Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Adattament ta’ drittijiet in rem - Rumanija

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

Minbarra d-dritt tas-sjieda, jew minn sehem fid-dritt tas-sjieda, id-drittijiet in rem li ġejjin jistgħu jinkisbu permezz ta’ suċċessjoni:

1. Id-dritt tal-użufrutt

2. Id-dritt tal-użu

3. Id-dritt tar-residenza

4. Id-dritt tas-superfiċje

5. Id-dritt tas-servitù

Fil-kuntest ta’ suċċessjoni legali, il-liġi Rumena ma tippermettix li l-eredi legali jkunu jistgħu jagħżlu bejn li jkollhom sehem fil-patrimonju li jkunu intitolati għalih u d-dritt tal-użufrutt fuq il-patrimonju. Meta wieħed iżomm f’moħħu li d-drittijiet tal-użufrutt, tal-użu u tar-residenza li minnhom tibbenefika persuna fiżika ħafna drabi jitgawdew matul il-ħajja, u jintemmu bil-mewt tal-persuna intitolata, dawn ma jistgħux jinkisbu b’eredità legali, iżda abbażi ta’ dispożizzjoni ta’ mortis causa. Rigward kemm l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet kif ukoll ta’ drittijiet oħrajn in rem, l-awtur jista’ jimponi ċerti restrizzjonijiet.

Barra minn hekk, fejn il-persuna mejta kienet l-utent ta’ garanzija in rem (ipoteka fuq proprjetà mobbli jew immobbli, pleġġ, eċċ.), dan id-dritt jiġi ttrasferit b’suċċessjoni, bit-talba garantita.

Teżisti sitwazzjoni speċjali fejn il-konjuġi superstiti ma jkollux dritt in rem għall-użu ta’ residenza. Wara l-ftuħ tas-suċċessjoni, din il-persuna tgawdi minn dritt legali ta’ residenza fid-dar li fiha kienet tgħix mal-persuna li tkun mietet, jekk ir-residenza kkonċernata tkun tifforma parti minn assi ta’ suċċessjoni, għalkemm ikun possibbli li l-eredi l-oħrajn iressqu talba, taħt ċerti ċirkostanzi, li d-dritt ta’ residenza għandu jkun ristrett jew li inkella jkun hemm bidla fir-residenza. Id-dritt ta’ residenza miksub f’dawn il-kundizzjonijiet ma jistax jintuża għall-qligħ finanzjarju mill-konjuġi superstiti, peress li dan ma jkollux dritt, pereżempju, li jikri r-residenza. Id-dritt ta’ residenza jintemm bil-kondiviżjoni, iżda mhux qabel sena mid-data tal-ftuħ tal-eredità. Dan id-dritt jintemm anki qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sena, f’każ li l-konjuġi superstiti jerġa’ jiżżewweġ.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

B’mod ġenerali, it-trażmissjoni b’suċċessjoni għandha ssir effettiva b’mod sħiħ mid-data tal-ftuħ tal-eredità, wara l-mewt tal-utent tad-dritt, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li tiġi rreġistrata.

Skont il-Kodiċi Ċivili, il-pubblikazzjoni għandha ssir fir-reġistru tal-artijiet, fl-Arkivju Elettroniku għall-Interessi tas-Sigurtà fi Proprjetà Mobbli, fir-reġistru tal-kumpaniji u f’forom oħra ta’ pubblikazzjoni previsti bil-liġi. Bħalissa, id-dikjarazzjoni f’reġistru ġeneralment ma toħloq l-ebda dritt, iżda pjuttost tiżgura l-pubblikazzjoni u l-eżegwibilità tad-drittijiet reġistrati.

Ir-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem għall-proprjetà immobbli fir-reġistru tal-artijiet toħloq dritt, iżda biss wara li jkun tlesta x-xogħol katastali kollu kkonċernat f’kull unità amministrattiva-territorjali u l-ftuħ, b’talba jew ex officio, tar-rekords tal-artijiet għall-proprjetajiet immobbli rispettivi. Minkejja dan, anke f’każ bħal dan, skont il-Kodiċi Ċivili, id-drittijiet in rem jistgħu jinkisbu mingħajr ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet meta dawn ikunu ġejjin minn wirt. Madankollu, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tkun meħtieġa qabel ma l-eredi jkollu d-dritt ta’ disponiment inter vivos fir-rigward ta’: bejgħ, donazzjoni, ipoteka, eċċ.

Id-drittijiet in rem jitniżżlu f’reġistri oħrajn (pereżempju, id-dħul fl-Arkivju Elettroniku għall-Interessi tas-Sigurtà fi Proprjetà Mobbli, bħala riżultat tat-trażmissjoni ta’ talba assigurata permezz ta’ suċċessjoni) għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni, jekk id-dritt trażmess kien ukoll ġie rreġistrat.

Ir-reġistrazzjonijiet f’reġistri għandhom isiru abbażi tad-dokument li jistabbilixxi l-istatus tal-eredi (ċertifikat ta’ eredità, deċiżjoni ġudizzjarja).

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Ir-reġistrazzjonijiet fir-reġistri għandhom ikunu għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni u bl-għan li jiżguraw l-eżegwibilità fir-rigward ta' partijiet terzi. Rigward l-effett tar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fir-reġistru tal-artijiet fuq proprjetà immobbli miksuba b’suċċessjoni, ara t-tweġiba t’hawn fuq.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Skont id-dispożizzjonijiet legali (Liġi Nru 206/2016), l-applikazzjonijiet għall-adattament ta’ drittijiet in rem skont l-Artikolu 31 tal-istess Regolament huma materja għall-qrati.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 31/05/2019