Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)


Informazzjoni ġenerali

Ir-Regolament 1215/2012 jimmira li jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari billi jipprovdi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati u r-regoli dwar għarfien rapidu u sempliċi u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali mogħtija fl-Istati Membri.

Ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament 44/2001 (ir-Regolament Brussell I) li, madankollu, jibqa’ japplika għall-proċedimenti istitwiti qabel ir-Regolament 1215/2012 jidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Jannar 2015 (għal aktar dettalji ara l-Artikolu 66 tar-Regolament 1215/2012).

Ir-Regolament japplika bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluża d-Danimarka li kkonkludiet il-Ftehim tal-2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. L-emendi leġiżlattivi neċessarji fid-Danimarka diġà daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2013.

Ir-Regolament jiddetermina l-qrati li l-Istat Membru tagħhom ikollu ġurisdizzjoni biex jiddeċiedi dwar tilwim ċivili u kummerċjali fejn ikun hemm element internazzjonali.

Ir-Regolament jipprovdi wkoll li sentenza mogħtija fi Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżekutorja f’dak l-Istat tkun eżegwita fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

Ir-Regolament jipprovdi għal żewġ forom, jiġifieri, iċ-ċertifikat li jikkonċerna sentenza u ċ-ċertifikat li jikkonċerna strument awtentiku/soluzzjoni bil-qorti.

Skont ir-Regolament, l-Istati Membri nnotifikaw lill-qrati kompetenti li lilhom għandha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal rifjut ta’ infurzar u l-qrati kompetenti li jittrattaw l-appelli. Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Skont l-Artikolu 26(2), għal ċerti kwistjonijiet, il-qorti, qabel ma tassumi l-ġurisdizzjoni, tiżgura li l-konvenut jiġi mgħarraf dwar id-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti u dwar il-konsegwenzi jekk jidher jew jekk ma jidhirx għall-proċeduri". Għal dan l-għan, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali stabbilixxa test standard mhux obbligatorjuPDF(251 Kb)mt li jinkludi l-informazzjoni li l-qorti setgħet tuża biex twettaq l-obbligu tagħha li tipprovdi lill-konvenut l-informazzjoni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament.

Il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika jipprovdik b'informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u b'għodda faċli li tintuża biex timla l-formoli.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIr-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFtehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU, 2005 11 16, L299.

 


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 19/07/2017