Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Dwar in-Netwerks - Bulgarija

In-Network Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Ċivili u Kummerċjali

Il-qafas ġuridiku tan-Network Ġudizzjarju Nazzjonali f'Materji Ċivili u Kummerċjali fir-Repubblika tal-Bulgarija (in-Network Nazzjonali) huwa stabbilit fir-Regoli Operazzjonali tiegħu (Pravila za deynostta), adottati mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (Vissh sadeben savet, VSS) b’deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2018, li ssostitwixxew ir-regoli adottati b’deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2014 u emendati b’deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2015.

L-iskop tan-Network Nazzjonali huwa li jipprovdi l-assistenza meħtieġa lill-awtoritajiet ġudizzjarji fit-tfassil, fit-trażmissjoni u fl-eżekuzzjoni effettivi tat-talbiet għall-assistenza ġudizzjarja, il-ġbir u l-ħżin tal-istatistika dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali segwita mill-qrati fil-Bulgarija, u li jikkoopera mal-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew u istituzzjonijiet simili oħra.

L-Awla tal-Imħallfin (Sadiyska kolegiya) tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem hija responsabbli għall-funzjonament tan-Network Nazzjonali, għall-parteċipazzjoni tiegħu fi proġetti nazzjonali u internazzjonali, u għall-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet, mal-organizzazzjonijiet u mal-entitajiet kollha, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, li jwettqu funzjonijiet fil-qasam tal-assistenza ġudizzjarja internazzjonali. Id-Direttorat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Protokoll (Direktsiya Mezhdunarodna deynost i protokol) tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem jassisti u jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tan-Network, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-Awla tal-Imħallfin. Il-gwida u l-koordinazzjoni metodoloġika tal-operat tan-Network Nazzjonali huma pprovduti mill-Awla tal-Imħallfin permezz tal-Kumitat għall-Evalwazzjonijiet u għall-Kompetizzjonijiet (Komisiya po atestiraneto i konkursite).

Komplement

L-applikanti għall-membri tan-Network Nazzjonali jridu jkunu mħallfin ta’ qorti distrettwali u provinċjali jew ta’ qorti tal-appell li tissodisfa kriterji partikolari f’termini ta’ mertu professjonali u integrità morali, ħiliet ta’ lingwi barranin, eċċ. Wara kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, l-imħallfin tan-Network Nazzjonali jiġu nnominati b’deċiżjoni tal-Awla tal-Imħallfin tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem għal perjodu ta’ ħames snin. In-Network Nazzjonali jinkludi sa seba’ imħallfin ta’ kull distrett tal-appell u sa 15-il imħallef tad-Distrett tal-Appell ta’ Sofia. F’każijiet espressament previsti, is-sħubija tan-Network tintemm b’deċiżjoni motivata tal-Awla tal-Imħallfin tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem, proposta mill-Kumitat għall-Evalwazzjonijiet u għall-Kompetizzjonijiet.

Punti ta’ kuntatt

L-Awla tal-Imħallfin tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem, li taġixxi fuq proposta tal-Kumitat għall-Evalwazzjonijiet u għall-Kompetizzjonijiet, taħtar punti ta’ kuntatt minn fost il-membri tan-Network: punt ta’ kuntatt wieħed f'Materji Ċivili u punt ta’ kuntatt wieħed fil-materji kummerċjali, għal perjodu ta’ ħames snin.

Funzjonijiet

— Il-membri tan-Network Nazzjonali jassistu lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali li huma parti min-Network Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Ċivili u Kummerċjali jew Networks internazzjonali oħra għall-kooperazzjoni legali u l-imħallfin nazzjonali fit-tfittxija għal kooperazzjoni legali internazzjonali.

— Bħala parti minn din l-assistenza, il-membri tan-Network Nazzjonali huma marbuta li fejn meħtieġ jinfurmaw, jagħtu pariri, jikkoordinaw, u jwettqu attivitajiet oħra biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni legali internazzjonali skont il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji rispettivi fil-Bulgarija. Il-membri tan-Network Nazzjonali huma marbuta li jipprovdu assistenza meta mitluba minn kull imħallef nazzjonali, prosekutur, maġistrat investigattiv jew rappreżentant ta’ awtorità nazzjonali ċentrali vestita b’setgħat, f’konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali u Ewropea.

— Il-membri tan-Network Nazzjonali jiffaċilitaw l-arranġament ta’ taħriġ fil-qasam tal-kooperazzjoni legali internazzjonali li jitwettaq fid-distrett fejn iwettqu dmirijiethom.

— Il-membri tan-Network Nazzjonali jiffaċilitaw l-imħallfin fit-tfittxija ta’ kooperazzjoni legali internazzjonali fid-distrett tal-appell rilevanti li huma responsabbli għalih.

— Il-membri tan-Network Nazzjonali jwettqu studji tal-ġurisprudenza Ewropea u nazzjonali u l-bidliet li jintervjenu fil-kooperazzjoni f'Materji Ċivili u kummerċjali, u jippopolarizzaw u jxerrdu dawn l-istudji.

— Il-membri tan-Network Nazzjonali jfasslu dikjarazzjonijiet ta’ attività trimestrali għad-distrett tal-appell rilevanti b’rabta mal-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja u internazzjonali u l-kooperazzjoni legali internazzjonali u jibagħtu dawn id-dikjarazzjonijiet lil bażi tad-data aġġornata u ta’ aġġornament mal-VSS u jipprovdu lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali verżjoni elettronika tal-istrumenti tal-qorti f'Materji Ċivili u kummerċjali mogħtija mill-qrati fid-distrett tal-appell ikkonċernat li japplikaw il-liġi tal-UE, sabiex il-bażi tad-data rekwiżita tkun tista’ tinżamm.

— Huma jwettqu wkoll kompiti addizzjonali stabbiliti mill-Awla tal-Imħallfin tal-VSS, jekk ikun meħtieġ li tingħata informazzjoni, jitwettaq studju, jingħata taħriġ jew titwettaq attività oħra li tikkonċerna l-kooperazzjoni legali internazzjonali.

— Il-membri tan-Network Nazzjonali jżommu bażi tad-data ta’ dettalji ta’ kuntatt aġġornata (indirizzi tal-posta elettronika, indirizzi oħra għall-korrispondenza, numri tat-telefon) u bażi tad-data tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-VSS, it-taqsima Network Ġudizzjarju f'Materji Ċivili u Kummerċjali.

— Kull membru tan-Network Nazzjonali jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan id-distrett tal-appell rilevanti.

— Il-membri tan-Network Nazzjonali jattendu laqgħa annwali, li ssir fi Frar u li fiha jiġi adottat rapport ta’ attività tan-Network għas-sena kalendarja preċedenti; ir-rapport ta’ attività jitfassal mill-punt ta’ kuntatt nazzjonali abbażi tar-rapporti ta’ attività annwali ppreżentati mill-membri sal-15 ta’ Jannar.

— Wara li jkunu attendew għal-laqgħat perjodiċi tal-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali, il-parteċipanti jippreżentaw rapport lill-Awla tal-Imħallfin tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem, li jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem, it-taqsima Kooperazzjoni Internazzjonali, in-Network Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Ċivili u Kummerċjali, sabiex tiġi żgurata l-pubbliċità tal-attività tagħhom.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 10/02/2021