Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Dwar in-Netwerks - Greċja

L-istruttura tan-netwerk

Għadd ta’ punti ta’ kuntatt: Ġew iddeżinjati 22 punt ta’ kuntatt. Dsatax minnhom huma mħallfin li jiffurmaw parti min-netwerk nazzjonali filwaqt li jeżerċitaw id-doveri ġudizzjarji tagħhom b’mod parallel. Tlieta huma uffiċjali fil-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod aktar speċifiku fid-Dipartiment għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Ċivili u Kriminali, li jopera bħala l-awtorità ċentrali għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri (Brussell IIa) (li jikkomplementa l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (obbligi ta’ manteniment) u d-Direttiva 2002/8/KE (għajnuna legali), u wkoll bħala l-korp ċentrali għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 (kumpilazzjoni ta’ xhieda) u (KE) Nru 1393/2007 (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji).

Netwerk nazzjonali: Ġie stabbilit netwerk nazzjonali informali bi struttura ċentralizzata, u li l-komponenti prinċipali fih huma l-awtorità ċentrali, imħallfin minn Ateni, u tliet rappreżentanti tal-professjonijiet legali (assoċjazzjonijiet ta’ avukati, marixxalli tal-qorti u nutara). Id-Dipartiment għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Ċivili u Kriminali huwa inkarigat mill-monitoraġġ tal-ħidma tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u mill-koordinazzjoni tal-ħidma tal-punti ta’ kuntatt f’livell nazzjonali fir-rigward tal-obbligi tal-Greċja fl-ambitu tan-NĠE u tal-kontenut li jittella’ fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika tal-UE. Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tan-netwerk jikkontribwixxu sabiex jimtlew l-iskedi informattivi, ikunu aġġornati n-notifiki formali tal-Greċja dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, jimtlew il-kwestjonarji li joriġinaw min-NĠE jew minn korpi oħra tal-UE, u għall-proċess biex jitwieġbu l-mistoqsijiet minn awtoritajiet tal-UE jew punti ta’ kuntatt oħra li jirrigwardaw prinċipalment l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-Greċja.

Isiru laqgħat regolari li jiġu kkoordinati mid-Dipartiment għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Ċivili u Kriminali, normalment bejn darbtejn u erba’ darbiet fis-sena. L-iskop tal-laqgħat huwa l-iskambju ta’ fehmiet, esperjenza u informazzjoni. L-aġenda tiffoka l-aktar fuq suġġetti diskussi fil-laqgħat tan-NĠE fil-livell Ewropew, kwistjonijiet li jistgħu jfeġġu mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE (regolamenti u direttivi) fil-livell nazzjonali, u l-obbligi tal-Greċja fl-ambitu tan-NĠE u l-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, kif jissemma aktar ’il fuq.

Komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-pubbliku

Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem jagħmel referenza speċjali għan-NĠE. Tinsab għaddejja ħidma bl-għan li s-sit web jiġi aġġornat sabiex tingħata deskrizzjoni ċara u kompluta tar-rwol u s-siwi tan-NĠE f’rabta mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali.

Fil-livell nazzjonali, l-informazzjoni li tirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar materji ċivili u kummerċjali tiġi kkomunikata billi jitqassam materjal stampat tan-NĠE u billi jiġu organizzati seminars u avvenimenti ta’ ġurnata, f’Ateni u bliet oħra fil-Greċja, li jirrigwardaw l-iżviluppi leġiżlattivi Ewropej fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali u l-impatt tagħhom fil-livell lokali (xi drabi, il-membri tan-netwerk nazzjonali jieħdu sehem bħala kelliema prinċipali). Dawn l-avvenimenti jseħħu taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Ġustizzja kif wkoll tal-Kamra tal-Avukati fil-pajjiż kollu, l-Iskola Nazzjonali tal-Imħallfin, il-Kunsill Legali tal-Istat, assoċjazzjonijiet tad-dritt ċivili u d-dritt kummerċjali, eċċ.

Barra minn hekk, il-Jum Ewropew tal-Ġustizzja, avveniment li jdum ġurnata, għandu l-għan li jservi sabiex il-professjonisti legali Ewropej “jistenbħu” u jniedu djalogu dwar il-progress tal-inizjattivi leġiżlattivi tal-UE; f’dawn l-aħħar snin, ġie organizzat kważi kull sena, taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 11/12/2017