billi jiġi ppreżentat rikors lill-qorti tal-appell b’ġurisdizzjoni territorjali jew jiġi ppreżentat appell lill-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal relazzjonijiet internazzjonali rigward id-dritt privat, il-qorti Rumena tapplika jew ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali jew id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2597 u l-Artikoli sussegwenti tal-Kodiċi Ċivili.

Il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi tal-istat fejn għandhom il-post abitwali komuni ta’ domiċilju tagħhom jew fejn kellhom l-aħħar domiċilju komuni abitwali (jekk mill-inqas wieħed minnhom jgħix hemmhekk fid-data tal-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli), il-liġi tal-istat li tiegħu wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin, il-liġi tal-istat fejn il-konjuġi għexu mill-inqas tliet snin, jew il-liġi Rumena.

Jekk il-konjuġi ma jkunux għamlu għażla, il-liġi applikabbli tkun dik tal-istat fejn kellhom id-domiċilju komuni abitwali tagħhom, jew fin-nuqqas ta’ dan, il-liġi tal-istat fejn il-konjuġi kellhom l-aħħar domiċilju komuni abitwali tagħhom (jekk mill-inqas wieħed mill-konjuġi jkun għad għandu d-domiċilju abitwali tiegħu f’dak l-Istat fid-data meta jkun ġie ppreżentat ir-rikors għal divorzju); meta wieħed mill-konjuġi ma jkollux post abitwali ta’ domiċilju, tapplika l-liġi tal-istat li tiegħu kienu t-tnejn ċittadini fid-data meta jkun ġie ppreżentat ir-rikors għal divorzju; jew, meta l-konjuġi jkollhom ċittadinanzi differenti, il-liġi tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar ċittadinanza komuni (jekk mill-inqas wieħed minnhom ikun għad għandu din iċ-ċittadinanza fid-data meta jiġi ppreżentat ir-rikors għal divorzju). F’kull sitwazzjoni oħra, il-liġi applikabbli hija dik tar-Rumanija.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 31/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.