Dokumenti pubbliċi

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

L-Artikolu 24(1)(a) - lingwi aċċettati mill-Istat Membru għad-dokumenti pubbliċi biex jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tiegħu skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)

Is-Slovakk, u għall-finijiet tal-Artikolu 6(1)(a) iċ-Ċek huwa aċċettabbli wkoll.

L-Artikolu 24(1)(b) - lista indikattiva ta' dokumenti pubbliċi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

Ċertifikat tat-twelid, ċertifikat taż-żwieġ, ċertifikat tal-mewt, ċertifikat ta’ bidla ta’ isem u kunjom, deċiżjoni dwar bidla ta’ isem u kunjom, dikjarazzjoni ta’ paternità, sentenza li tikkonċerna l-isem, sentenza ta’ divorzju, sentenza ta’ annullament taż-żwieġ, sentenza li tawtorizza minuri jiżżewweġ, sentenza dwar il-paternità/maternità, sentenza ta’ adozzjoni, sentenza li tiddikjara persuna mejta legalment, ċertifikat ta’ residenza għaċ-ċittadini Slovakki, ċertifikat ta’ residenza għaċ-ċittadini barranin, ċertifikat ta’ ċittadinanza Slovakka (maħruġ fuq karta biss), ċertifikat tal-fedina penali.

L-Artikolu 24(1)(c) - il-lista ta' dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża l-formoli standard multilingwi bħala għajnuna adatta għat-traduzzjoni

Ċertifikat tat-twelid, ċertifikat taż-żwieġ, ċertifikat tal-mewt, sentenza li tiddikjara persuna mejta legalment, sentenza li tawtorizza minuri jiżżewweġ, sentenza ta’ divorzju, sentenza ta’ annullament taż-żwieġ, ċertifikat ta’ residenza għal ċittadini Slovakki, ċertifikat tal-fedina penali.

L-Artikolu 24(1)(d) - il-listi ta' persuni kkwalifikati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex iwettqu traduzzjonijiet iċċertifikati, meta tali listi jkunu jeżistu

Il-lista tat-tradutturi tinsab fis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk.

L-Artikolu 24(1)(e) - lista indikattiva ta' tipi ta' awtoritajiet awtorizzati mil-liġi nazzjonali sabiex jagħmlu kopji ċċertifikati

In-nutara u n-nutara kandidati

- in-nutara - fis-sit web tal-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Slovakka (Notárska komora Slovenskej republiky) (jistgħu jsiru tiftixiet bis-Slovakk kif ukoll bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Ungeriż);

- ma hemm l-ebda lista separata għal nutara kandidati; dawn jaħdmu ma’ nutar.

L-Artikolu 24(1)(f) - informazzjoni dwar il-mezzi li bihom traduzzjonijiet iċċertifikati u kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati

(A) Traduzzjonijiet iċċertifikati:

i. It-traduzzjonijiet iċċertifikati li jsiru minn traduttur irreġistrat fil-lista tat-tradutturi jinkludu dikjarazzjoni tat-traduttur (prekladateľská doložka). Skont l-Artikolu 23(4) tal-Att Nru 382/2004, dikjarazzjoni tat-traduttur trid tinkludi l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tat-traduttur, il-qasam li t-traduttur huwa awtorizzat jittraduċi fih, in-numru tas-serje tat-traduzzjoni li jinsab irreġistrat bih fir-reġistru u stqarrija mit-traduttur li huwa konxju tal-konsegwenzi tal-produzzjoni ta’ traduzzjoni mhux veritiera. It-traduzzjonijiet iċċertifikati jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ numru bi 12-il ċifra fis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk.

ii. Traduzzjonijiet iċċertifikati jsiru jew jiġu ċċertifikati minn missjoni diplomatika jew uffiċċju konsolari skont l-Artikolu 14e(1)(d) tal-Att Nru 151/2010 meta jkunu traduzzjonijiet lejn is-Slovakk ta’ dokument maħruġ minn pajjiż barrani għall-finijiet ta’ funzjonijiet konsolari. L-impjegati ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsolari jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu jew jiċċertifikaw traduzzjoni ta’ dan it-tip jekk ma jkollhomx għarfien biżżejjed tal-lingwa li d-dokument inkiteb biha.

(B) Kopji iċċertifikati:

i. Kopji ċċertifikati mfasslin minn nutar jew student nutar iridu jinkludu dikjarazzjoni ta’ ċertifikazzjoni (osvedčovacia doložka), li skont l-Artikolu 57(2) tal-Att Nru 323/1992, trid tiddikjara:

(a) jekk il-kopja tikkorrispondix kelma b’kelma mad-dokument li tkun saret minnu, jekk dak id-dokument ikunx oriġinali jew kopja ċċertifikata, u kemm fih folji,

(b) l-għadd ta’ folji li l-kopja jkun fiha,

(c) jekk hijiex kopja sħiħa jew parzjali,

(d) jekk ikunx hemm bidliet, żidiet, inserzjonijiet jew tħassir fid-dokument ippreżentat li jista’ jimmina l-affidabbiltà tagħha,

(e) jekk sarux korrezzjonijiet fuq il-kopja għall-inkonsistenzi mad-dokument ippreżentat,

(f) il-post u d-data tal-ħruġ,

(g) il-firma tan-nutar li jkun qed jippreżenta d-dikjarazzjoni jew l-impjegat awtorizzat minn dan in-nutar u t-timbru uffiċjali tan-nutar.

ii. Kopji ċċertifikati li saru mill-missjonijiet diplomatiċi tar-Repubblika Slovakka iridu jinkludu dikjarazzjoni ta’ ċertifikazzjoni (bis-Slovakk), li, skont l-Artikolu 14e(2) tal-Att Nru 151/2010, irid ikollha t-timbru uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew tal-uffiċċju konsolari bl-emblema tal-Istat, li tkun ta’ dijametru ta’ 36 mm, u l-firma ta’ impjegat awtorizzat tal-missjoni diplomatika jew tal-uffiċċju konsolari. Jekk id-dokument li jkun qed jiġi ċċertifikat ikollu żewġ folji jew aktar, iridu jingħaqdu flimkien bi spaga u t-truf maħlula jitgħattew bi stiker u jiġu ttimbrati bit-timbru uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew tal-uffiċċju konsolari.

Id-dettalji tad-dikjarazzjoni ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 14e(1)(a) tal-Att Nru 151/2010 għaċ-ċertifikazzjoni li kopja ta’ dokument tkun taqbel mad-dokument oriġinali ppreżentat:

(a) in-numru sekwenzjali li ċ-ċertifikat iddaħħal bih fir-reġistru speċjali,

(b) dikjarazzjoni li tikkonferma li l-kopja tad-dokument tikkorrispondi mad-dokument ippreżentat,

(c) l-għadd ta’ folji u paġni li fiha l-kopja tad-dokument u jekk

hix kopja sħiħa jew parzjali tad-dokument,

(d) il-post u d-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat,

(e) l-ammont korrett tat-tariffa kif stipulat fil-leġiżlazzjoni rilevanti,

(f) l-isem, il-kunjom, il-funzjoni u l-firma tal-impjegat li ħareġ iċ-ċertifikat.

Mudell tad-dikjarazzjoni taċ-ċertifikazzjoni:

Numru .................. Tariffa ...............

Dan jiċċertifika li din il-fotokopja/kopja

sħiħa (parzjali) li fiha ....

paġni tikkorrispondi għall-oriġinali

ppreżentat li fih .....................................

paġni.

Irregolaritajiet, korrezzjonijiet ......................

Magħmul ......................... fi .......................

L.S. .....................................................

iii. Kopji ċċertifikati magħmula minn awtoritajiet distrettwali u muniċipalitajiet iridu jinkludu dikjarazzjoni ta’ ċertifikazzjoni li jkun fiha d-dettalji li ġejjin skont l-Artikolu 7(2) tal-Att Nru 599/2001:

(a) dikjarazzjoni li tikkonferma li l-kopja tad-dokument tikkorrispondi mad-dokument ippreżentat,

(b) l-għadd ta’ folji u paġni li fiha l-kopja tad-dokument,

(c) in-numru sekwenzjali li ċ-ċertifikat iddaħħal bih fl-entrata taċ-ċertifikazzjoni,

(d) id-data u l-post taċ-ċertifikazzjoni u, meta jkun meħtieġ, il-ħin meta d-dokument ġie ppreżentat.

Jekk jogħġbok innota li skont l-Artikolu 5 tal-Att Nru 599/2001, l-awtoritajiet distrettwali u l-muniċipalitajiet ma jagħmlux kopji ċċertifikati biex jintużaw barra minn pajjiżhom.

L-Artikolu 24(1)(g) - informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji ċċertifikati

Minbarra d-dikjarazzjoni ta’ ċertifikazzjoni tan-nutar jew tan-nutar kandidat, il-kopji (u fotokopji) ċċertifikati ma għandhomx karatteristiċi speċifiċi.

L-aħħar aġġornament: 28/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.