Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Belġju
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

F’xi każijiet ikun aħjar li wieħed juża l-”Iskema ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim” (ara l-pakkett ta’ informazzjoni rilevanti).

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

L-iskadenza biex titressaq kawża quddiem il-qorti tvarja minn kawża għall-oħra. Avukat jew dipartiment li jipprovdi liċ-ċittadini b’tagħrif dwar l-aċċess għall-ġustizzja, jista’ jwieġeb għall-mistoqsijiet dwar l-iskadenzi.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara l-pakkett ta’ informazzjoni ‘Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara l-pakkett ta’ informazzjoni ‘Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati – Il-Belġju

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara l-pakkett ta’ informazzjoni ‘Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati – Il-Belġju

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 728(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-partijiet iridu jkunu fiżikament preżenti jew iridu jiġu rappreżentati minn avukat (Gerechtelijk Wetboek).

B’hekk, minbarra għall-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (Hof van Cassatie) (l-Artikoli 478 u 1080 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), il-partijiet jistgħu jkunu fiżikament preżenti fil-qrati ordinarji u jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom u jiddefendu lilhom infushom. Madankollu, il-qorti għandha l-awtorità li tneħħi din l-għażla jekk tara li, minħabba l-emozzjonijiet jew in-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom, il-partijiet ma jkunux jistgħu jiddiskutu l-każ tagħhom b’mod xieraq jew ċar biżżejjed (l-Artikolu 758 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-partijiet li jiddeċiedu ma jressqux il-proċedimenti quddiem il-qorti personalment, jistgħu jirrikorru għas-servizzi ta’ avukat.

Il-Kodiċi Ġudizzjarju, fil-prinċipju, jirriżerva r-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-qrati għall-avukati. l-Artikolu 440 tal-Kodiċi Ġudizzjarju tistipula li l-prerogattivi tal-monopolju tar-rappreżentanza jorbtu mad-dritt li wieħed jindirizza l-qorti, li jidher u li jkollu terza persuna tiddefendih. Il-membri tal-avukatura wkoll għandhom monopolju fl-iffirmar tat-talbiet unilaterali, sakemm ma jkunx determinat mod ieħor mil-liġi (l-Artikolu 1026(5) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

F’dak li jirrigwarda l-Qorti tal-Kassazzjoni, l-intervent ta’ avukat li jkollu t-titolu ta’ konsulent legali tal-Qorti tal-Kassazzjoni huwa rekwiżit ġuridiku. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-parte ċivile fi kwistjonijiet kriminali (l-Artikolu 478 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Madankollu, il-liġi xorta waħda tipprevedi għadd ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju tat-Taqsima 728 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, li jistipula li l-partijiet iridu jidhru personalment jew iridu jiġu rappreżentati minn avukat mal-ftuħ tal-proċedimenti u ulterjorment (l-Artikolu 728(1) u (2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Id-dritt li wieħed jirrappreżenta lil xi parti fil-proċedimenti jinkludi wkoll id-dritt li dan jagħti bidu għall-proċedimenti msemmija.

Quddiem il-maġistrat ċivili, il-qorti tal-kummerċ u t-tribunali industrijali, il-partijiet mhux biss jistgħu jiġu rappreżentati minn avukat imma wkoll mill-konjuġi tagħhom jew minn xi dixxendent jew qarib miż-żwieġ li jkollu prokura bil-miktub li tiġi aċċettata mill-qorti (l-Artikolu 728(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Quddiem it-tribunali industrijali (l-Artikolu 728(3) tal-Kodiċi Ġudizzjarju):

  • l-impjegat (ħaddiem jew operatur) jiġi rrappreżentat mid-delegat ta’ organizzazzjoni rappreżentattiva tal-impjegati (rappreżentant tat-trejdjunjin) li jkollu prokura bil-miktub. Ir-rappreżentant tat-trejdjunjin jista’ jwettaq l-azzjonijiet kollha marbuta mar-rappreżentanza f’isem l-impjegat, jista’ jindirizza lill-qorti u jista’ jirċievi l-komunikazzjonijiet kollha dwar il-proċedimenti u l-aġġudikazzjoni tat-tilwima;
  • il-persuni li jaħdmu għal rashom ukoll jistgħu jiġu rappreżentati mid-delegat ta’ organizzazzjoni rappreżentattiva tal-ħaddiema għal rashom, fit-tilwim relatat mad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, f’din il-kapaċità jew fil-kapaċità ta’ persuni b’diżabbiltà;
  • fit-tilwim relatat mal-applikazzjoni tal-liġi tas-7 ta’ Awwissu 1974 li timplimenta d-dritt għal livell minimu ta’ sussistenza u fit-tilwim relatat mal-applikazzjoni tal-Liġi Organika tat-8 ta’ Lulju 1976 dwar iċ-Ċentri Pubbliċi għas-Servizzi Soċjali (openbare centra voor maatschappelijk welzijn – OCMW), il-parti interessata tista’ wkoll tiġi megħjuna jew rappreżentata minn delegat ta’ organizzazzjoni soċjali li tirrappreżenta l-interessi tal-persuni msemmija fil-leġiżlazzjoni.

L-entitajiet legali, bħalma huma l-kumpaniji tan-negozjar, jistgħu jidhru biss personalment (jiġifieri, permezz tal-intervent ta’ korpi kompetenti) jew jistgħu jkunu rappreżentati minn avukat. Ma jistgħux jagħmlu użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 728(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju, imsemmija aktar fid-dettall hawn taħt.

Apparti l-eċċezzjonijiet iċċitati, hemm għadd ta’ eċċezzjonijiet statutorji li jirrigwardaw il-kustodja u s-sekwestru tal-minorenni.

Aktar speċifikament dawn jikkonċernaw kawżi mressqa abbażi ta’:

  • il-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tas-sekwestru internazzjonali tal-minorenni, li tipprevedi r-ritorn tal-minorenni, ir-rispett lejn id-dritt għall-kustodja jew id-dritt tal-ġenituri li jaraw lil uliedhom, jew l-organizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’pajjiż ieħor u
  • il-Konvenzjoni Ewropea tal-20 ta’ Mejju 1980 dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Kustodja ta’ Minorenni u dwar ir-Restituzzjoni tal-Kustodja ta’ Minorenni.

F’dawn il-każijiet, ir-rikorrent jista’ jiġi rappreżentat mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (l-Artikolu 1322quinquies tal-Kodiċi Ġudizzjarju) meta dan ir-rikorrent ikun ressaq it-talba tiegħu lill-awtorità ċentrali.

Il-proċedura biex jiġi determinat jekk persuna tistax tibda proċedimenti waħedha jew jekk għandhiex titlob l-assistenza ta’ avukat, ġiet deskritta inġenerali hawn fuq. Għandha ssir ukoll distinzjoni skont il-mod kif titressaq kawża quddiem il-qorti.

Il-liġi Belġjana tipprovdi diversi modi biex titressaq kawża quddiem il-qorti. Din tista’ titressaq permezz ta’ rikors ġuramentat, ta’ dehra volontarja, ta’ talba inter partes jew inkella ta’ talba unilaterali (ara hawn taħt). Kawża titressaq quddiem il-qorti billi tiġi ppreżentata talba, jiġifieri azzjoni legali, biex wieħed jiddefendi d-drittijiet tiegħu.

Fil-prinċipju, kawża titressaq quddiem il-qorti permezz ta’ ċitazzjoni mingħand il-bailiff, li tħarrek lill-parti biex tidher fil-qorti (l-Artikolu 700 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Id-dehra volontarja, it-talba inter partes u t-talba unilaterali huma eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju.

It-tabelli ta’ hawn taħt jindikaw min iressaq il-kawża u jekk ikunx hemm bżonn ta’ rappreżentanza minn avukat jew le, skont b’liema mod tkun tressqet il-kawża.

Awtur tal-att skont b’liema mod tkun tressqet il-kawża:

Il-mod li bih tkun tressqet il-kawża

Awtur tal-att

Rikors ġuramentat (l-Artikoli 727 sa 730 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

L-applikant (jew l-avukat tiegħu) jitlob lill-bailiff biex jippreżenta ċ-ċitazzjoni.

Dehra volontarja (l-Artikolu 706 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Il-partijiet involuti fit-tilwima (jew l-avukati tagħhom) imorru personalment il-qorti.

Talba inter partes (l-Artikoli 1034a sa 1034sexies tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

L-applikant (jew l-avukat tiegħu) iressaq il-kawża hu stess.

Talba unilaterali (l-Artikoli 1025 sa 1034 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Minbarra l-każijiet eċċezzjonali speċifikati fil-liġi, l-intervent ta’ avukat huwa obbligatorju għall-iffirmar u l-preżentata tar-rikors (l-Artikoli 1026(5) u 1027, l-ewwel sentenza tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Rappreżentanza minn avukat jew le, skont b’liema mod tkun tressqet il-kawża:

Il-mod li bih tkun tressqet il-kawża

Rappreżentanza minn avukat

Rikors ġuramentat (l-Artikoli 727 sa 730 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Intervent possibbli iżda mhux obbligatorju.

Dehra volontarja (l-Artikolu 706 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Intervent possibbli iżda mhux obbligatorju.

Talba inter partes (l-Artikoli 1034a sa 1034sexies tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Intervent possibbli iżda mhux obbligatorju.

Talba unilaterali (l-Artikoli 1025 sa 1034 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Minbarra l-każijiet eċċezzjonali speċifikati fil-liġi, l-intervent ta’ avukat huwa obbligatorju għall-iffirmar u l-preżentata tar-rikors (l-Artikoli 1026(5) u 1027, l-ewwel sentenza tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-kontenut kopert skont b’liema mod tkun tressqet il-kawża:

Normalment kawża titressaq quddiem il-qorti permezz ta’ rikors ġuramentat: ma hemm l-ebda restrizzjoni rigward is-suġġett li tittratta.

It-talba inter partes (l-Artikoli 1034a sa 1034sexies tal-Kodiċi Ġudizzjarju) tista’ tintuża f’għadd ta’ każijiet stabbiliti mil-liġi. L-aktar dispożizzjonijiet importanti marbuta mal-introduzzjoni ta’ proċedimenti permezz ta’ talba inter partes huma t-Taqsimiet 704, 813, 1056(2), 1193a, 1239, 1344a 1371a, 1320(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju u t-Taqsimiet 228, 331, 331a, 340f, 340f tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek).

Dawn l-Artikoli b’mod partikolari jirrigwardaw:

  • l-intervent volontarju;
  • l-appell;
  • ċertu bejgħ ta’ proprjetà immobbli;
  • il-manteniment (talbiet għall-għoti, għaż-żieda, għat-tnaqqis jew għat-tneħħija tal-manteniment);
  • talbiet relatati ma’ ftehimiet ta’ lokazzjoni/kiri;
  • Il-protezzjoni tal-persuni;
  • kawżi marbuta mad-drittijiet u l-obbligi ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja;
  • id-divorzju;
  • il-baġit provviżorju għas-sekwestri.

Il-kawżi jitressqu permezz ta’ talba bil-miktub li tiġi ppreżentata lir-reġistrar tal-qorti jew li tintbagħat lir-reġistru tal-qorti bil-posta reġistrata. Il-partijiet jitħarrku mir-reġistrar tal-qorti biex jidhru f’ġurnata stabbilita għas-smigħ mill-imħallef.

It-talba unilaterali (l-Artikoli 1025 sa 1034 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) tista’ tintuża biss fil-każijiet speċifikament stipulati mil-liġi, b’mod partikolari fl-Artikoli 584, 585, 588, 594, 606, 708, 1149, 1168, 1177, 1186 sa 1189, 1192 u 1195 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Tintuża wkoll fil-każijiet fejn ma jkunux jistgħu jitressqu proċedimenti kontradittorji minħabba li ma jkun hemm l-ebda parti kontradittriċi preżenti.

Għalhekk, it-talba unilaterali prinċipalment tintuża għal proċedimenti unilaterali, pereżempju f’kawżi ta’ ħtieġa assoluta.

It-talba unilaterali trid tiġi ffirmata minn avukat, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, inkella titqies bħala bla effett.

Konsegwentement, ir-rappreżentanza minn avukat, fil-prinċipju, hija obbligatorja sabiex tkun tista’ titressaq kawża fuq talba unilaterali.

Id-dehra volontarja: meta t-tilwima tkun tirrigwarda suġġett li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ waħda mill-qrati segwenti, il-partijiet jistgħu jidhru volontarjament quddiem:

  • il-qorti tal-prim’istanza;
  • it-tribunal industrijali;
  • il-qorti kummerċjali;
  • il-maġistrat ċivili jew
  • it-tribunal tal-pulizija, għal kawżi ċivili.

Fil-każ tad-dehra volontarja, il-partijiet li jitolbu li tittieħed deċiżjoni, iridu jiffirmaw id-dikjarazzjoni tagħhom fin-naħa t’isfel tal-proċess verbali mfassal mill-qorti.

It-tilwimiet kontroversjali kollha jistgħu jitressqu quddiem il-qorti kompetenti b’dan il-mod li jgħin biex jiġu ffrankati l-ispejjeż u l-ħin.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Kwalunkwe persuna li tkun tixtieq tressaq kawża quddiem il-qorti tista’ tagħmel dan billi tikkuntattja lill-uffiċċju tal-akkoljenza jew lir-reġistru tal-qorti.

Meta l-att promotur huwa ċitazzjoni, il-bailiff jiżgura li ċ-ċitazzjoni tiġi nnotifikata, u jitlob lir-reġistru tal-qorti biex jirreġistraha fil-lista tal-kawżi wara s-sottomissjoni tal-oriġinal jew, skont fejn ikun meħtieġ, tal-kopja taċ-ċitazzjoni ppreżentata (l-Artikolu 718 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Ir-reġistru li fuqu jiġu elenkati l-kawżi kollha (il-lista tal-kawżi) jinsab fir-reġistru tal-qorti. L-entrati fil-lista tal-kawżi jkunu validi biss jekk isiru sa mhux aktar tard minn lejliet il-ġurnata stabbilita għas-smigħ li għalih tkun ġiet ippreżentata ċ-ċitazzjoni. Il-lista tal-kawżi ġenerali hija disponibbli għall-pubbliku (l-Artikolu 719 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Għalhekk il-konvenut jista’ jivverifika jekk il-kwistjoni li għaliha jkun tħarrek iddaħħlitx fil-lista tal-kawżi ġenerali.

Fil-każ tad-dehra volontarja, il-partijiet jew l-avukati tagħhom jitolbu lir-reġistru tal-qorti jdaħħal il-kawża fil-lista tal-kawżi.

It-talba inter partes tiġi ppreżentata lir-reġistru tal-qorti jew tintbagħat lir-reġistrar tal-qorti bil-posta reġistrata mill-applikant jew mill-avukat tiegħu, f’numru ta’ kopji li jikkorrispondi għan-numru ta’ partijiet (l-Artikolu 1034quinquies tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

It-talba unilaterali tiġi indirizzata f’żewġ kopji mill-avukat lill-qorti msejħa biex tieħu deċiżjoni dwar it-talba. Din tiddaħħal ukoll fir-reġistru tal-qorti (l-Artikolu 1027 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

F’dak li jirrigwarda l-użu tal-lingwi, għandha ssir referenza għall-Att tal-15 ta’ Ġunju 1935 dwar l-użu tal-lingwi fi kwistjonijiet ġudizzjarji (wet van 15 juni 1935 op het gebruik de talen in gerechtszaken)(ippubblikat fil-Moniteur belge/Belgisch Staatsblad fit-22 ta’ Ġunju 1935). Dan l-Att jirregola l-użu tal-lingwi fil-qrati ċivili u kummerċjali tal-Belġju.

Fil-prinċipju, il-lingwa hija ddeterminata mill-pożizzjoni ġeografika tal-qorti kompetenti. Skont l-Artikolu 42 tal-Att, hemm tliet reġjuni lingwistiċi: ir-reġjun lingwistiku Franċiż, dak Olandiż u dak Ġermaniż. Hemm ukoll l-agglomerazzjoni bilingwa ta’ Brussell (Franċiża/Olandiża) li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi, tinkludi l-muniċipalitajiet segwenti: Anderlecht, Auderghem, Berchem-Sainte-Agathe, Brussell, Etterbeek, Evere, Forest, Ganshoren, Ixelles, Jette, Koekelberg, Molenbeek-Saint-Jean, Saint-Gilles, Saint-Josse-ten-Noode, Schaerbeek, Uccle, Watermael-Boitsfort, Woluwé-Saint-Lambert u Woluwé-Saint-Pierre.

Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, kwistjoni tista’ tiġi riferuta għal qorti li tuża lingwa proċedurali differenti. Taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’ jintalab li tinbidel il-lingwa proċedurali, fil-prinċipju fil-bidu tal-proċedimenti.

Il-formulazzjoni tal-pretensjoni: pretensjoni li tiġi introdotta b’ċitazzjoni, b’talba inter partes jew b’talba unilaterali, trid titfassal bil-miktub u tkun trid tikkonforma ma’ ċerti rekwiżiti proċedurali. Ladarba l-kwistjoni tiddaħħal fil-lista tal-kawżi ġenerali ta’ qorti, ir-reġistrar tal-qorti jiftaħ fajl tal-proċedura. Il-fajl tal-proċedura jintbagħat lill-qorti li quddiemha tkun se titressaq il-kawża; f’każ li jkun se jsir appell quddiem xi qorti tat-tieni istanza jew quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, dan jintbagħat ukoll lir-reġistru tal-qorti suprema.

Attwalment mhux possibbli li titressaq kawża bil-faks jew bil-posta elettronika.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Fil-liġi ma hemmx formoli stampati minn qabel biex jinbdew il-proċedimenti. Madankolli l-kawża trid tinkludi ċerta informazzjoni; jekk ma tkunx inkluża, il-kawża titqies nulla u bla effett skont il-liġi.

Iċ-ċitazzjonijiet, it-talbiet inter partes u t-talbiet unilaterali jridu jikkonformaw ma’ għadd ta’ rekwiżiti statutorji stabbiliti fil-Kodiċi Ġudizzjarju, inkella jitqiesu bħala nulli u bla effett. Dawn l-elementi, li jridu jiġu inklużi bilfors, jirrigwardaw prinċipalment tagħrif personali dwar il-partijiet involuti, is-suġġett tat-talba, l-indikazzjoni tal-imħallef kompetenti u d-data tas-seduta ta’ smigħ.

Għalhekk, iċ-ċitazzjoni trid tinkludi, fost l-oħrajn, l-informazzjoni segwenti (l-Artikoli 43 u 702 tal-Kodiċi Ġudizzjarju):

  • il-firma tal-bailiff tal-qorti;
  • il-kunjom, l-isem u l-post tar-residenza tar-rikorrent u fejn ikun xieraq, l-indirizz attwali tar-reġistru nazzjonali jew in-numru tal-kumpanija;
  • il-kunjom, l-isem u l-post tar-residenza jew, f’każ li ma jkunx hemm residenza permanenti, l-indirizz attwali, tal-persuna destinatarja taċ-ċitazzjoni;
  • is-suġġett u deskrizzjoni fil-qosor tal-argumenti tal-kawża;
  • il-qorti li quddiemha tkun qed titressaq il-kawża;
  • il-ġurnata, ix-xahar, is-sena u l-post fejn tkun ġiet ippreżentata ċ-ċitazzjoni u
  • id-dettalji tal-post, id-data u l-ħin tas-seduta ta’ smigħ.

It-talba inter partes (l-Artikolu 1034ter tal-Kodiċi Ġudizzjarju) trid tinkludi:

  • il-ġurnata, ix-xahar u s-sena;
  • il-kunjom, l-isem u l-post tar-residenza tar-rikorrent u, fejn ikun hemm bżonn, it-titolu u r-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru nazzjonali jew in-numru tal-kumpanija;
  • il-kunjom, l-isem, il-post tar-residenza u, fejn ikun hemm bżonn, it-titolu tal-persuna destinatarja taċ-ċitazzjoni;
  • is-suġġett u deskrizzjoni fil-qosor tal-argumenti tal-kawża;
  • il-qorti li quddiemha tkun qed titressaq il-kawża;
  • il-firma tar-rikorrent jew tal-avukat tiegħu.

It-talba unilaterali trid tinkludi l-informazzjoni segwenti (l-Artikolu 1026 tal-Kodiċi Ġudizzjarju):

  • il-ġurnata, ix-xahar u s-sena;
  • il-kunjom, l-isem u l-post tar-residenza tar-rikorrent u, fejn ikun hemm bżonn, it-titolu u r-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru nazzjonali jew in-numru tal-kumpanija;
  • is-suġġett u deskrizzjoni ġenerali qasira tal-argumenti tal-kawża;
  • indikazzjoni tal-imħallef li jkun se jisma’ l-kawża;
  • il-firma tal-avukat tal-parti, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mil-liġi.

Fil-każ ta’ dehra volontarja fil-grad ta’ prim’istanza (fil-qorti tal-prim’istanza, it-tribunal tax-xogħol, il-qorti tal-kummerċ, il-qorti tal-maġistrat ċivili jew it-tribunal tal-pulizija fir-rigward ta’ kawżi ċivili), il-kawża tista’ ssir permezz ta’ rikors konġunt tal-partijiet. Huma jridu jiffirmaw u jniżżlu d-data ta’ dan ir-rikors, inkella jitqies null u bla effett. Ir-rikors jiġi ppreżentat lir-reġistrar tal-qorti jew jintbagħat lir-reġistru tal-qorti bil-posta reġistrata. Il-preżentata tar-rikors fir-reġistru tal-qorti jew il-konsenja bil-posta rreġistrata jitqiesu bħala notifika. Ir-rikors jiddaħħal fil-lista ta’ kawżi wara li jitħallsu t-tariffi tar-reġistru, fejn xieraq. Jekk il-partijiet jew waħda minnhom jagħmlu/tagħmel talba għal dan il-għan, jew jekk il-qorti tqis li huwa meħtieġ, hija tagħżel data għal seduta ta’ smigħ fi żmien ħmistax mill-preżentata tar-rikors. Ir-reġistratur tal-qorti mbagħad iħarrek lill-partijiet, u, fejn ikun xieraq, l-avukati tagħhom b’ittra ordinarja biex jidhru għas-seduta deċiża mill-qorti (l-Artikolu 706 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Iva, effettivament iridu jitħallsu l-ispejjeż tal-qorti.

Meta jiġi ppreżentat ir-rikors, ir-rikorrent irid iħallas it-tariffa msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Att tad-19 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi fond għall-għajnuna legali tat-tieni linja (Wet van 19 maart 2017 tot instelling van een begrotingsfonds voor tweedelijnsrechtsbijstand), li attwalment jammonta għal EUR 20.

Matul il-proċedimenti, il-partijiet iridu jħallsu ċerti spejjeż marbuta mal-proċedimenti, li jiddependu mill-proċeduri deċiżi mill-qorti (miżuri investigattivi, tariffi u spejjeż tal-esperti, spejjeż tal-ivvjaġġar, eċċ).

Wara l-proċedimenti, il-qorti tordna lill-parti t-telliefa, jew fin-nuqqas tagħha, lir-rikorrent biex iħallas it-tariffa tal-ippjanar, li tvarja fl-ammont skont il-każ. Dawn l-ammonti huma stabbiliti kif ġej fl-Artikolu 2691 tal-Kodiċi dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Ipoteki u t-Tariffi tal-Qorti (Wetboek der registratie-, hypotheek- en griffierechten):

  • il-qrati tal-maġistrat ċivili u t-tribunali tal-pulizija: tariffa ta’ EUR 5;
  • qrati tal-ewwel istanza u qrati tal-kummerċ: tariffa ta’ EUR 165;
  • qrati tal-appell: tariffa ta’ EUR 400;
  • qorti tal-Kassazzjoni: tariffa ta’ EUR 650.

Ċerti każijiet huma eżentati mit-tariffa tal-ippjanar, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tat-tribunali industrijali u dawk marbuta mal-falliment u r-riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Barra minn hekk, fi kwalunkwe deċiżjoni finali, l-ispejjeż jiġu imposti fuq il-parti telliefa fis-sentenza finali, skont kif ikun xieraq u b’mod sistematiku, f’konformità mal-Artikolu 1017 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Dawn l-ispejjeż iridu jitħallsu jew jiġu rifużi lill-parti l-oħra. L-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti jinkludu (l-Artikolu 1018 tal-Kodiċi Ġudizzjarju):

  1. id-diversi tariffi tar-reġistru u reġistrazzjoni tal-qorti, kif ukoll it-taxxa tal-boll imħallsa qabel it-tħassir tal-Kodiċi tat-Taxxa tal-Boll (Wetboek der zegelrechten);
  2. il-prezz u l-emolumenti u r-rimunerazzjoni assoċjati mad-dokumenti ġudizzjarji;
  3. il-prezz għall-konsenja tas-sentenza;
  4. l-ispejjeż marbuta mal-miżuri investigattivi kollha, inkluż it-tariffi tax-xhieda u tal-esperti;
  5. l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tal-maġistrati, ir-reġistraturi tal-qorti u tal-partijiet, jekk ikunu ġew ordnati jivvjaġġaw mill-qorti, u l-ispejjeż tad-dokumenti, jekk dawn ikunu ġew imfassla biss għall-iskopijiet tal-proċedimenti;
  6. il-kontribuzzjoni legalment prevista lejn l-ispejjeż tal-avukat tal-parti l-oħra, kif stipulat fl-Artikolu 1022;
  7. it-tariffi, l-emolumenti u t-tariffi tal-medjatur maħtur skont l-Artikolu 1734;
  8. il-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Att tad-19 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi fond għall-għajnuna legali tat-tieni linja. Il-miżati u d-drittijiet tal-avukat mhumiex inklużi fl-ispejjeż tal-qorti. Dawn isir ftehim dwarhom bejn l-avukat u l-klijent tiegħu. Għalhekk, kull parti trid tħallas il-miżati u d-drittijiet tal-avukat tagħha.
    Il-parti t-telliefa trid tħallas kontribuzzjoni stabbilita mil-liġi għall-ispejjeż tar-rappreżentanza legali tal-parti l-oħra (l-Artikoli 1018 u 1022 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Din tkun kontribuzzjoni ta’ ammont fiss għall-miżati u għad-drittijiet tal-avukat tal-parti rebbieħa. L-ammont ta’ dawn id-drittijiet u l-mod kif jiġi kkalkulat u mogħti, huma stipulati fid-Digriet Irjali tas-26 ta’ Ottubru 2007 (koninklijk besluit van 26 oktober 2007).

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

(Ara l-pakkett informattiv "L-għajnuna legali")

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Il-kawża effettivament titressaq quddiem il-qorti ladarba tkun iddaħħlet fil-lista tal-kawżi ġenerali, anke fil-każ ta’ dehra volontarja.

Il-kawżi fuq talba u t-talbiet għal miżuri provviżorji jiddaħħlu fil-lista tal-kawżi speċjali, li tiddetermina quddiem liema qorti għandhom effettivament jitressqu.

Il-partijiet involuti ma jirċievu l-ebda konferma, iżda jistgħu jikkonsultaw il-lista tal-kawżi ġenerali biex jiżguraw li l-kwistjoni tagħhom tkun iddaħħlet fil-lista. Hekk kif il-kawża tiddaħħal fil-lista tal-kawżi, tkun ir-responsabbiltà tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

B’mod ġenerali, l-informazzjoni dwar l-andament tal-proċedimenti tingħata mill-avukat tal-parti meta din tkun rappreżentata minn avukat. L-informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll mir-reġistru tal-qorti fejn il-kawża tkun għadha pendenti. Iċ-ċitazzjoni jkun fiha wkoll xi informazzjoni, partikolarment id-data tas-seduta ta’ smigħ u l-indikazzjoni tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża.

Fl-ewwel stadju, tingħata informazzjoni speċifika dwar is-smigħ inizjali.

Fil-każ ta’ rikors ġuramentat, il-bailiff jinforma lill-applikant bid-data tas-smigħ inizjali, li jikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċedimenti.

Fil-każ ta’ talba inter partes jew ta’ dehra volontarja, il-partijiet jiġu nnotifikati mir-reġistrar.

Fil-każ ta’ talba unilaterali, ma ssir l-ebda seduta ta’ smigħ. Madankollu, l-applikant jista’ jiġi kkonvokat mir-reġistrar, jekk l-imħallef ikun jixtieq isaqsih xi mistoqsijiet.

Fit-tieni stadju, il-każ jitħejja għall-proċess. Kull parti tingħata skadenza stipulata mil-liġi (l-Artikolu 747(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju) biex tippreżenta d-dokumenti u s-sejbiet tagħha (l-argumenti u d-difiża bil-miktub). Meta dawn l-iskadenzi ma jiġux rispettati, jistgħu jiġu imposti s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 747(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

Meta kollox ikun lest għall-proċess u l-kawża tkun lesta biex tinstema’, il-partijiet jitolbu li tiġi stabbilita data għas-seduta ta’ smigħ. Il-perjodu li fih trid tiġi stabbilita ġurnata għas-seduta ta’ smigħ jiddependi mill-piż tax-xogħol li jkollha l-qorti u minn kemm tista’ talloka ħin biex tisma’ l-kawża inkwistjoni. Minħabba li f’ċerti każijiet jinqalgħu xi kwistjonijiet proċedurali (evalwazzjonijiet, smigħ tal-partijiet, interrogatorju tax-xhieda, eċċ.), jaf ikun diffiċli jiġi ddeterminat minn qabel kemm ikunu se jieħdu żmien b’kollox il-proċedimenti. Wara kollox, il-proċedimenti jistgħu jiġu interrotti jew sospiżi, jew jistgħu saħansitra jiġu kkanċellati minħabba dawn il-kwistjonijiet proċedurali.

Fi tmiem is-smigħ, it-trattazzjonijiet jingħalqu u l-imħallef jiddiferixxi l-kawża għad-deliberazzjoni. Fil-prinċipju, l-imħallef irid jagħti d-deċiżjoni tiegħu xahar wara li jkun iddiferixxa l-kawża għad-deliberazzjoni, skont l-Artikolu 770 tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

L-aħħar aġġornament: 23/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.