Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Adattament ta’ drittijiet in rem - Polonja

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

Id-drittijiet in rem minn wirt jinkludu d-drittijiet tal-pussess ta’ proprjetà mobbli u immobbli, l-użufrutt perpetwu, drittijiet limitati in rem, bħalma huma s-servitù (inkluż id-dritt ta’ sjieda fil-patrimonju dominanti), ipoteki u garanziji (inklużi d-djun assigurati bihom), id-drittijiet tas-sjieda ta’ membri ta’ koperattiva f’koperattiva ta’ proprjetà residenzjali, id-drittijiet u l-obbligi tal-ġirien, azzjonijiet ta’ rkupru u azzjonijiet biex jiġu miċħuda s-servitù, talbiet għal xiri skont l-Artikolu 231 tal-Kodiċi Ċivili (jiġifieri talbiet għal xiri ta’ art kontra persuna li tkun tellgħet bini jew faċilità oħra fuq art ta’ ħaddieħor).

Id-drittijiet tal-użu u s-servitù personali ma jintirtux.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Bħala regola, id-drittijiet in rem jiġu rreġistrati fir-reġistri tal-artijiet li jinżammu mill-qrati distrettwali kompetenti (il-qrati tar-reġistru tal-artijiet) (sądy wieczystoksięgowe). Reġistrazzjoni bħal din, madankollu, mhux dejjem tkun mandatorja u mhux dejjem tkun kostituttiva fl-effett, pereżempju, id-dritt tal-pussess ta’ membru ta’ koperattiva jista’ jintiret fil-każ ta’ koperattiva ta’ bini residenzjali, li għal dan ma jkun ġie stabbilit l-ebda reġistru tal-artijiet.

Id-drittijiet tal-pussess miksuba permezz ta' suċċessjoni f’proprjetà immobbli, li għaliha jkun ġie stabbilit reġistru tal-artijiet, għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-artijiet abbażi ta’ dokument xieraq li juri s-suċċessjoni legali fir-rigward tas-sid (it-testatur) li jkun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet. Ir-reġistrazzjoni tal-pussess b’suċċessjoni mhijiex kostituttiva fl-effett.

L-inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet hija meħtieġa sabiex tinħoloq ipoteka. Ammissjoni bħal din hija kostituttiva fl-effett, li jfisser li d-dritt jinkiseb meta jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet.

Ammissjoni fir-reġistru tal-artijiet li fih dritt limitat in rem ikun ġie rreġistrat diġà hija kostituttiva fl-effett u hija kondizzjoni għall-validità tat-trasferiment ta’ dritt.

Drittijiet bħal dawn jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet jew fuq talba mis-sid tal-proprjetà immobbli (drittijiet ta’ passaġġ, preskrizzjoni akwiżittiva) jew ex officio, pereżempju, fil-każ ta’ deċiżjoni amministrattiva.

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tintbagħat bil-miktub lill-qorti tar-reġistru tal-artijiet permezz tal-formola uffiċjali Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKW-WPIS. Il-formoli huma disponibbli fuq il-websajt tal-Ministeru tal-Ġustizzja u mid-Dipartimenti tar-Reġistru tal-Artijiet tal-Qrati Distrettwali.

Sabiex jiġi rreġistrat dritt limitat in rem għal proprjetà immobbli, ikun biżżejjed li s-sid jiddikjara li tali dritt inħoloq.

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor permezz ta’ regolament speċifiku, għandu jitħallas id-dritt fiss ta’ PLN 200 għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sjieda, l-użufrutt perpetwu jew id-dritt limitat in rem fir-reġistru tal-artijiet. Sa fejn hija kkonċernata s-sjieda kondiviża, parti mid-dritt fiss għandha titħallas fi proporzjon għas-sehem li wieħed ikollu, iżda din m’għandhiex tkun inqas minn PLN 100.

Fir-rigward tas-sjieda, l-użufrutt perpetwu jew id-dritt ta’ pussess ta’ membru ta’ koperattiva li jkun ġej minn suċċessjoni, legat, jew diviżjoni ta’ wirt jew dissoluzzjoni ta’ pussess konġunt, għandu jitħallas dritt fiss wieħed ta’ PLN 150 għall-applikazzjoni għall-ammissjoni fir-reġistru tal-artijiet, ikun xi jkun in-numru ta’ ishma miżmuma f'tali drittijiet. Id-dritt irid jitħallas flimkien mal-applikazzjoni. Applikazzjoni soġġetta għal dritt fiss li ma jitħallasx kif dovut tintbagħat lura mingħajr talba biex isir dan il-ħlas.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Drittijiet limitati in rem li jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet huma protetti bil-prinċipju tal-kredibbiltà pubblika tar-reġistri tal-artijiet. Jekk ma jiġux irreġistrati, dawn jiskadu f’każ ta’ akkwist li jsir taħt kondizzjonijiet ta’ kredibbiltà pubblika. Barra minn hekk, dritt limitat in rem għal proprjetà immobbli li jkun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet jirbaħ fuq dak id-dritt li ma jkunx tniżżel fir-reġistru.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

M’hemmx regoli speċifiċi.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/08/2019