Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Proċessar Awtomatiku - Finlandja

LISTA TAL- KONTENUT

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

L-ipproċessar awtomatiku jista' jintuża biex jiġi ppreżentat rikors għal ċitazzjoni fir-rigward ta' pretensjonijiet mhux ikkontestati, biex tintalab l-għajnuna legali (u biex tintalab il-ħatra ta' avukat difensur jew ta' avukat tal-għajnuna legali, u meta l-avukati jitolbu r-rimborż tal-ispejjeż u tad-drittijiet mill-Istat) u biex tintalab l-eżekuzzjoni (fil-każ ta' talbiet fil-qasam tad-dritt privat għall-eżekuzzjoni ta' djun, ibbażati fuq xi deċiżjoni jew sentenza mogħtija minn Qorti Distrettwali (käräjäoikeus).

Fil-Finlandja, ma jeżistux proċedimenti li jistgħu jsiru esklussivament bl-internet.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Dan is-servizz huwa disponibbli l-ħin kollu.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Fl-ipproċessar awtomatiku hemm fajl standard XML għall-korporazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li ta' spiss jippreżentaw rikors għal ċitazzjoni. Għaċ-ċittadini u n-negozji hemm formola onlajn separata.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Is-servizz tal-ipproċessar awtomatiku tal-qrati Finlandiżi huwa protett permezz ta' protokoll għat-trasferiment ta' fajls https kriptati. Id-dejta ttrasferita mill-qrati tinżamm f'server sigur li jkun aċċessibbli għall-partijiet interessati biex iniżżlu d-dokumenti tagħhom minn fuqu.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Sabiex ikunu jistgħu jniżżlu d-dokumenti mis-server sigur, l-utenti jridu jirreġistraw mas-sistema.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

L-ispejjeż marbuta mal-proċeduri elettroniċi huma l-istess bħal dawk marbuta ma' proċeduri mhux elettroniċi.  Fi tmiem kull proċedura, il-Qrati Distrettwali jitolbu lill-atturi u lir-rikorrenti biex iħallsu xi spejjeż. L-ammont tal-ispiża jiddependi min-natura tal-każ u mill-kumplessità tal-proċedura.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Il-prinċipji li jirregolaw il-pretensjonijiet imressqa permezz ta' mezzi tradizzjonali, mhux elettroniċi japplikaw ukoll għall-proċeduri elettroniċi.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

L-intimat jista' jwieġeb bl-internet, iżda l-użu tal-internet mhuwiex obbligatorju.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Fil-kawżi ċivili ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-proċeduri elettroniċi u dawk mhux elettroniċi.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Fil-kawżi ċivili ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-proċeduri elettroniċi u dawk mhux elettroniċi.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Iva.  Ir-rikorsi għal ċitazzjoni, it-tweġibiet u dokumenti ġudizzjarji oħra jistgħu jintbagħtu lill-qrati permezz tal-posta elettronika wkoll.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Id-dokumenti li ma jirrikjedux konferma tar-riċevuta (bħat-tweġibiet, iċ-ċitazzjoni għas-smigħ preliminari u għas-seduta ta' smigħ ewlenija u s-sommarji tal-qorti) jistgħu jintbagħtu lill-partijiet interessati bil-posta elettronika.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Fuq talba tal-partijiet interessati, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jistgħu jintbagħtulhom ukoll elettronikament.  Il-parti kkonċernata jew ir-rappreżentant tagħha jrid jirreġistra mas-sistema biex ikun jista' jniżżel id-deċiżjonijiet ġudizzjarji onlajn.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Attwalment ma jistgħux jitressqu appelli elettronikament.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Huwa possibbli li jitressqu talbiet għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi dwar djun elettronikament. Permezz tal-ipproċessar awtomatiku jistgħu jintbagħtu talbiet fil-qasam tad-dritt privat għall-eżekuzzjoni ta' djun, ibbażati fuq xi deċiżjoni jew sentenza mogħtija minn Qorti Distrettwali.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Iva. Jekk il-proċedimenti jkunu nbdew permezz tal-internet, ir-rikorrent ikollu l-possibbiltà li jivverifika l-andament tal-kawża tiegħu billi jirreġistra mas-servizz disponibbli onlajn.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/03/2018