Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċessar Awtomatiku - Repubblika Ċeka

LISTA TAL- KONTENUT

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva, kwalunkwe talba tista’ ssir b’mod elettroniku fir-Repubblika Ċeka.

It-talbiet jistgħu jinħarġu (a) permezz tal-posta elettronika b’firma elettronika ċċertifikata, jew (b) permezz ta’ kaxxa tad-data, jiġifieri repożitorju elettroniku speċjali maħsub għall-konsenja u l-implimentazzjoni tal-atti vis-a-vis awtorità pubblika. Dawn il-proċeduri huma ekwivalenti għall-format bil-miktub standard. Talba tista’ tiġi ppreżentata wkoll permezz tal-posta elettronika normali, mingħajr firma elettronika ċċertifikata, iżda hawnhekk il-preżentata trid tiġi segwita fi żmien tlett ijiem mill-preżentazzjoni ta’ test identiku f’forma standard bil-miktub jew mill-metodi deskritti fil-punti (a) u (b) ta’ hawn fuq. Id-dettalji ta’ dawn il-proċeduri kollha huma stabbiliti fir-risposta għall-mistoqsija nru. 6.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Talba tista’ tinħareġ b’mezzi elettroniċi għal kwalunkwe każ. Ordni għal pagament elettroniku tista’ ssir biss b’mod elettroniku.

Il-proċedura għal ordni għal pagament elettroniku hija proċedura speċifika mqassra. Il-pretendent jiddepożita talba bl-użu ta’ formola elettronika, mimlija fuq is-sit web ta’ ePodatelna Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://epodatelna.justice.cz/ u jiffirmaha bl-użu ta’ firma elettronika ċċertifikata. Il-pretendent jista’ jitlob ammont sa CZK 1 miljun u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordni għal pagament elettroniku jinkludu l-mili korrett tal-formola u l-ħlas ta’ tariffa tal-qorti. Diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, il-qorti tista’ toħroġ ordni għal pagament elettroniku. Fiha, hija tordna lill-konvenut iħallas it-talba u l-kostijiet tal-proċedimenti fi żmien 15-il jum mir-riċevuta tagħha, jew inkella jressaq appell lill-qorti li ħarġitha. Ordni għal pagament elettroniku li ma tkunx ġiet appellata għandha l-effett ta’ sentenza finali. Jekk kwalunkwe wieħed mill-konvenuti jappella fiż-żmien permess, l-ordni għal pagament elettroniku tiġi kkanċellata kompletament u l-qorti tordna seduta ta’ smigħ.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Talba elettronika tista’ tinħareġ fi kwalunkwe ħin.

Fil-każ ta’ talba magħmula permezz tal-posta elettronika b’firma elettronika ċċertifikata, jista’ jintuża s-sit web ta’ ePodatelna Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://epodatelna.justice.cz/ (għalkemm dan huwa disponibbli biss biċ-Ċek). Talba tista’ ssir ukoll fl-indirizz tal-posta elettronika tar-reġistru xieraq tal-qorti. L-indirizzi tal-posta elettronika tar-reġistru jistgħu jinstabu fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://portal.justice.cz/Justice2/Uvod/Soudy.aspx.

Fil-każ ta’ talba maħruġa għal kaxxa tad-data tal-qorti, l-identifikaturi għall-kaxxi tad-data tal-qorti rilevanti jistgħu jinstabu fuq il-portal tal-amministrazzjoni pubblika, fil-lista ta’ detenturi tal-kaxxi tad-data (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://seznam.gov.cz/) – fit-taqsima “Korpi tal-Amministrazzjoni tal-Istat”, jew fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.justice.cz/ taħt id-dettalji ta’ kuntatt għal qrati individwali.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Bħala regola ġenerali, it-tranżazzjonijiet jistgħu jiġu eżegwiti fi kwalunkwe format, sakemm ma jkunx ġie preskritt format speċifiku mil-liġi għal ċerti atti. Huwa aktar importanti li l-preżentati jkunu ċari u jistgħu jinftiehmu.

Meta jużaw ċerti proċeduri elettroniċi, il-pretendenti jistgħu jkunu ristretti mill-parametri tekniċi li japplikaw għal mezzi ta’ komunikazzjoni differenti. Pereżempju, meta jintuża l-portal ta’ ePodatelna Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://epodatelna.justice.cz/ (ara l-mistoqsijiet 2, 3 u 6), id-daqs massimu tad-dokumenti mehmuża kollha huwa ristrett għal 10 MB u l-formati tad-dokumenti aċċettabbli huma pdf, rtf, xls, doc u txt. Bl-istess mod, id-daqs tal-messaġġi fil-komunikazzjonijiet għall-kaxxi tad-data huwa limitat għal 10 MB u l-formati aċċettabbli għall-messaġġi tad-data mibgħuta lill-kaxxi tad-data huma pdf, PDF/A, xml (jekk ikun jikkorrespondi għall-iskema XSD disponibbli għall-pubbliku ppubblikata mill-benefiċjarju tal-messaġġ tad-data), fo/zfo, html/htm, odt, ods, odp, txt, rtf, doc/docx, xls/xslx, ppt/pptx, jpg/jpeg/jfif, png, tif/tiff, gif, mpeg1/mpeg2, wav, mp2/mp3, isdoc/isdocx, edi, dwg, shp/dbf/shx/prj/qix/sbn/sbx, dgn u gml/gfs/xsd. Il-preżentati magħmula f’indirizz tal-posta elettronika għandhom jużaw il-format HTML, TEST SEMPLIĊI b’test ikkodifikat - ISO-8559-2, ISO-8559-1(LATIN-1), Unicode jew UTF-8. Id-daqs tal-ittra elettronika, inklużi d-dokumenti mehmuża, huwa limitat għal 5 MB. Is-sistemi operattivi appoġġjati jinkludu: Windows 98, Windows 2000, Windows 2003, Windows XP, Windows Vista (fil-każ ta’ Windows Vista, ġiet identifikata problema b’ċerta ħażna HW ta’ ċertifikati elettroniċi kwalifikati (eż. Smart card reader SCR3320), bħalissa ma tista’ tiġi ffirmata jew mibgħuta ebda preżentata elettronika bl-użu ta’ dan ir-reader – preżentata tista’ tiġi ffirmata u mibgħuta jekk il-fajl f’format pfx (p 12) jiġi speċifikat fil-Java Applet u tiddaħħal password għal ċavetta privata). Pretendent li jiddeċiedi li juża l-portal ta’ ePodatelna jew kaxxa tad-data jista’ jirreferi għall-istruzzjonijiet u l-manwal tal-utenti fuq il-paġni web rilevanti għall-informazzjoni.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Il-qrati u l-uffiċjali ġudizzjarji jipproċedu skont il-leġiżlazzjoni li tirregola l-protezzjoni tad-data personali (b’mod partikolari l-Att Nru. 101/2000 Coll. dwar il-protezzjoni ta’ data personali) u regolamenti legali rilevanti oħrajn.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Jistgħu jintużaw tliet proċeduri elettroniċi differenti sabiex tiġi ppreżentata talba fi proċeduri ta’ qorti ċivili ordinarji:

L-ewwel nett, talba tista’ tiġi ddepożitata permezz tal-posta elettronika b’firma elettronika ċċertifikata. Firma elettronika ċċertifikata hija definita fl-Artikolu 11 tal-Att Nru. 227/2000 Coll. dwar il-firem elettroniċi; hija (a) firma garantita bbażata fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ minn fornitur akkreditat Ċek ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni u li fih informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni inekwivoka tal-firmatarju (il-lista ta’ fornituri akkreditati fir-Repubblika Ċeka hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Intern Ċek Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.mvcr.cz/clanek/prehled-udelenych-akreditaci.aspx) jew (b) firma elettronika garantita bbażata fuq ċertifikat kwalifikat maħruġ minn fornitur ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni bbażati barra mit-territorju tar-Repubblika Ċeka, fejn jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat bħala parti mis-servizzi mdaħħlin fil-lista ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni fdati bħala servizz li l-fornitur ta’ servizzi ċċertifikati huwa akkreditat li jipprovdi, jew bħala servizzi li l-forniment tagħhom huwa ssorveljat f’konformità mar-regolament rilevanti tal-UE. Dan it-tip ta’ preżentata huwa ekwivalenti għall-formola standard bil-miktub. Pretendent li jkun jixtieq jippreżenta b’dan il-mod għandu jikkonsulta s-sit web ta’ ePodatelna Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://epodatelna.justice.cz/. It-talba tista’ tintbagħat ukoll fl-indirizz tal-posta elettronika tar-reġistru xieraq tal-qorti. L-indirizzi tal-posta elettronika tar-reġistru jistgħu jinstabu fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://portal.justice.cz/Justice2/Uvod/Soudy.aspx taħt id-dettalji ta’ kuntatt għal qrati individwali.

It-tieni nett, tista’ tintuża kaxxa tad-data, li hija repożitorju elettroniku speċjali maħsub għall-konsenja u l-implimentazzjoni tal-atti vis-a-vis awtorità pubblika fir-Repubblika Ċeka. Il-kaxxi tad-data huma primarjament irregolati mill-Att Nru. 300/2008 Coll. dwar l-atti elettroniċi u l-konverżjoni tad-dokumenti awtorizzati. Dan it-tip ta’ preżentata huwa ekwivalenti għall-format standard bil-miktub. Id-dettalji tas-sistema tal-kaxxa tad-data jistgħu jinstabu fuq is-sit web Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.datoveschranky.info/, u l-aċċess tal-utenti għall-kont isir permezz tal-paġna web Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.mojedatovaschranka.cz/. Il-qrati kollha huma mgħammra b’kaxxi tad-data. L-identifikaturi tal-kaxxi tad-data għal qrati individwali jistgħu jinstabu fuq il-portal tal-amministrazzjoni pubblika, fil-lista ta’ detenturi tal-kaxxi tad-data (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://seznam.gov.cz/) – fit-taqsima “Korpi tal-Amministrazzjoni tal-Istat”, jew fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.justice.cz/ fid-dettalji ta’ kuntatt għall-qrati individwali.

It-tielet nett, talba tista’ tiġi ppreżentata wkoll bl-użu ta’ ittra elettronika mingħajr firma vverifikata. Madankollu, preżentata ta’ dan it-tip trid tiġi segwita fi żmien tlett ijiem mill-preżentazzjoni ta’ test identiku f’formola standard bil-miktub jew mill-metodi deskritti hawn fuq, inkella l-qorti tinjoraha (l-Artikolu 42 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Iva, il-proċeduri tal-qorti jinvolvu l-ħlas ta’ tariffa. Il-pretendent jista’ jħallas it-tariffa, li hija bbażata fuq skala ta’ tariffi, fil-kont tal-qorti inkwistjoni miżmum fil-Bank Nazzjonali Ċek jew – diment li t-tariffa ma tkunx ta’ aktar minn CZK 5,000 – permezz ta’ timbru fiskali. Jekk it-tariffa ma titħallasx meta tiġi ddepożitata t-talba, il-qorti titlob lill-pretendent sabiex iħallasha, tistabbilixxi data ta’ skadenza speċifika u tinformah bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas. Mal-iskadenza tad-data ta’ skadenza, il-proċedimenti jiġu sospiżi.

It-tariffi u l-metodu tal-ħlas tagħhom għall-proċedimenti mibdija permezz ta’ sottomissjonijiet elettroniċi mhumiex differenti mill-metodu tal-ħlas għall-proċedimenti mibdija b’mod standard. L-eċċezzjoni hija l-proċedura tal-ordni għal pagament elettroniku, fejn it-tariffa tal-qorti hija kemmxejn aktar baxxa minn dik għall-proċeduri ta’ qorti ċivili ordinarji.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Iva. Preżentata li tkun saret fuq l-internet tista’ tiġi rtirata bl-istess mod bħal preżentata li saret bil-mod standard. L-irtirar jista’ jsir b’mod elettroniku jew bil-mod standard.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ talba, il-pretendent jista’ jirtiraha kompletament jew parzjalment sakemm id-deċiżjoni tal-qorti tkun saret finali. Jekk ir-rikors jiġi rtirat, il-qorti tissospendi l-proċedimenti, kompletament jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikors irtirat. Jekk ir-rikors għall-bidu tal-proċedimenti jiġi rtirat wara li l-qorti tkun iddeċidiet dwar il-kawża, iżda d-deċiżjoni tkun għadha mhijiex finali, il-qorti tiddeċiedi wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikors irtirat jekk għandhiex tirtira d-deċiżjoni. Jekk il-partijiet l-oħrajn ma jaqblux mal-irtirar tar-rikors għal raġuni tajba, il-qorti tiddeċiedi li l-irtirar tar-rikors mhuwiex effettiv, ħlief f’ċerti proċedimenti speċifiċi. (l-Artikolu 96 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Konvenut jista’ jikkomunika billi juża l-internet, iżda mhuwiex obbligatorju li jagħmel dan.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Jekk il-konvenut jirrispondi għal ordni għal pagament elettroniku fiż-żmien statutorju permess, l-ordni għal pagament elettroniku tiġi kkanċellata kompletament, il-qorti tordna seduta ta’ smigħ u l-proċeduri tal-qorti jipproċedu bil-mod normali, jiġifieri bħala proċeduri tal-qorti ċivili standard fil-prim’istanza.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Jekk il-konvenut ma jirrispondix għal ordni għal pagament elettroniku fiż-żmien statutorju permess, l-ordni għal pagament elettroniku tikseb il-forza ta’ sentenza finali.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati lill-qorti f’format elettroniku għal kwalunkwe tip ta’ proċediment. Id-dettalji tekniċi huma stabbiliti fir-risposta għall-mistoqsija nru. 4.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Il-qorti tikkonsenja fil-kaxxi tad-data tal-entitajiet li stabbilixxewhom. Għal aktar tagħrif dwar il-kaxxi tad-data, ara r-risposta għall-mistoqsija nru. 6.

Il-qorti tista’ wkoll tikkonsenja d-dokumenti u s-sentenzi permezz tal-posta elettronika b’firma ċċertifikata f’indirizz tal-posta elettronika li d-destinatarju jkun ipprovda lill-qorti, diment li d-destinatarju jkun talab jew ta l-kunsens tiegħu għall-konsenja tal-materjali mill-qorti b’dan il-mod u diment li huwa jkun identifika fornitur akkreditat ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni, li jkun ħareġ iċ-ċertifikazzjoni kwalifikata tiegħu u jżomm rekords tagħha, jew inkella jkun ippreżenta ċ-ċertifikazzjoni kwalifikata valida tiegħu stess. Għad-dettalji taċ-ċertifikati kkwalifikati, ara r-risposta għall-mistoqsija nru. 6. Sabiex il-konsenja jkollha effett, id-destinatarju jrid jikkonferma r-riċevuta permezz ta’ messaġġ ta’ data fi żmien tlett (3) ijiem minn meta jkun intbagħat id-dokument (eż. fl-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti rilevanti) bil-firma elettronika garantita tiegħu.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiġu kkonsenjati fil-kaxxi tad-data tal-entitajiet li jkunu stabbilixxewhom. Għal aktar tagħrif dwar il-kaxxi tad-data, ara r-risposta għall-mistoqsija nru. 6.

Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jistgħu jiġu kkonsenjati wkoll permezz tal-posta elettronika b’firma ċċertifikata f’indirizz tal-posta elettronika li d-destinatarju jkun ipprovda lill-qorti, diment li d-destinatarju jkun talab jew ta l-kunsens tiegħu għall-konsenja tal-materjali mill-qorti b’dan il-mod u diment li huwa jkun identifika fornitur akkreditat ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni, li jkun ħareġ iċ-ċertifikazzjoni kwalifikata tiegħu u jżomm rekords tagħha, jew inkella jkun ippreżenta ċ-ċertifikazzjoni kwalifikata valida tiegħu stess. Għad-dettalji taċ-ċertifikati kkwalifikati, ara r-risposta għall-mistoqsija nru. 6. Sabiex il-konsenja jkollha effett, id-destinatarju jrid jikkonferma r-riċevuta permezz ta’ messaġġ ta’ data fi żmien 3 ijiem minn meta jkun intbagħat id-dokument (eż. fl-indirizz tal-posta elettronika tal-qorti rilevanti) bil-firma elettronika garantita tiegħu.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Iva, appell jista’ jsir b’mod elettroniku, bl-istess mod bħal talba. Ara l-mistoqsija nru. 6.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Iva, il-proċedimenti tal-infurzar jistgħu jinbdew b’mod elettroniku, bl-istess mod bħal talba.

Meta pretendent jagħżel li jinforza pagament permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju, ir-risposta għall-mistoqsija nru. 6 tapplika mutatis mutandis. Il-lista ta’ uffiċjali ġudizzjarji u l-indirizzi tal-posta elettronika tagħhom u l-identifikaturi tal-kaxxi tad-data jistgħu jinstabu fuq is-sit web Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.ekcr.cz/.

Fil-każ ta’ infurzar ġudizzjarju, tista’ ssir referenza għar-risposta għall-mistoqsija nru. 6.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

L-uffiċċji tal-qrati Ċeki ġeneralment jikkomunikaw mal-partijiet u mar-rappreżentanti legali tagħhom permezz tal-posta elettronika jew bit-telefon sabiex jittrattaw il-mistoqsijiet rigward l-istatus tal-kawżi tagħhom.

Informazzjoni bażika dwar kwistjonijiet li seħħew matul il-proċedimenti (mingħajr dettalji personali) hija disponibbli wkoll online fuq is-sit web ta’ InfoSoud: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://infosoud.justice.cz/InfoSoud/public/search.jsp (disponibbli biss biċ-Ċek). L-informazzjoni dwar il-proċedimenti li jmiss hija disponibbli fuq is-sit web ta’ InfoJednání: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://infojednani.justice.cz/InfoSoud/public/searchJednani.jsp. Sabiex jinkiseb aċċess għas-sistema, għandhom jiddaħħlu l-isem tal-qorti u n-numru tal-fajl tal-kawżi.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 06/03/2019