Adattament ta’ drittijiet in rem - Svezja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

Fil-prinċipju, kwalunkwe persuna li tirċievi proprjetà b’suċċessjoni tieħu dik il-proprjetà bid-drittijiet ta’ pussess sħiħ. Jekk il-mejjet ikun miżżewweġ, il-patrimonju tiegħu għandu jintiret mill-konjuġi superstiti bid-dritt liberu ta’ disponiment. Dan ifisser li dan il-konjuġi jkun jista’ jagħmel li jrid bil-proprjetà matul ħajtu/ħajjitha - anke jużaha kompletament - iżda ma jistax jiddisponi minnha b’testment. Il-konjuġi lanqas ma jista’ jikkawża tnaqqis sostanzjali fil-proprjetà tiegħu/tagħha b’rigal jew permezz ta’ kwalunkwe att komparabbli ieħor mingħajr il-kunsiderazzjoni dovuta għall-ewwel eredi tal-mejjet.

Barra minn hekk, il-mejjet jista’ wkoll jistipula b’testment li persuna għandha tgawdi l-użufrutt fuq il-proprjetà. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor b’testment, l-użufruttwarju għandu jkollu l-ġestjoni tal-proprjetà u jkollu jedd għal kwalunkwe dħul minnha, iżda dan ikun irid iħallas ukoll kwalunkwe spiża meħtieġa għall-proprjetà. L-użufruttwarju jrid jikkunsidra wkoll id-drittijiet u l-aħjar interessi tas-sid u ma jistax jittrasferixxi l-użufrutt. Is-sid tal-proprjetà ma jistax jittrasferixxi jew jiddisponi b'mod ieħor mill-proprjetà mingħajr il-kunsens tal-użufruttwarju.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Kwalunkwe persuna li tkun akkwiżiet proprjetà immobbli bid-drittijiet tal-pussess trid tapplika biex l-akkwiżizzjoni tiġi rreġistrata (reġistrazzjoni ta’ titolu) fir-reġistru tal-artijiet li jinżamm Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidamir-Reġistru Nazzjonali tal-Artijiet tal-Iżvezja (Lantmäteriet). Bħala regola ġenerali, l-applikazzjoni għandha ssir fi żmien tliet xhur mill-akkwist. Kwalunkwe persuna li tapplika għar-reġistrazzjoni ta’ titolu trid tippreżenta l-kuntratt tal-akkwiżizzjoni u d-dokumenti l-oħrajn meħtieġa li jissostanzjaw l-akkwiżizzjoni. Fil-każ ta’ xiri, dan ifisser li d-dokument tax-xiri jrid jiġi ppreżentat. Jekk il-proprjetà tiġi akkwiżita b’wirt, f’ċerti każijiet (jekk ikun hemm biss parti waħda għall-beni) ikun biżżejjed fil-prinċipju li jiġi ppreżentat l-inventarju rreġistrat oriġinali tal-beni, flimkien ma’ kopja awtentikata. F’każijiet oħrajn, id-dokument tad-distribuzzjoni tal-patrimonju jrid jiġi ppreżentat ukoll fl-oriġinal flimkien ma’ kopja awtentikata. Dokumenti oħrajn jistgħu jkunu meħtieġa li jiġu ppreżentati wkoll, bħalma huma l-kunsens tal-kap gwardjan jekk parti għall-beni tkun għadha minorenni jew legalment mhux kompetenti. F’ċerti każijiet, ir-reġistrazzjoni ta’ titolu tista’ tinkiseb bil-preżentazzjoni ta’ testment li jkun kiseb forza legali minflok dokument ta’ distribuzzjoni ta’ beni.

L-użufrutt li jkun inkiseb b’dokument miktub għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet għandhom isiru Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidalir-Reġistru Nazzjonali tal-Artijiet tal-Iżvezja, flimkien mad-dokument li fuqu huwa bbażat l-intitolament.

Id-drittijiet in rem rigward proprjetà mobbli ma jiġux irreġistrati.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Il-persuna li l-aktar riċentement tkun applikat għal reġistrazzjoni ta’ titolu tkun ikkunsidrata bħala sid il-proprjetà.

Bħala regola ġenerali, jekk l-użufrutt ikun ġie rreġistrat, dan ikun japplika għal sid ġdid tal-proprjetà.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Le.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 31/05/2019