Manteniment tal-familja

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-liġi Żvediża tipprevedi obbligu ta’ manteniment għat-tfal, għall-konjuġi u għall-konjuġi divorzjati. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-obbligi ta’ manteniment bejn il-konjuġi huma applikabbli wkoll għas-sħab irreġistrati.

Tfal

Il-ġenituri huma responsabbli għall-manteniment tat-tfal, skont dak li huwa raġonevoli meta jitqiesu l-ħtiġijiet tat-tfal u l-kapaċità finanzjarja kkombinata tal-ġenituri. Ġenitur li ma jkollu ebda kapaċità li jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-wild tiegħu ma jkunx responsabbli biex jipprovdi manteniment.

Ġenitur li la jkollu l-kustodja tal-wild u lanqas ma jgħix b’mod permanenti mal-wild għandu jaqdi l-obbligu ta’ manteniment tiegħu billi jħallas pensjoni tal-manteniment. Ġenitur li jkollu l-kustodja konġunta mal-ġenitur l-ieħor jista’ wkoll ikun obbligat iħallas pensjoni tal-manteniment. Dan ikun il-każ jekk il-wild jgħix b’mod permanenti mal-ġenitur l-ieħor biss, irrispettivament minn jekk dik il-persuna tkunx waħedha jew tkunx qed tgħix ma’ sieħeb ġdid.

Persuna li tkun qed tgħix b’mod permanenti mal-wild ta’ persuna oħra u ma’ ġenitur li għandu l-kustodja tal-wild hija wkoll responsabbli mill-manteniment ta’ dak il-wild jekk il-partijiet ikunu miżżewġin lil xulxin u jkollhom wild jew ulied flimkien. Madankollu, ġenitur bi żwieġ ieħor ikun responsabbli għall-manteniment biss sal-punt li l-wild ma jkunx jista’ jikseb manteniment mingħand il-ġenitur l-ieħor, jiġifieri mhux dak li miegħu qed jgħix il-ġenitur bi żwieġ ieħor.

Il-ħlasijiet ta’ manteniment jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-qorti jew bi ftehim. Ftehim ikun validu biss jekk ikun bil-miktub u jkun sar fil-preżenza ta’ żewġ xhieda.

Il-partijiet jistgħu jaqblu wkoll li l-ħlasijiet futuri ta’ manteniment isiru f’somma f’daqqa jew għal perjodi ta’ aktar minn tliet xhur. Jekk il-wild ikun għadu taħt it-18-il sena, dan il-ftehim irid jiġi approvat mill-kumitat tal-protezzjoni soċjali rilevanti (socialnämnden).

Il-manteniment fil-forma ta’ somma f’daqqa jrid jitħallas lill-kumitat tal-protezzjoni soċjali jekk il-wild ikollu inqas minn 18-il sena. Is-somma mħallsa lill-kumitat trid tintuża biex tinxtara annwalità minn kumpanija tal-assigurazzjoni għall-wild xierqa għall-obbligu ta’ manteniment, sakemm il-ftehim ma jipprevjenix dan jew il-kumitat iqis li s-somma tista’ tintuża b’xi mod xieraq ieħor għall-manteniment tal-wild.

Il-manteniment jitħallas bil-quddiem għal kull xahar kalendarju. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar metodu ieħor ta’ ħlas jekk ikun hemm raġunijiet speċifiċi biex isir dan.

Talba biex jiġu stabbiliti l-ħlasijiet ta’ manteniment ma tistax tintlaqa’ retroattivament għal perjodu ta’ aktar minn tliet snin qabel id-data li fiha tkun tressqet it-talba, ħlief jekk il-persuna responsabbli mill-manteniment taqbel.

It-talbiet għal pensjoni tal-manteniment stabbilita ma jibqgħux eżegwibbli (jaqgħu preskritti) ħames snin wara d-data meta jsir dovut il-ħlas.

Koppji

Matul iż-żwieġ, kull konjuġi huwa responsabbli għall-manteniment tiegħu stess u għal dak tal-konjuġi tiegħu. Jekk wieħed mill-konjuġi ma jkunx jista’ jmantni lilu nnifsu kompletament, il-konjuġi l-ieħor ikun obbligat jikkontribwixxi għall-ħtiġijiet personali tal-konjuġi.

Wara divorzju, il-prinċipju huwa li kull konjuġi jkun responsabbli għall-appoġġ proprju tiegħu. Madankollu, jekk wieħed mill-konjuġi jkun jeħtieġ flus għall-manteniment proprju għal perjodu tranżizzjonali, huwa jkun intitolat għal pensjoni raġonevoli mill-konjuġi l-ieħor, wara li titqies il-kapaċità ta’ dak il-konjuġi u ċirkostanzi oħrajn. F’każijiet eċċezzjonali, konjuġi jista’ jikseb manteniment għal perjodu itwal.

Jekk il-konjuġi ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kwistjoni tal-manteniment, it-tilwima tista’ tiġi riżolta fil-qorti.

Wara divorzju, il-pensjoni tal-manteniment titħallas f’pagamenti parzjali regolari. Madankollu, il-qorti tista’ tordna li l-ammont jitħallas bħala somma f’daqqa jekk ikun hemm raġunijiet speċifiċi biex isir dan, eż. jekk il-konjuġi jkun irid jagħmel ħlas ta’ pensjoni.

Talba biex jiġu stabbiliti l-ħlasijiet ta’ manteniment ma tistax tintlaqa’ retroattivament għal perjodu ta’ aktar minn tliet snin qabel id-data li fiha tkun tressqet it-talba, ħlief jekk il-persuna responsabbli mill-manteniment taqbel.

It-talbiet għal pensjoni tal-manteniment stabbilita ma jibqgħux eżegwibbli (jaqgħu preskritti) tliet snin wara d-data ta’ maturità tal-ħlas.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-obbligu ta’ manteniment tal-ġenituri ġeneralment jieqaf meta l-wild jagħlaq it-18-il sena. Madankollu, jekk il-wild ma jkunx għadu temm l-edukazzjoni sekondarja tiegħu, l-obbligu ta’ manteniment ikompli japplika sakemm il-wild jibqa’ l-iskola u sakemm jagħlaq il-21 sena. F’dan il-każ skola tfisser l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja jew tat-tieni livell jew edukazzjoni ġenerali simili oħra.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Ma hemm l-ebda awtorità speċifika fl-Iżvezja li tiddetermina jew tgħin biex jiġi ddeterminat il-manteniment. Il-ħlasijiet tal-manteniment jistgħu jiġu ddeterminati jew b’deċiżjoni tal-qorti jew bi ftehim. Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, ir-rikorrent għandu għalhekk jirrikorri quddiem qorti distrettwali (tingsrätt) u jissottometti rikors għal taħrika.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar il-manteniment internazzjonali, tista’ tikkuntattja lill-Aġenzija Żvediża tal-Assigurazzjoni Soċjali (Försäkringskassan), li hija l-awtorità ċentrali fl-Iżvezja.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Ġenitur li jkollu l-kustodja għandu d-dritt jitlob il-manteniment f’isem wild minuri. Jekk ikun inħatar tutur speċjali, dan ukoll huwa intitolat li jaġixxi f’isem il-wild.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni jistgħu jinstabu fil-Kodiċi tal-Ġenituri (föräldrabalken), il-Kodiċi taż-Żwieġ (äktenskapsbalken) u l-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken). Tista’ tinkiseb informazzjoni wkoll minn qorti distrettwali.

Il-proċedimenti dwar il-manteniment tat-tfal jinstemgħu fil-post fejn l-intimat ikollu r-residenza abitwali tiegħu. Jekk l-ebda qorti oħra ma jkollha ġuriżdizzjoni, il-kawża tinstema’ mill-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma.

Il-mistoqsijiet dwar il-ħlasijiet tal-manteniment lil konjuġi jistgħu jiġu ttrattati fis-seduta tad-divorzju. Il-kawżi matrimonjali jinstemgħu mill-qorti distrettwali fil-post fejn wieħed mill-konjuġi jkollu r-residenza abitwali tiegħu. Jekk l-ebda wieħed minnhom ma jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-Iżvezja, il-kawża tinstema’ mill-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma. Jekk il-proċedimenti relatati mal-manteniment għall-konjuġi ma jinbdewx b’rabta mal-kawża matrimonjali, japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni fil-Kapitolu 10 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ir-Regolament dwar il-Manteniment) jistabbilixxi r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni f’kawżi transfruntieri.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Le. Kull min jixtieq iressaq kawża quddiem qorti jrid iressaq rikors fil-qorti distrettwali kompetenti għal taħrika.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-proċedimenti tal-qorti nfushom huma bla ħlas fl-Iżvezja, ħlief għat-tariffa tar-rikors, li attwalment hija ta’ SEK 900. Jekk ir-rikorrent iqabbad konsulent legali jew avukat, dan ikun jinvolvi xi spejjeż. Is-sottomissjoni tal-provi, eż. permezz ta’ xhieda, tista’ wkoll tinvolvi xi spejjeż.

Huwa impossibbli li ssir stima tal-ispejjeż, peress li dawn ivarjaw minn kawża għal oħra.

L-għajnuna legali tista’ tingħata f’ċerti kundizzjonijiet. Huma meħtieġa raġunijiet partikolari biex tingħata l-għajnuna legali f’kawża ta’ manteniment. Raġunijiet bħal dawn jistgħu jeżistu, pereżempju, jekk iċ-ċirkostanzi jkunu aktar ikkumplikati mis-soltu u jirrikjedu assistenza legali aktar estensiva.

L-għoti ta’ għajnuna legali jfisser li r-rikorrent jiġi assenjat avukat u li l-Istat iħallas it-tariffa ta’ dik il-persuna jekk ir-rikorrent ma jkunx jiflaħ għaliha. L-għajnuna legali tinkludi wkoll l-ispejjeż involuti fis-sottomissjoni tal-provi, l-investigazzjoni, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni u l-ispejjeż ta’ intermedjarju. Dawk li jkunu ngħataw għajnuna legali jiġu eżentati wkoll minn ċerti tariffi li jitħallsu lill-qorti u lill-Awtorità Eżekutorja Żvediża (Kronofogdemyndigheten).

Dawk li ma humiex ċittadini Żvediżi u li ma humiex jew ma kinux residenti fil-pajjiż jistgħu jingħataw għajnuna legali għal kawżi li għandhom jitressqu fl-Iżvezja, jekk ikun hemm raġunijiet partikolari biex dan isir. Jekk il-kwistjoni trid tiġi eżaminata barra l-pajjiż, l-għajnuna legali tista’ tingħata biss jekk il-persuna tkun residenti fl-Iżvezja. Iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE għandhom l-istess dritt għall-għajnuna legali bħaċ-ċittadini Żvediżi. Iċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi oħrajn ukoll għandhom l-istess drittijiet, taħt dispożizzjoni speċjali li tirrikjedi li jkun hemm fis-seħħ ftehim dwar trattament reċiproku.

Għat-tilwim transfruntier fi ħdan l-UE, hemm xi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna legali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-għajnuna legali bla ħlas tista’ tingħata għal ċerti każijiet taħt ir-Regolament dwar il-Manteniment li jirrigwardaw il-manteniment ta’ ġenitur lil wild taħt il-21 sena.

Informazzjoni dwar l-għajnuna legali tista’ tinkiseb mill- Awtorità Żvediża tal-Għajnuna Legali ( Rättshjälpsmyndigheten).

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-valutazzjoni tal-ammont tal-manteniment tal-wild hija bbażata fuq kriterji legali. Ġenitur li jkun responsabbli għall-manteniment ikun intitolat biex iżomm ċertu ammont għall-manteniment tiegħu stess mill-introjtu tiegħu wara t-taxxa. Dan jinkludi l-kost tal-akkomodazzjoni, li jiġi kkalkulat b’mod separat f’livell meqjus li huwa raġonevoli. Spejjeż oħra tal-għajxien jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ ammont standard marbut mal-indiċi. Il-ġenitur inkwistjoni jista’ wkoll jirriżerva ammont għall-manteniment tal-konjuġi li miegħu jgħix, jekk ikun hemm raġunijiet speċifiċi biex jagħmel dan. Finalment, il-ġenitur responsabbli għall-manteniment jista’ jirriżerva ammont għall-manteniment ta’ kwalunkwe wild li jgħix fid-dar. Kemm mill-ammont li jifdal għandu jmur għall-pensjoni tal-manteniment jiddependi, fost affarijiet oħrajn, fuq il-ħtiġijiet tal-wild u l-kapaċità tal-ġenitur l-ieħor li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-manteniment tal-wild. Sa ċertu punt, jista’ jsir tnaqqis għall-ispejjeż għall-kuntatt.

Ma hemm l-ebda kriterju legali għall-pensjoni tal-manteniment għal konjuġi. Madankollu, uħud mill-kriterji ta’ valutazzjoni msemmija hawn fuq iservu bħala linji gwida.

Il-ħlasijiet tal-manteniment huma marbuta mal-indiċi biex jiġi żgurat li jżommu l-valur oriġinali tagħhom. L-indiċi jirrifletti l-bidliet fl-ammont bażi tal-prezz skont il-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Soċjali (socialförsäkringsbalken), sakemm ma ssirx referenza għal dispożizzjoni differenti dwar l-indiċjar fid-deċiżjoni tal-qorti jew fi ftehim li jistabbilixxi l-pensjoni tal-manteniment. L-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali tiddeċiedi kull sena jekk il-pensjoni tal-manteniment għandhiex tinbidel u, jekk iva, b’liema perċentwal. Il-bidla, li normalment issir fl-1 ta’ Frar, tapplika għall-pensjoni tal-manteniment iddeterminata qabel l-1 ta’ Novembru tas-sena preċedenti.

Jekk il-partijiet jaqblu, dawn jistgħu jemendaw ħlas ta’ manteniment fiss billi jiffirmaw ftehim ġdid. Dan japplika anke jekk il-pensjoni tal-manteniment kienet ġiet iddeterminata b’deċiżjoni tal-qorti. Deċiżjoni jew ftehim jista’ jiġi aġġustat mill-qorti wkoll, jekk ikun hemm raġunijiet biex dan isir minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi. Għall-perjodu qabel il-bidu tal-proċedimenti, aġġustament ikkontestat minn kwalunkwe parti jista’ jieħu biss il-forma ta’ tnaqqis jew kanċellazzjoni ta’ ħlasijiet li jkunu għadhom ma sarux. Huma meħtieġa raġunijiet speċifiċi biex qorti żżid il-pensjoni għal konjuġi divorzjat minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi.

Il-qorti tista’ wkoll tibdel ftehim ta’ manteniment jekk il-ftehim ma jkunx raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkostanzi li taħthom ikun sar il-ftehim u taċ-ċirkostanzi ġenerali. Madankollu, il-ħlas lura tal-manteniment diġà riċevut jista’ jiġi ordnat biss jekk ikun hemm raġunijiet speċifiċi biex dan isir.

Jekk l-ammont ta’ ħlas ta’ manteniment perjodiku għal wild ma jkunx inbidel għal sitt snin, apparti l-aġġustamenti marbuta mal-indiċi, il-qorti tista’ tirrevedi l-ħlas ta’ manteniment għall-futur, mingħajr il-ħtieġa li tinvoka raġunijiet speċifiċi.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment għandu jitħallas lill-persuna li lilha huwa dovut. Jekk il-persuna li għandha tieħu l-manteniment tkun wild taħt it-18-il sena, il-pensjoni titħallas lill-ġenitur li jkollu l-kustodja u jgħix mal-wild.

Il-manteniment fil-forma ta’ somma f’daqqa jrid jitħallas lill-kumitat tal-protezzjoni soċjali jekk il-wild ikollu inqas minn 18-il sena.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Applikazzjoni għall-eżekuzzjoni tista’ tiġi sottomessa lill-Awtorità Eżekutorja. L-applikazzjoni ssir bil-fomm jew bil-miktub. L-ordni ta’ eżekuzzjoni għandha tiġi ppreżentata mal-applikazzjoni. Impenn bil-miktub, quddiem żewġ xhieda, relatat mal-pensjoni tal-manteniment f’konformità mal-Kodiċi taż-Żwieġ jew mal-Kodiċi tal-Ġenituri jista’ jiġi eżegwit bħala sentenza finali li għandha s-saħħa tal-liġi.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Fil-każ tal-manteniment tat-tfal, talba biex jiġi ddeterminat il-manteniment ma tistax tintlaqa’ għal perjodu itwal minn tliet snin qabel id-data li fiha ssir it-talba, ħlief jekk id-debitur jaqbel ma’ dan. It-talbiet għal pensjoni tal-manteniment stabbilita ma jibqgħux eżegwibbli (jaqgħu preskritti) ħames snin wara d-data meta jsir dovut il-ħlas.

Fil-każ tal-manteniment ta’ konjuġi, talba biex jiġi ddeterminat il-manteniment ma tistax tintlaqa’ għal perjodu itwal minn tliet snin qabel id-data li fiha ssir it-talba, ħlief jekk id-debitur jaqbel ma’ dan. It-talbiet għal pensjoni tal-manteniment stabbilita ma jibqgħux eżegwibbli (jaqgħu preskritti) tliet snin wara d-data meta jsir dovut il-ħlas.

F’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni, hemm għadd ta’ eżenzjonijiet mill-qbid, eż. ħwejjeġ u oġġetti oħrajn maħsuba biss għall-użu personali tad-debitur, sa valur raġonevoli, u ċerti affarijiet meħtieġa għal dar u ż-żamma tagħha. Jekk id-debitur ikollu familja, l-oġġetti użati mill-familja u l-ħtiġijiet tal-familja jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat x’għandu jiġi eżentat mill-qbid.

Tista’ tinqabad biss dik il-parti tal-pagi jew tas-salarju tad-debitur li taqbeż dak li għandu bżonn għall-għajxien tiegħu u għal dak tal-familja tiegħu. Il-parti tal-pagi jew tas-salarju tad-debitur li ma tistax tinqabad (förbehållsbeloppet) tiġi ddeterminata b’referenza għal ammont standard. L-ammont standard ikopri l-ispejjeż tal-għajxien tas-soltu kollha, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, li jiġu ddeterminati separatament u miżjuda mal-ammont standard. L-ammont standard jiġi stabbilit kull sena mis-Servizz Eżekutorju.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Fl-Iżvezja, l-Awtorità Eżekutorja tipprovdi assistenza fl-irkupru tal-manteniment. F’kawżi transfruntieri, il-persuna intitolata għall-manteniment tista’ tikseb assistenza amministrattiva mill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali fl-applikazzjoni lill-Awtorità Eżekutorja għall-irkupru.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Għal tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu sseparaw, l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali tista’ tipprovdi appoġġ ta’ manteniment li jammonta għal SEK 1 673 fix-xahar sax-xahar li fih il-wild jagħlaq seba’ snin, SEK 1 823 fix-xahar sakemm il-wild jagħlaq 15-il sena, u SEK 2 223 fix-xahar mix-xahar li fih il-wild jagħlaq 15-il sena lill-ġenitur li jgħix u jkun uffiċjalment irreġistrat mal-wild. Id-deċiżjoni ta’ appoġġ ta’ manteniment tittieħed wara applikazzjoni lill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali, l-awtorità li tamministra l-assigurazzjoni soċjali. L-appoġġ ta’ manteniment huwa mod biex is-soċjetà tiżgura li wild li l-ġenituri tiegħu jkunu sseparaw jirċievi ċertu livell ta’ manteniment anke jekk il-ġenitur responsabbli għall-manteniment jonqos milli jissodisfa l-obbligu ta’ manteniment tiegħu. Il-ġenitur responsabbli mill-manteniment irid iħallas lura lill-Istat, skont l-introjtu tiegħu u l-għadd totali ta’ wlied li għalihom tkun responsabbli għall-manteniment. L-obbligu ta’ ħlas huwa ddeterminat permezz ta’ proċedura amministrattiva. Jekk il-pensjoni tal-manteniment titħallas minflok direttament lill-ġenitur li jgħix mal-wild, l-ammont ta’ appoġġ ta’ manteniment imħallas mill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali jitnaqqas skont dan. Dan huwa magħruf bħala pensjoni supplimentari (utfyllnadsbidrag).

Jekk il-ġenitur responsabbli għall-manteniment jgħix barra l-pajjiż, jew jgħix fl-Iżvezja iżda jirċievi remunerazzjoni jew introjtu ieħor f’pajjiż ieħor jew minn pajjiż ieħor, l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali tista’ tagħti struzzjonijiet lill-ġenitur li jkollu l-kustodja tal-wild u jgħix miegħu biex jieħu passi sabiex jiżgura li jiġi ddeterminat l-obbligu ta’ manteniment. L-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali għalhekk tieħu f’idejha d-dritt tal-wild għall-pensjoni tal-manteniment sas-somma mħallsa mill-Aġenzija bħala appoġġ ta’ manteniment.

Konjuġi ma jistax jikseb appoġġ ta’ manteniment mill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

F’kawżi transfruntiera, ir-rikorrent jista’ jikseb assistenza amministrattiva mill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali. L-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali hija l-awtorità ċentrali taħt ir-Regolament tal-UE dwar il-Manteniment u l-Konvenzjoni ta’ The Hague tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Manteniment għat-Tfal u Forom Oħra ta’ Manteniment tal-Familja (il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2007) kif ukoll l-aġenzija mittenti/riċeventi taħt il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1956 dwar l-Irkupru tal-Manteniment barra l-Pajjiż.

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 14.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali huma dawn:

Swedish Social Insurance Agency (Försäkringskassan)

PO Box 1164

SE-621 22 Visby

L-Iżvezja

Tel.: +46 (771) 17 90 00

Fax: +46 (10) 11 20 411

Email: centralmyndigheten@forsakringskassan.se

L-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tiffaċilita l-irkupru tal-manteniment. Il-funzjonijiet tal-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali bħala awtorità ċentrali taħt ir-Regolament dwar il-Manteniment u l-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2007 ġejjin rispettivament mir-Regolament u mill-Konvenzjoni. Fost affarijiet oħra, l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali trid tassisti lill-persuni intitolati għall-manteniment bit-talbiet li jistgħu jsiru permezz tal-awtorità, bħal applikazzjoni biex tinkiseb deċiżjoni dwar il-manteniment fi Stat ieħor. Għal aktar informazzjoni dwar l-għajnuna disponibbli għall-applikanti, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

L-applikanti li jixtiequ jirkupraw il-manteniment taħt il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1956 dwar l-Irkupru tal-Manteniment Barra l-Pajjiż, iridu japplikaw mal-aġenzija mittenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, li mbagħad tibgħat l-applikazzjoni lill-aġenzija riċeventi fl-Iżvezja (l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali).

Dan japplika wkoll jekk l-applikant ikun jixtieq jirċievi l-assistenza li tista’ tinkiseb minn awtoritajiet ċentrali taħt ir-Regolament dwar il-Manteniment jew il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2007, jiġifieri l-applikant irid jikkuntattja lill-awtorità ċentrali tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li mbagħad tibgħat l-applikazzjoni lill-aġenzija riċeventi fl-Iżvezja (l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali).

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Jekk il-persuna intitolata għall-manteniment tkun tixtieq tirkupra l-manteniment taħt il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1956 dwar l-Irkupru tal-Manteniment Barra l-Pajjiż, ir-Regolament dwar il-Manteniment jew il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2007, dan għandu jissottometti applikazzjoni lill-aġenzija mittenti/awtorità ċentrali fl-Iżvezja (l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali), li mbagħad tibgħat l-applikazzjoni lill-awtorità riċeventi fil-pajjiż fejn tirrisjedi u/jew għandek introjtu.

Jekk, bħala persuna obbligata li tħallas il-manteniment, tixtieq tingħata assistenza, pereżempju, biex tibdel pensjoni tal-manteniment fissa, tista’ tikkuntattja lill-awtorità ċentrali fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek, li mbagħad tibgħat l-applikazzjoni lill-awtorità ċentrali fl-Iżvezja (l-Aġenzija tal-Assigurazzjoni Soċjali).

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 16.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva. L-Iżvezja hija marbuta bil-Protokoll ta’ The Hague tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment (il-Protokoll ta’ The Hague), li d-dispożizzjonijiet tiegħu ilhom japplikaw fl-UE mit-18 ta’ Ġunju 2011. Ir-regola ewlenija taħt il-Protokoll ta’ The Hague hija li għandha tapplika l-liġi tal-Istat li fih il-persuna intitolata għall-manteniment hija residenti abitwali. Fl-interess tal-wild, b’mod partikolari, tista’ tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż tal-qorti jew il-liġi tal-pajjiż li tiegħu kemm il-wild kif ukoll il-persuna li għandha tħallas il-manteniment huma ċittadini, jekk l-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali ma tkunx fl-interessi tal-wild. Il-partijiet jistgħu wkoll jaqblu dwar liema liġi għandha tapplika, iżda l-ambitu ta’ tali ftehimiet huwa limitat għal kawżi ta’ manteniment ta’ tfal taħt it-18-il sena, pereżempju.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

L-Iżvezja hija marbuta bil-Protokoll ta’ The Hague (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 20).

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 7 dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għall-għajnuna legali.

Fil-każ ta’ tilwim transfruntier fl-UE, hemm xi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna legali. Fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-għajnuna legali stabbiliti fir-Regolament dwar il-Manteniment, tingħata l-għajnuna legali bla ħlas jekk ir-rikorrent ikun jeħtieġ assistenza legali u dik il-ħtieġa ma tkunx tista’ tiġi ssodisfata b’mezzi oħrajn.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Ma ġiet adottata l-ebda miżura speċifika.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 28/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.