Rati tal-imgħax

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

Skont l-Artikolu 359(1) tal-Kodiċi Ċivili tat-23 ta’ April 1964 - [Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2014, punt 121, kif emendat, minn hawn ’il quddiem: “il-KĊ”], l-imgħax fuq somma ta’ flus ikun dovut biss jekk jirriżulta minn tranżazzjoni legali jew liġi statutorja, deċiżjoni tal-qorti jew deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti oħra. Jekk il-livell tal-imgħax ma jkunx speċifikat mod ieħor, l-imgħax statutorju jkun dovut b’rata li tikkorrispondi għar-rata referenzjali tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja miżjuda bi 3,5 punti perċentwali.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-arretrati, skont l-Artikolu 481(2) tal-KĊ, jekk ir-rata tal-imgħax fuq l-arretrati ma tkunx ġiet speċifikata, l-imgħax statutorju fuq l-arretrati jkun dovut bir-rata li tikkorrispondi għar-rata referenzjali tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja miżjuda b’ 5,5 punti perċentwali. Madankollu, jekk ir-riċevibbli jagħti interessi b’rata ogħla, il-kreditur jista’ jitlob l-imgħax fuq l-arretrati b’dik ir-rata ogħla.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

Skont l-Artikolu 359(2) tal-KĊ, l-imgħax statutorju huwa stabbilit b’rata li tikkorrispondi għar-rata referenzjali tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja miżjuda bi 3,5 punti perċentwali. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jħabbar il-livell ta’ mgħax statutorju permezz ta’ avviż fil-Gazzetta Uffiċjali Pollakka (“Monitor Polski”). Attwalment, skont l-Avviż tal-Ministeru tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2016, mill-1 ta' Jannar 2016 il-livell ta’ mgħax statutorju huwa ta’ ħamsa fil-mija (5 %) kull sena, u l-livell tal-imgħax statutorju fuq l-arretrati huwa ta’ sebgħa fil-mija (7 %) kull sena.

L-imgħax fi tranżazzjonijiet kummerċjali, minn naħa, huwa rregolat permezz tal-Att dwar id-Dati Debiti (Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat-8 ta’ Marzu 2013 (Ġurnal ta’ Liġijiet tal-2019, punt 118), u l-livell tal-imgħax huwa dejjem stabbilit f’avviż maħruġ mill-Ministeru tal-Iżvilupp. Attwalment, skont l-Avviż tal-14 ta’ Jannar 2019, mill-1 ta’ Jannar 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2019, il-livell ta’ mgħax statutorju għall-arretrati fi tranżazzjonijiet kummerċjali huwa ta’ 9,50 % kull sena.

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

Għal dettalji dwar ir-rati tal-imgħax attwali tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja, inkluża r-rata referenzjali, żur is-sit web tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja (BNP) fuq http://www.nbp.pl/home.aspx?f=/dzienne/stopy.htm

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

L-avviżi maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Iżvilupp fuq il-livell ta’ mgħax statutorju (għal tranżazzjonijiet kummerċjali) huma disponibbli fuq is-sit web taċ-Ċentru ta’ Leġiżlazzjoni tal-Gvern (Rządowe Centrum Legislacji): http://www.monitorpolski.gov.pl/Wyszukiwanie/tabid/114/Title/odsetki/Default.aspx

L-aħħar aġġornament: 17/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.