Dwar in-Netwerks - Finlandja

Il-Membrii tan-NĠE fil-Finlandja

Il-punt ta' kuntatt għall-Finlandja huwa uffiċjal maħtur li jaħdem fl-Unità għall-Amministrazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali fil-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-punt ta' kuntatt għal unità taġixxi bħala l-awtorità ċentrali għal bosta regolamenti tal-UE u ftehimiet internazzjonali fil-qasam tad-dritt ċivili u kriminali. Minbarra x-xogħol tan-Netwerk, id-dmirijiet tal-punt ta' kuntatt jinkludu kompiti ta' awtorità ċentrali u kooperazzjoni oħra fid-dritt ċivili. Żewġ imħallfin tal-qorti distrettwali u l-Kamra tal-Avukati Finlandiża nħatru wkoll bħala membri tan-Netwerk. L-iżvilupp tal-operazzjonijiet tan-Netwerk nazzjonali għadu għaddej.

Il-funzjonament tan-NĠE fil-Finlandja

Il-punt ta' kuntatt jaħdem attivament mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, mal-avukati u mal-professjonisti legali l-oħrajn. Il-kompiti tal-punt ta' kuntatt jinkludu t-tixrid tal-informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali li jirrigwardaw id-dritt ċivili u kummerċjali tal-UE u l-applikazzjoni prattika tagħhom kif ukoll jipprovdu pariri u taħriġ fi kwistjonijiet relatati. Il-punt ta' kuntatt jgħin ukoll lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali bi problemi relatati ma' talbiet transfruntieri għall-għajnuna u huwa involut attivament f'netwerks rilevanti u gruppi ta' ħidma.

Il-punt ta' kuntatt għandu indirizz tal-posta elettronika separat għall-qrati u għall-awtoritajiet legali u amministrattivi l-oħrajn involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji tad-dritt ċivili u kummerċjali li jkunu jeħtieġu assistenza prattika bi problemi relatati ma' kawżi transfruntieri.

Il-forniment ta' informazzjoni dwar in-NĠE

Il-qrati, l-uffiċċji tal-għajnuna legali, il-prosekuturi, l-awtoritajiet eżekuttivi u l-uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja kollha għandhom aċċess għal intranet b'informazzjoni komprensiva dwar assistenza internazzjonali f'materji ċivili u kriminali. Is-sit fih informazzjoni wkoll dwar in-NĠE u l-membri tiegħu fil-Finlandja u fih ħoloq għall-paġni tan-NĠE tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Informazzjoni dwar in-NĠE u materjali li jippubblika jiġu pprovduti wkoll lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u ġuristi oħrajn permezz tal-posta elettronika u l-posta tradizzjonali.

Is-sit pubbliku tal-Ministeru tal-Ġustizzja fih taqsima b'informazzjoni dwar id-diversi forom ta' għajnuna legali internazzjonali, leġiżlazzjoni relatata u ftehimiet, dettalji ta' kuntatt u struzzjonijiet. Is-sit fih ukoll informazzjoni dwar in-netwerks ġudizzjarji u ħolqa għall-paġni tan-NĠE tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 13/02/2017