Proċessar Awtomatiku - Rumanija

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

LISTA TAL- KONTENUT

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Skont l-Artikolu 199(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, rikors jista’ jiġi mressaq personalment jew permezz ta’ rappreżentant, bil-posta, permezz ta’ kurrier, bil-fax jew inkella jiġi skennjat u jintbagħat bil-posta elettronika jew bħala dokument elettroniku.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Ir-rikorsi jistgħu jiġu mressqa billi jiġu skennjati u jintbagħtu bil-posta elettronika jew bħala dokumenti elettroniċi f’kawżi ċivili. Ma hemmx proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Din il-faċilità hija disponibbli l-ħin kollu.

Skont l-Artikolu 199(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, rikors imressaq personalment jew permezz ta’ rappreżentant, bil-posta, permezz ta’ kurrier, bil-fax jew inkella billi jiġi skennjat u jintbagħat bil-posta elettronika jew bħala dokument elettroniku, għandu jiġi rreġistrat u attribwit data speċifika permezz tal-applikazzjoni tat-timbru tad-dħul. Wara r-reġistrazzjoni, ir-rikors u d-dokumenti ta’ akkumpanjament, flimkien ma’, fejn xieraq, evidenza ta’ kif dawn intbagħtu lill-qorti, għandhom jiġu mgħoddija lill-President tal-Qorti jew lill-persuna nnominata minn tal-aħħar, li min-naħa tagħhom jieħdu passi immedjati sabiex jistabbilixxu b’mod każwali l-qorti speċjalizzata, skont il-liġi.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma jipprevedix l-użu ta’ xi formoli standardizzati għal talbiet legali. Ir-regoli tal-liġi komuni dwar il-proċedura ċivili jistabbilixxu l-kontenut ta’ uħud mit-talbiet tal-liġi ċivili (eż. rikors, difiża, kontrotalba).

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

It-trażmissjoni u l-ħażna siguri tad-data jitwettqu bl-għajnuna ta’ għodod tal-IT endemiċi tas-sistema tal-posta elettronika, bħal firewalls, ċertifikati, anti-viruses, kontrolli tal-aċċess ibbażati fuq ir-rwoli, eċċ., akkumpanjati mill-applikazzjoni ta’ prattika tajba fil-qasam.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Skont l-Artikolu 148(2) u (5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ir-rikorsi li jintbagħtu lill-qrati jistgħu jiġu ddepożitati wkoll bħala dokumenti elettroniċi, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet legali. Ir-rikors għandu jinkludi wkoll firma. Il-firma tista’ tiġi applikata fuq dokument skennjat u mibgħut permezz tal-posta elettronika. Il-firma tista’ tkun elettronika meta r-rikors ikun dokument elettroniku mibgħut permezz tal-posta elettronika.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Iva, it-tariffi ġudizzjarji jitħallsu f’konformità mal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013 rigward it-tariffi tal-boll tal-qorti, iżda l-ammont tagħhom ma jvarjax. It-taxxi tal-boll ġudizzjarji jitħallsu mill-persuna li għandha tħallas it-taxxa fi flus kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju jew online, f’kont separat ta’ introjtu mill-baġit lokali “Taxxa tal-boll ġudizzjarja u taxxi tal-boll oħrajn” miftuħ fl-isem tal-unità amministrattiva territorjali fejn il-persuna fiżika għandha d-domiċilju jew ir-residenza tagħha jew, fejn xieraq, fejn l-entità ġuridika għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Jekk il-persuna li għandha tħallas it-taxxa tal-boll ġudizzjarja la jkollha d-domiċilju jew ir-residenza tagħha u lanqas, skont kif jista’ jkun il-każ, l-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-Rumanija, it-taxxa tal-boll titħallas lill-baġit lokali tal-unità amministrattiva territorjali fejn tinsab il-qorti li quddiemha jitressqu l-azzjoni jew ir-rikors.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Iva, taħt l-istess kundizzjonijiet li l-pretendent jista’ jirtira mill-azzjoni tal-qorti. Skont l-Artikolu 406 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-pretendent jista’ fi kwalunkwe ħin jabbanduna l-azzjoni tal-qorti bil-fomm matul seduta ta’ smigħ fil-qorti jew inkella permezz ta’ petizzjoni bil-miktub.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Mhuwiex obbligatorju għall-konvenut li juża l-internet.

Skont l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 154(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-komunikazzjoni tat-taħrikiet u tad-dokumenti proċedurali kollha għandha ssir ex officio mill-uffiċjali tal-qorti, jew minn kwalunkwe impjegat ieħor tagħha, kif ukoll minn aġenti jew impjegati ta’ qrati oħrajn f’distretti fejn tinsab il-persuna li lilha jkun qed jiġi kkomunikat l-att. Il-komunikazzjoni tat-taħrikiet u ta’ dokumenti proċedurali oħrajn tista’ titwettaq mill-iskrivan tal-qorti wkoll permezz ta’ telefax, bil-posta elettronika jew b’mezzi oħrajn li jiżguraw li t-test tad-dokument jintbagħat u l-irċevuta tiegħu tiġi kkonfermata, diment li l-parti tkun tat lill-qorti d-dettalji xierqa għal dan il-għan. Għal konferma, il-qorti għandha, flimkien mad-dokument proċedurali, tibgħat formola li tinkludi: l-isem tal-qorti, id-data tal-komunikazzjoni, l-isem tal-iskrivan responsabbli għall-komunikazzjoni u informazzjoni dwar id-dokumenti kkomunikati. Il-formola timtela mill-benefiċjarju bid-data tal-irċevuta, l-isem muri b’mod ċar u l-firma tal-persuna responsabbli sabiex tirċievi l-korrispondenza, u tintbagħat lill-qorti permezz ta’ telefax, bil-posta elettronika jew b’mezzi oħrajn. Meta l-applikazzjoni tkun intbagħtet, skont il-liġi, b’fax jew bil-posta elettronika, l-iskrivan tal-qorti huwa obbligat li jħejji kopji tar-rikors ex officio. L-ispiża ta’ dan trid titħallas mill-parti li għandha l-obbligu li tipprovdi l-kopji.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Id-difiża għandha tiġi nnotifikata bl-istess metodi li jintużaw għan-notifika ta’ dokument proċedurali. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

F’konformità mal-Artikolu 208 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-sanzjonar ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ difiża fil-perjodu stabbilit mil-liġi huwa l-istess, irrispettivament mill-mod tal-preżentazzjoni. Nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ difiża jwassal sabiex il-konvenut jitlef id-dritt tiegħu li jipprovdi aktar evidenza jew iressaq oġġezzjonijiet oħrajn minbarra dawk relatati mal-ordni pubbliku, sakemm il-liġi ma tistabbilixxix mod ieħor.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsijiet 1 u 9

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Id-dokumenti ġudizzjarji maħruġa fi proċedimenti tal-infurzar huma soġġetti għall-istess dispożizzjonijiet applikabbli b’mod ġenerali bħall-komunikazzjoni ta’ dokumenti proċedurali. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Mhux applikabbli.

Madankollu, il-paġni elettroniċi tal-qrati ( Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://portal.just.ro/SitePages/acasa.aspx) jew l-Uffiċċji ta’ Informazzjoni li jinsabu f’xi qrati jipprovdu aċċess għal sommarju ta’ deċiżjonijiet, abbażi tan-numru tal-każ, il-materja tal-każ u l-ismijiet tal-partijiet. Qiegħed jiġi ppjanat ukoll li, fil-ġejjieni, il-fajls tal-qrati jkunu jistgħu jiġu kkonsultati mid-dar, bil-ħlas ta’ tariffa.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 04/05/2018