Leġiżlazzjoni nazzjonali

Iċ-Ċekja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali u ħarsa ġenerali tal-liġi tar-Repubblika Ċeka.

Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja

Sorsi tal-liġi

Il-liġi Ċeka, li tifforma parti mill-kultura legali tal-Ewropa kontinentali, hija msejsa fuq il-liġi miktuba u tinkludi atti u strumenti leġiżlattivi oħra, trattati internazzjonali promulgati ratifikati mill-Parlament Ċek [il-Parlament ČR], u sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali [Ústavní soud] li jannullaw xi dispożizzjoni leġiżlattiva sħiħa jew parti minnha.

Tipi ta’ strumenti legali - deskrizzjoni

L-ordni ġuridiku tar-Repubblika Ċeka huwa magħmul mil-leġiżlazzjoni Ċeka kollha u l-istrumenti relatati.

L-iktar strumenti leġiżlattivi importanti huma l-atti [zákony], jiġifieri l-ġabriet tar-regoli dwar l-imġiba li jirregolaw l-oqsma prinċipali fil-ħajja tal-individwi u s-soċjetà. Atti aktar komprensivi magħrufa bħala kodiċijiet [zákoníky] jirregolaw qasam sħiħ tal-liġi u jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati b’mod sistematiku. Atti li jiġbru fihom qasam sħiħ tal-liġi proċedurali u li jistipulaw dispożizzjonijiet proċedurali dettaljati jissejħu regoli ta' proċedura (řády). Atti dwar l-aktar kwistjonijiet importanti tal-Istat u dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u tal-bniedem (inklużi l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Libertajiet) huma magħrufa bħala l-atti kostituzzjonali [ústavní zákony] u hemm proċedura speċjali għall-adozzjoni tagħhom.

L-atti huma sottostanzjati b'regolamenti ta' implimentazzjoni: regolamenti tal-gvern, digrieti mill-ministeri jew korpi tal-gvern ċentrali, u digrieti minn entitajiet reġjonali awtonomi.

Il-liġi Ċeka tinkludi wkoll ftehimiet internazzjonali li ġew irratifikati mill-Parlament u għalhekk huma vinkolanti fuq ir-Repubblika Ċeka. Il-ftehimiet internazzjonali jieħdu prijorità fuq leġiżlazzjoni oħra sal-punt li ftehim internazzjonali jieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali jekk dawn it-tnejn ma jaqblux dwar xi punt partikolari.

Minbarra mit-tipi tal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq, anki l-liġi Ewropea bdiet tapplika fir-Repubblika Ċeka, bl-istess mod bħal fl-Istati Membri oħra, sa mill-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea.

Il-konswetudni mhijiex sors tal-liġi fir-Repubblika Ċeka. F’xi każijiet, madankollu, il-liġi tippermetti li l-konswetudni tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta' ċerti oqsma jew prinċipji legali. Fejn ikun il-każ, dan ikun speċifikat mil-liġi inkwistjoni u l-qrati jistgħu jinfurzaw dawk id-dispożizzjonijiet. Il-fehma prevalenti għalhekk hija li s-sors legali mhuwiex il-prinċipju legali jew il-konswetudni nnfisha, iżda l-liġi li tirreferi għaliha.

Sentenza tal-qorti mhijiex sors tal-liġi lanqas. Min-naħa l-oħra, qorti ma tistax tirrifjuta li tieħu deċiżjoni għaliex il-liġi ma tkunx kompluta jew tkun ambigwa. Ħafna drabi jkollha tagħti l-interpretazzjoni tagħha stess tal-kwistjoni, u qrati oħra mbagħad, sa ċertu punt, jibbażaw is-sentenzi tagħhom fuqha, u b'hekk dan isir preċedent legali de facto. Jekk is-sentenza tiġi ppubblikata fis-Sbírka soudních rozhodnutí a stanovisek (Ġabra ta' Sentenzi u Opinjonijiet tal-Qorti), fejn ġeneralment jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet fundamentali ta' qrati superjuri, din fil-fatt titqies bħala sors tal-liġi, anke jekk uffiċjalment ma tkunx meqjusa bħala tali.

Il-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

L-ordni ġuridiku tar-Repubblika Ċeka hija strutturata ġerarkikament. Fil-quċċata hemm il-Kostituzzjoni u l-atti kostituzzjonali l-oħra; dawn għandhom l-akbar awtorità legali u jistgħu jiġu emendati biss permezz ta' att kostituzzjonali ieħor. Taħt dawn hemm l-atti ordinarji, il-bażi tar-regolamenti ta' implimentazzjoni, li għandhom l-inqas piż legali. Dispożizzjonijiet ta' inqas piż legali jridu jkunu konformi ma’dawk li huma ogħla fil-ġerarkija legali. Leġiżlazzjoni tista’ tiħassar jew tiġi emendat biss b'dispożizzjonijiet tal-istess piż legali jew akbar. Il-ftehimiet internazzjonali għandhom importanza speċjali. Kif indikat hawn fuq, huma parti mill-ordni ġuridiku u f’każ ta’ kunflitt jieħdu preċedenza anki fuq att kostituzzjonali.

Leġiżlazzjoni derivata minn atti – ir-regolamenti tal-gvern, id-deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika ta’ natura normattiva ġenerali (bħal dawk dwar l-amnestiji), id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-ministeri u awtoritajiet oħra tal-gvern ċentrali u lokali, id-digrieti delegati tal-awtoritajiet reġjonali u muniċipali. Dispożizzjonijiet bħal dawn iridu jinħarġu fuq il-bażi u fil-limiti ta' att, fl-ambitu ta' awtorità tal-liġi.

Fir-rigward tal-liġi Ewropea, il-prinċipju tal-UE tas-supremazija tal-liġi Komunitarja japplika bl-istess mod kif japplika fl-Istati Membri l-oħra. Skont dan il-prinċipju, il-leġiżlazzjoni Ewropea tieħu l-preċedenza meta jkun hemm kunflitt bejn il-liġi Ewropea u l-liġi nazzjonali ta' Stat Membru (atti, digrieti eċċ.). Dan japplika bl-istess mod fejn ikun hemm kunflitt bejn il-liġi nazzjonali u leġiżlazzjoni Komunitarja primarja (it-Trattati) u bejn il-liġi nazzjonali u leġiżlazzjoni Komunitarja sekondarja (regolamenti, direttivi eċċ.). Skont l-interpretazzjoni prevalenti tal-liġi, lanqas l-istrumenti legali supremi nazzjonali ma huma eżentati - il-liġi Ewropea tieħu preċedenza anki fuq il-kostituzzjoni u l-atti kostituzzjonali tal-Istati Membri.

Għall-ftehimiet internazzjonali, li huma vinkolanti fuq ir-Repubblika Ċeka, biex isiru parti mil-liġi tagħha, il-Parlament irid jirratifikahom, sakemm l-ebda att kostituzzjonali ma jkun jirrikjedi li l-ftehim konċernat jiġi rratifikat permezz ta’ referendum. Il-President tar-Repubblika jirratifika l-ftehimiet internazzjonali. Wara r-ratifika, il-verżjoni Ċeka tal-ftehim trid tiġi ppubblikata fis-Sbírka mezinárodních smluv (Ġabra ta' Ftehimiet Internazzjonali).

Qafas istituzzjonali

L-istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni

Il-poter leġiżlattiv tar-Repubblika Ċeka jappartjeni lill-Parlament, li huwa magħmul minn żewġt ikmamar:

  • il-Kamra tad-Deputati (200 deputat) u
  • is-Senat (81 senatur).

Il-proċess leġiżlattiv

It-tfassil tal-liġi jew il-proċess leġiżlattiv jibda bid-dritt ta' inizjattiva. Il-membri individwali tal-Parlament jew gruppi ta' membri, is-Senat, il-gvern, u l-awtoritajiet reġjonali għandhom id-dritt jipproponu atti ġodda u emendi ta’ atti eżistenti. Il-gvern biss jista' jipproponi atti li jikkonċernaw il-baġit tal-istat jew l-għeluq tal-kontijiet nazzjonali; il-Kamra tad-Deputati biss tista’ tiddeċiedi fuq dawn l-atti. Madankollu, il-gvern għandu d-dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar kwalunkwe abbozz ta' att (abbozz ta' liġi). Il-Kamra tad-Deputati l-ewwel tiddiskuti u jekk ikun hemm bżonn temenda l-abbozz fi tliet qari suċċessivi.

L-approvazzjoni tal-att teħtieġ maġġoranza sempliċi tad-deputati preżenti. Il-President tal-Kamra tad-Deputati mbagħad jibgħat l-abbozz approvat quddiem is-Senat mill-aktar fis possibbli u s-Senat għandu 30 jum biex jiddiskutih — għall-kuntrarju tad-diskussjonijiet ta' spiss twal ħafna tal-Kamra tad-Deputati, li xi drabi jdumu xhur. Sa tmiem dak il-perjodu, is-Senat irid japprova jew jirrifjuta l-abbozz jew jirritorna verżjoni emendata tiegħu lill-Kamra tad-Deputati. Jista' wkoll jiddeċiedi li ma jiddiskutix. Jekk is-Senat japprova l-abbozz, jiddeċiedi li ma jiddiskutihx, jew ma jagħti l-ebda opinjoni sal-iskadenza, l-Att jitqies bħala adottat u jintbagħat għand il-President tar-Repubblika biex jiffirmah. Jekk is-Senat jirrifjuta l-abbozz, il-Kamra tad-Deputati terġa' tivvota dwaru. L-att jiġi adottat jekk ikun approvat b'maġġoranza sempliċi fil-Kamra tad-Deputati. Jekk is-Senat jibgħat lura lill-Kamra tad-Deputati abbozz emendat, il-Kamra tad-Deputati tivvota fuq il-verżjoni approvata mis-Senat. L-abbozz tal-att jiġi adottat b'maġġoranza sempliċi tad-deputati. Jekk il-Kamra tad-Deputati ma tapprovax l-abbozz emendat tas-Senat, terġa' tivvota fuq il-verżjoni oriġinali tal-abbozz mibgħut lis-Senat. L-att jiġi adottat jekk ikun approvat minn maġġoranza sempliċi tad-deputati kollha (jiġifieri mill-inqas 101 vot). Atti elettorali u ċerti tipi oħra ta' atti jridu jkunu approvati kemm mill-Kamra tad-Deputati kif ukoll mis-Senat.

Il-President tar-Repubblika jista' jiddeċiedi li ma jiffirmax abbozz approvat fi żmien 15-il jum minn meta jintbagħatlu, u jista' jirritornah lill-Kamra tad-Deputati għal aktar diskussjoni, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet tiegħu. Dan huwa magħruf bħala veto presidenzjali. Il-Kamra tad-Deputati tista' ddawwar veto presidenzjali b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha, mingħajr l-ebda emenda lill-abbozz, u f'dak il-każ l-att jgħaddi. Inkella l-att ma jiġix adottat.

Minbarra l-President tar-Repubblika, il-President tal-Kamra tad-Deputati u l-Prim Ministru wkoll jiffirmaw l-atti, għalkemm din hija biss formalità.

Meta l-Kamra tad-Deputati xxolji, is-Senat jista' jadotta leġiżlazzjoni f’ċerti oqsma li jkunu jeħtieġu azzjoni immedjata u li kieku tkun teħtieġ l-adozzjoni ta' att. Il-gvern jista’ jipproponi miżuri lis-Senat u dawn iridu jkunu approvati mill-Kamra tad-Deputati fl-ewwel laqgħa tiegħu, inkella jiskadu.

L-eċċezzjonijiet f’dan il-proċess leġiżlattiv huma l-atti kostituzzjonali. Biex dawn l-atti jiġu adottati, iridu jiġu approvati b'maġġoranza ta' tlieta minn kull ħamsa tad-deputati kollha (maġġoranza kwalifikata) u b'maġġoranza ta' tlieta minn kull ħamsa tas-senaturi preżenti, minflok milli b'maġġoranza sempliċi (nofs) tal-Membri kollha tal-Parlament preżenti, kif meħtieġ għal atti ordinarji. Atti kostituzzjonali jistgħu jiġu emendati jew estiżi biss permezz ta’ atti kostituzzjonali oħra (jiġifieri meta l-Kamra tad-Deputati tkun xoljiet dawn ma jistgħux jinbidlu b'leġiżlazzjoni tas-Senat) u l-President ma jistax juża l-veto fuqhom.

Ministeri, aġenziji amministrattivi oħra u korpi reġjonali li jirregolaw lilhom infushom jistgħu joħorġu regoli ta' implimentazzjoni dettaljati (regolamenti u digrieti) fil-limiti tal-kompetenza tagħhom.

Validità ta' leġiżlazzjoni

Biex biċċa leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ trid tiġi ppubblikata. Atti kostituzzjonali, atti u dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra (regolamenti tal-gvern, digrieti ministerjali eċċ.) jiġu ppubblikati fis-Sbírka zakonů (Ġabra ta' Atti) maħruġa mill-Ministeru tal-Intern. Il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ u ssir parti mill-liġi Ċeka fil-jum li fih tiġi ppubblikata fis-Sbírka zakonů. Il-Ġabra tirreġistra wkoll id-data li fiha kull biċċa leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ. Din hija d-data li minnha kulħadd huwa obbligat jikkonforma mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Jekk ma tkunx stipulat data aktar tard, il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ ħmistax-il jum wara l-pubblikazzjoni. F'każijiet ta' interess pubbliku prevalenti, id-data tad-dħul fis-seħħ tista' titressaq 'il quddiem, iżda ma tistax tippreċedi d-data tal-pubblikazzjoni. Għalhekk, id-data li fiha biċċa leġiżlazzjoni ssir effettiva tista' tkun l-istess bħad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, iżda qatt ma tista’ ssir effettiva qabel ma tidħol fis-seħħ. Leġiżlazzjoni adottata mis-Senat tiġi ppubblikat fis-Sbírka zakonů bl-istess mod bħall-atti; ftehimiet internazzjonali ratifikati jiġu ppubblikati fis-Sbírka mezinárodních smluv (Ġabra ta' Ftehimiet Internazzjonali). Il-leġiżlazzjoni reġjonali tiġi ppubblikata fil-gazzetti uffiċjali; il-leġiżlazzjoni muniċipali titqiegħed fuq il-bord tal-avviżi uffiċjali tal-kunsill għal 15-il jum u wara fi kwalunkwe mezz li huwa standard f'dik il-lokalità.

Meta atti jew dispożizzjonijiet individwali jikkonfliġġu mal-ordni kostituzzjonali jew meta strumenti legali oħra jew dispożizzjonijiet individwali tagħhom jikkonfliġġu mal-ordni kostituzzjonali jew ma' att, il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi jekk għandhomx jitħassru.

Għal aktar informazzjoni, ara t-test tal-Kostituzzjoni: Ústava.

Bażi tad-dejta legali

Il-bażi tad-dejta legali hija proprjetà u tinżamm mill-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika Ċeka. Fiha l-informazzjoni li ġejja:

  • taqsima mill-websajt uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern (Ministerstvo vnitra) iddedikata għal-leġiżlatura (legislativa). Fiha kopji elettroniċi (PDF) tal-Ġabra ta' Atti (Sbírka zákonů) u l-Ġabra ta’ Ftehimiet Internazzjonali (Sbírka mezinárodních smluv) (parti mill-Gazzetta Uffiċjali). Is-sit ma għandux status uffiċjali jew saħħa legali. Huwa awtentiku biss it-test stampat tal-Ġabra ta' Atti. Dan is-sit jista' jiġi kkonsultat mill-pubbliku, u tista’ tagħmel tiftix għal dokumenti sħaħ u għal metadejta għall-informazzjoni li teħtieġ.
  • It-Taqsima tal-atti (Sekce zákony) tal-portal tal-gvern Ċek ( Portál veřejné správy České republiky) fiha t-testi sħaħ u aġġornati tal-atti u r-regolamenti ta' implimentazzjoni. Din il-websajt ma għandha l-ebda stejtus uffiċjali jew setgħa legali. Tista’ tagħmel tiftix għal dokumenti sħaħ u tiftix bl-isem u n-numru tad-dokumenti fil-bażi tad-dejta.
  • Is-sistema tal-informazzjoni ISAP tagħti aċċess għall-bażijiet tad-dejta użati biex jiġu allokati rwoli ta' koordinazzjoni lid-dokumenti tal-Kunsill u l-atti leġiżlattivi ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Twettaq ukoll monitoraġġ tal-proċess ta’ implimentazzjoni, tal-proċess leġiżlattiv nazzjonali u tal-proċeduri ta’ ksur. Il-bażi tad-dejta tipprovdi arkivju elettroniku tal-pożizzjonijiet nazzjonali, dokumenti ta’ ħidma, tabelli ta' korrelazzjoni u l-bqija.

Każistika

Fir-Repubblika Ċeka ma hemmx ġabra uffiċjali jew privata unika li tippubblika sistematikament is-sentenzi fundamentali tal-qrati Ċeki kollha, jiġifieri tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-qrati ġenerali li jista’ jkollhom implikazzjoni ġenerali. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali jiġu ppubblikati fis-Sbírka nálezů a usnesení Ústavního soudu (Ġabra ta' Deċiżjonijiet u Riżoluzzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali), ippubblikata minn C. H. Beck fi Praga. Fir-rigward tas-sentenzi tal-qrati ġenerali, deċiżjonijiet magħżula biss tal-qrati supremi, jiġifieri l-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Suprema, jiġu ppubblikati b’mod sistematiku. Is-sentenzi magħżula tal-Qorti Suprema kif ukoll l-opinjonijiet tagħha, li l-għan tagħhom huwa li jikkonsolidaw il-każistika tal-qrati ċivili u kriminali inferjuri tal-ġudikatura, jiġu stampati fis-Sbírka soudních rozhodnutí a stanovisek (Ġabra ta' Sentenzi u Opinjonijiet tal-Qorti), pubblikata minn LexisNexis fi Praga. Għażla ta’ sentenzi u riżoluzzjonijiet tal-Qorti Amministrattiva Suprema jiġu ppubblikati fis-Sbírka rozhodnutí Nejvyššího správního soudu (Ġabra ta' Sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Suprema), pubblikata minn ASPI fi Praga. Il-każistika tal-qrati inferjuri ġenerali mhix pubblikata sistematikament; Xi kultant jiġu ppubblikati sentenzi magħżula f'rivisti legali.

Magni tat-tfittix elettroniku uffiċjali għall-każistika tal-Qorti Kostituzzjonali u kemm tal-qrati supremi kif ukoll ġenerali huma ta’ importanza prattika hawn, għax ikopru s-sentenzi ta' dawn il-qrati fl-intier tagħhom. Dawn jibdew tfittix elettroniku tas-servers tad-diversi qrati ġenerali inferjuri sabiex isibu għażliet mill-każistika tagħhom.

judikatura Ústavního soudu ČR (każistika tal-Qorti Kostituzzjonali)

judikatura Nejvyššího soudu ČR (każistika tal-Qorti Suprema)

judikatura Nejvyššího správního soudu (każistika tal-Qorti Suprema Amministrattiva)

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas.

Għażla ta' bażijiet tad-dejta kummerċjali:

ASPI

LEXDATA

LEXGALAXY

SAGIT

TORI

L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.