Liġi Amministrattiva

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tqiegħed għad-disponibbiltà materjal għat-taħriġ li jkun utli kemm għall-ġuristi għall-użu proprju kif ukoll għal min iħarreġ lill-ġuristi bħala riżorsa għall-ħidma tagħhom fil-qasam tal-liġi amministrattiva Ewropea.

Linji gwida dwar it-taħriġ fuq il-liġi amministrattiva (in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju - EJTN)

Il- linji gwida dwar it-taħriġ fuq il-liġi amministrattiva huma r-riżultat ta' proġett imwettaq tul sena bħala parti mill‑mandat tal-grupp ta' sotto-ħidma dwar il-liġi amministrattiva tal-EJTN. Abbażi ta' valutazzjoni bir-reqqa tal-aspetti fil-qasam tal-liġi amministrattiva Ewropea li fihom jeħtieġ aktar taħriġ, imfassla b'mod partikolari fuq ir-riżultati ta' stħarriġ fost imħallfin, prosekuturi u ħarrieġa ġudizzjarji, il-linji gwida jirrappreżentaw ġabra varjata ta' kontribuzzjonijiet legali minn membri tal-EJTN.

Il-linji gwida huma intiżi biex iservu ta' indiċi awtorevoli aġġornat tal‑aktar leġiżlazzjoni, ġurisprudenza u dokumentazzjoni rilevanti importanti fid-diversi sotto-taqsimiet tal-liġi amministrattiva Ewropea. Dawn jimmiraw li jipprovdu sors siewi ta' informazzjoni għall‑iżvilupp ta' taħriġ ta' kwalita għolja fil-qasam tal-liġi amministrattiva madwar l-Ewropa, u jservu wkoll bħala manwal għall-ħarrieġa ġudizzjarji u l-prattikanti dwar l-aktar żviluppi reċenti fl-oqsma ewlenin, b'mod partikolari l-migrazzjoni u l-liġi tal-ażil, il-liġi dwar it-taxxa, il-liġi ambjentali u d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem. Il-linji gwida ma jiddettawx dwar is-suġġetti koperti iżda minflok huma mfassla sabiex ikunu gwida prattika u maniġġabbli li jistgħu jintużaw tajjeb immedjatament fit-tħejjija tal-korsijiet ta' taħriġ.

Seminars ta' taħriġ dwar il-liġi amministrattiva (EJTN)

Il-materjal għat-taħriġ u l-vidjo podcasts ta' seminars ta' taħriġ miżmuma mill-EJTN huma disponibbli fuq il-websajt tagħha. Dawn għandhom x'jaqsmu b'mod partikolari mal-liġi dwar l-ażil u l-liġi ambjentali.

Manwal dwar il-liġi Ewropea dwar l-ażil, il-fruntieri u l-immigrazzjoni (il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem - QEDB u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali - FRA)

Il-manwal dwar il-liġi Ewropea dwar l-ażil, il-fruntieri u l-immigrazzjoni jeżamina l-liġi rilevanti f'dawn l-oqsma u jkopri l-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa. Dan jipprovdi gwida aċċessibbli għall-istandards Ewropej varji rilevanti għall-kwistjonijiet ta' ażil, fruntieri u immigrazzjoni. Prodott b'mod konġunt mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), dan huwa disponibbli hawnhekk.

Links relatati

Network Ewropew tat-Taħriġ ġudizzjarju (EJTN)

L-aħħar aġġornament: 25/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.