Għajnuna legali

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

Fl-Iżvezja, il-proċedimenti tal-qorti nfushom huma bla ħlas minbarra tariffa tar-rikors, li attwalment hija SEK 2 800 (madwar EUR 265). Għall-kawżi fejn is-suġġett tat-tilwima jkollu valur li ma jaqbiżx SEK 24 150 (EUR 2 270), it-tariffa tar-rikors hija SEK 900 (EUR 85).

Jekk tingħata għajnuna legali, l-Istat iħallas it-tariffa tar-rikors.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Huma disponibbli t-tipi ta’ assistenza legali li ġejjin għat-tilwim (kawżi ċivili):

  • Pariri
  • Għajnuna legali

Iż-żewġ tipi huma regolati bl-Att dwar l-Għajnuna Legali (1996:1619) (rättshjälpslagen).

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

Pariri

Kulħadd – persuni fiżiċi, assoċjazzjonijiet, negozji, eċċ. – jista’ jikseb parir dwar kwalunkwe materja legali.

Il-parir jista’ jingħata minn avukat jew minn assistent avukat f’ditta legali. Jista’ jingħata sa massimu ta’ sagħtejn, u jista’ jinqasam f’diversi sessjonijiet. Tintalab tariffa għall-parir. It-tariffa attwalment hija SEK 1 802.50 (madwar EUR 170) fis-siegħa. It-tariffa tista’ titnaqqas bin-nofs jekk il-parti li tingħata l-parir ma jkollhiex fondi suffiċjenti. It-tfal li jingħataw parir normalment m’għandhom għalfejn iħallsu l-ebda tariffa. Jekk it-tariffa tiġi mnaqqsa, l-avukat jew l-assistent li jkun ta l-parir jitlob il-bqija mill-Istat.

Għajnuna legali

L-għajnuna legali hija disponibbli biss għal persuni fiżiċi, għalhekk in-negozji, l-assoċjazzjonijiet, eċċ. ma jistgħux jingħataw dan it-tip ta’ assistenza. Il-patrimonju ta’ persuna deċeduta jista’ jkun ukoll eliġibbli għall-għajnuna legali f’ċerti ċirkostanzi. Iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE għandhom l-istess status bħaċ-ċittadini Żvediżi fir-rigward tal-għajnuna legali.

L-għajnuna legali tista’ tingħata għall-biċċa l-kbira tal-materji legali (ara l-mistoqsija 4).

Iridu jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet biex tingħata l-għajnuna legali.

  1. Inti trid tkun ingħatajt mill-anqas siegħa pariri.
  2. L-introjtu tiegħek ma jridx jaqbeż il-limitu finanzjarju, li attwalment huwa SEK 260 000 (madwar EUR 24 500). Iċ-ċirkostanzi finanzjarji kollha tal-applikant jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat l-introjtu.
    Pereżempju, jiġu kkunsidrati l-ispejjeż tal-manteniment tat-tfal, il-ġid u d-djun.
  3. Irid ikollok bżonn assistenza legali kif ukoll parir u ma jridx ikun possibbli li tissodisfa din il-ħtieġa b’xi mod ieħor.
  4. Irid jitqies raġonevoli għall-Istat li jikkontribwixxi għall-ispejjeż, minħabba n-natura u s-sinifikat tal-materja inkwistjoni, il-valur tas-suġġett tat-tilwima, u ċ-ċirkostanzi l-oħra.
  5. Jekk ikollok – jew suppost kellek – polza tal-assigurazzjoni għall-protezzjoni legali, l-ewwel għandha tintuża dik.

Ara l-gwida diġitali fuq: https://www.domstol.se/amnen/rattshjalp/behover-du-rattshjalp/har-du-ratt-till-rattshjalp/.

Hemm disponibbli wkoll gwida biex tgħinek tikkalkula jekk intix intitolat jew le għall-għajnuna legali abbażi tal-mezzi finanzjarji tiegħek. Ara: https://www.domstol.se/amnen/rattshjalp/behover-du-rattshjalp/rakna-ut-ditt-ekonomiska-underlag/.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

Pariri

Kif issemma fil-mistoqsija 3 hawn fuq, jista’ jingħata parir għall-materji legali kollha.

Pereżempju, jistgħu jingħataw informazzjoni u pariri dwar dawn li ġejjin:

  • Ir-regoli dwar iż-żwieġ u tipi oħra ta’ koabitazzjoni
  • Ir-regoli dwar id-divorzju
  • Il-kontribuzzjonijiet tal-manteniment
  • It-testmenti u l-legati
  • Ix-xiri u l-kuntratti

Għajnuna legali

Kif issemma fil-mistoqsija 3 hawn fuq, l-għajnuna legali tista’ tingħata għall-biċċa l-kbira tal-materji legali, iżda hemm xi eċċezzjonijiet. Pereżempju, l-għajnuna legali ma tistax tingħata għal materji li jistgħu jinvolvu l-assistenza ta’ difensur pubbliku jew ta’ avukat pubbliku. Jekk kont vittma ta’ reat, jista’ jinħatar “avukat għall-parti leża” (målsägandebiträde) f’ċerti każijiet (ara l- Att 1988:609 dwar l-avukati għall-parti leża). Dan l-avukat ikun bla ħlas għall-vittma. Id-dmirijiet tiegħu jinkludu l-għajnuna biex tagħmel talba ċivili bħala riżultat ta’ reat, bħal talba għall-kumpens għad-danni. Ma tistax tingħata wkoll għajnuna legali jekk ikun inħatar għalik avukat għall-parti leża.

F’xi każijiet, irid ikun hemm raġunijiet speċjali biex tingħata l-għajnuna legali. Eżempji jinkludu kwistjonijiet li jridu jiġu ttrattati barra mill-pajjiż, jew każijiet fejn il-valur tat-talba evidentement ma jkunx se jaqbeż SEK 24 150 (madwar EUR 2 270).

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Ma hemm l-ebda proċedura speċjali f’każijiet li jirrikjedu l-ipproċessar immedjat ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali. Min-naħa l-oħra, mill-prinċipji ġenerali tal-liġi proċedurali joħroġ li kawża jew il-proċedimenti jridu jiġu ttrattati malajr kemm jista’ jkun.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

L-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali Żvediża (Domstolsverket) ipproduċiet formola sempliċi bi struzzjonijiet dwar kif timtela. Il-formola hija disponibbli kemm mill-Awtorità tal-Għajnuna Legali (Rättshjälpsmyndigheten) kif ukoll mill-qrati.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Kif imsemmi fil-mistoqsija 6, l-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali toffri, fost affarijiet oħrajn, formola ta’ applikazzjoni sempliċi, li tinkludi wkoll struzzjonijiet dwar kif timtela. Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali għal aktar tagħrif.

Fost affarijiet oħra, l-applikazzjoni għall-għajnuna legali trid tinkludi informazzjoni dwar il-materja legali li għaliha tirreferi l-applikazzjoni, jekk il-materja inkwistjoni jistax ikollha bżonn tiġi ttrattata barra mill-pajjiż, jekk ingħatax xi parir dwar il-materja, jekk għandekx jew kellekx polza tal-assigurazzjoni għall-protezzjoni legali li tkopri l-materja inkwistjoni, u informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek u ċirkostanzi oħra.

L-ebda dokument ieħor ma hemm bżonn li jiġi mehmuż. Madankollu, jista’ jkun xieraq li tehmeż kwalunkwe dokumentazzjoni oħra li tkun disponibbli biex tappoġġa l-informazzjoni mogħtija.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

L-applikazzjoni għall-għajnuna legali trid tintbagħat lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti biex tivvaluta l-applikazzjoni tiegħek għall-għajnuna legali.

Jekk kawża jew proċedimenti relatati mal-materja ċivili inkwistjoni jkunu għaddejjin f’qorti, il-qorti trid tivvaluta l-applikazzjoni għall-għajnuna legali. Inkella, tkun l-Awtorità tal-Għajnuna Legali li tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata għajnuna legali jew le.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

L-Awtorità tal-Għajnuna Legali jew il-qorti li tivvaluta l-applikazzjoni tiegħek għall-għajnuna legali tinnotifikak bil-miktub dwar id-deċiżjoni li tieħu.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Jekk tingħata l-għajnuna legali, jiġi maħtur avukat tal-għajnuna legali fl-istess ħin. Għalhekk inti għandek tikkonsulta miegħu għal aktar informazzjoni.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Avukat, assistent avukat jew kwalunkwe persuna xierqa oħra jistgħu jinħatru bħala avukat tal-għajnuna legali. Jekk inti tkun ipproponejt persuna xierqa inti stess, din għandha tinħatar jekk dan ma jżidx b’mod sinifikanti l-ispejjeż u jekk ma jkunx hemm raġunijiet partikolari oħra biex dan ma jsirx.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

L-Istat iħallas l-ispejjeż li ġejjin meta tingħata l-għajnuna legali:

  1. Ir-remunerazzjoni tal-avukat tal-għajnuna legali sa massimu ta’ 100 siegħa xogħol, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-qorti
  2. Spejjeż raġonevoli biex tingħata xhieda lil qorti ġenerali jew lit-Tribunal Industrijali Żvediż (Arbetsdomstolen)
  3. L-ispejjeż tal-investigazzjoni raġonevolment imġarrba biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tiegħek, sa massimu ta’ SEK 10 000 (madwar EUR 942)
  4. L-ispejjeż tal-medjazzjoni skont l-Artikolu 17 tal-Kapitolu 42 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja Żvediż (rättegångsbalken)
  5. It-tariffi tar-rikors u tan-notifika, kif ukoll l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni

Min-naħa l-oħra, inti jkollok tħallas kwalunkwe spiża li ma tkunx koperta mill-għajnuna legali. Madankollu, huwa possibbli li tirkupra dawn l-ispejjeż mingħand il-parti l-oħra jekk inti tirbaħ il-kawża.

Jekk tingħata l-għajnuna legali, inti jeħtieġlek tikkontribwixxi għall-ispejjeż billi tħallas tariffa għall-għajnuna legali. Din it-tariffa tikkonsisti f’perċentwal tal-ispejjeż tal-avukat tal-għajnuna legali tiegħek. Is-sistema tat-tariffi għandha sitt livelli skont l-introjtu tiegħek; dawn huma espressi f’kategoriji ta’ introjtu fissi fil-krona Żvediża (SEK). Il-perċentwali għall-kategoriji differenti jvarjaw minn 2 % sa 40 %. Il-kategorija tal-introjtu li inti titqiegħed fiha, u għalhekk il-perċentwal li jkollok tħallas, tiġi ddeterminata abbażi tal-mezzi finanzjarji tiegħek. Dawn jiġu kkalkulati abbażi tal-introjtu annwali tiegħek, id-dipendenti tiegħek, u l-assi finanzjarji tiegħek. Inti jkollok tħallas it-tariffa tal-għajnuna legali kontinwament lill-avukat tal-għajnuna legali tiegħek hekk kif jinqalgħu l-ispejjeż.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Jekk tingħata l-għajnuna legali, dan ifisser li inti jkollok aċċess għall-benefiċċji kollha koperti mis-sistema tal-għajnuna legali Żvediża (ara l-mistoqsija 12 hawn fuq). Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tirċievi għajnuna legali għal parti partikolari biss.

Min-naħa l-oħra, hemm il-possibbiltà, minbarra s-sistema tal-għajnuna legali, li tinkiseb assistenza finanzjarja għal ċerti spejjeż relatati mal-proċedimenti legali, jiġifieri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn il-qorti u l-ispejjeż għal xhud imħarrek biex jidher fil-qorti. Jekk inti parti f’kawża jew fi proċedimenti u ġejt imħarrek biex tidher f’seduta tal-qorti, inti jista’ għalhekk ikollok l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza tiegħek imħallsa mill-Istat jekk dan jitqies xieraq (ara l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 11 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja). Jekk ikun xieraq li jagħmel dan fid-dawl taċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek, l-Istat jista’ jħallas ukoll kumpens lil xhud għall-ispejjeż neċessarji li jkun għamel għall-ivvjaġġar, għas-sussistenza u għat-telf ta’ ħin (jekk jogħġbok ara l-Artikolu 24 tal-Kapitolu 36 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja). Il-kumpens għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza b’rabta ma’ dehra fil-qorti ma huwiex disponibbli għall-persuni ġuridiċi.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Iva, iżda l-kumpens għall-avukat tal-għajnuna legali jkopri biss massimu ta’ 100 siegħa. Jekk il-100 siegħa jkunu ntużaw matul il-proċedimenti tal-prim’istanza, kwalunkwe proċediment ta’ istanza ogħla ma jkunx kopert.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

L-għajnuna legali għandha tintemm b’mod naturali meta l-materja legali inkwistjoni titqies li ġiet konkluża. Bħala regola ġenerali, l-għajnuna legali trid tintemm ukoll ladarba l-avukat tal-għajnuna legali tiegħek ikun għamel 100 siegħa xogħol. Il-qorti tista’, madankollu, tiddeċiedi li l-għajnuna legali tista’ tkompli.

F’xi każijiet, l-għajnuna legali trid tintemm ukoll qabel dak il-punt. Dan iseħħ, pereżempju, jekk ma tħallasx it-tariffa tal-għajnuna legali tiegħek jew jekk tipprovdi informazzjoni skorretta u l-għajnuna legali ma kinitx tingħata kieku ngħatat l-informazzjoni korretta. Eżempju ieħor ta’ meta l-għajnuna legali trid tintemm kmieni huwa jekk l-avukat tal-għajnuna legali tiegħek ikun għamel 100 siegħa ta’ xogħol u l-qorti ma tkunx iddeċidiet li l-għajnuna legali għandha tkompli.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Iva. Inti għandek id-dritt li tappella kontra deċiżjoni li ma tingħatax għajnuna legali. Jekk id-deċiżjoni tkun ittieħdet minn qorti, din għandha tiġi appellata bl-istess mod bħal deċiżjonijiet oħra. Meta l-qorti tinnotifikak dwar id-deċiżjoni bil-miktub, hija tipprovdi wkoll informazzjoni dwar kif tista’ tappella kontra d-deċiżjoni. Jekk, minflok, id-deċiżjoni tkun ittieħdet mill-Awtorità tal-Għajnuna Legali, din għandha tiġi appellata quddiem il- Bord tal-Għajnuna Legali (Rättshjälpsnämnden).

Aktar informazzjoni

Għal aktar informazzjoni dwar is-sistema tal-għajnuna legali Żvediża, u biex tordna l-formoli tal-applikazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali fl-indirizz li ġej:

National Courts Administration

SE-551 81 JÖNKÖPING, Sweden

https://www.domstol.se/amnen/rattshjalp/

Tel.: +46 36 15 53 00

L-aħħar aġġornament: 16/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.