Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) - Polonja


L-Artikolu 65(3) – Informazzjoni dwar kif jiġu determinati, skont il-liġi nazzjonali, l-effetti tas-sentenzi msemmija fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament

L-Artikolu 74 – Deskrizzjoni tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni

L-Artikolu 75 (a) – L-ismijiet u dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom jridu jitressqu l-applikazzjonijiet skont l-Artikoli 36(2), 45(4) u 47(1)

L-Artikolu 75 (b) – L-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom irid jitressaq l-appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-rifjut ta' eżekuzzjoni skont l-Artikolu 49(2)

L-Artikolu 75 (c) – L-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom jista' jitressaq appell ulterjuri skont l-Artikolu 50

L-Artikolu 75 (d) – Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet taċ-ċertifikati dwar is-sentenzi, l-istrumenti awtentiċi u l-ftehimiet bil-qorti

L-Artikolu 76(1)(a) – Ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni msemmija fl-Artikoli 5(2) u 6(2) tar-Regolament

L-Artikolu 76(1)(b) – Ir-regoli dwar in-notifika ta' terzi msemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament

L-Artikolu 76(1)(c) – Il-Konvenzjonijiet msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament

L-Artikolu 65(3) – Informazzjoni dwar kif jiġu determinati, skont il-liġi nazzjonali, l-effetti tas-sentenzi msemmija fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament

1. Kif tista’ tiġi deskritta b’mod ġenerali n-notifika lil partijiet terzi (TPN, third-party notice)?

Fil-Polonja, it-TPN hija rregolata mill-Artikoli 84 u 85 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Dan il-kunċett huwa msemmi bil-Pollakk bħala “przypozwanie”. Dan jikkonsisti f’li parti tkun tista’ issejjaħ lil avversarju futur biex jingħaqad fil-proċediment, peress li deċiżjoni li ma tkunx favorevoli għall-parti tista’ tirriżulta fi pretensjoni (li tirriżulta, pereżempju, minn ftehim ta’ garanzija) li titressaq kontra l-parti minn parti terza. Għal dan il-għan, il-parti tippreżenta talba, li tiġi nnotifikata lill-parti terza, li mbagħad tista’ tiddikjara li qed tingħaqad fil-kawża bħala parti intervenjenti awżiljarji.

2. X’inhuma l-effetti prinċipali ta’ sentenzi fuq persuni li ngħataw TPN?

It-TPN ma tirriżultax awtomatikament f’li tagħmel lill-persuna li hija s-suġġett tat-talba parti fil-kawża pendenti. Id-dħul tagħha fil-proċediment jieħu l-forma ta’ intervent awżiljarju (Artikoli 76-78 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Bi qbil mal-partijiet, il-parti awżiljarja li tintervjeni tista’ tieħu l-post tal-parti li tkun ingħaqdet magħha. Inkella, is-sentenza jkollha effett dirett (iżda, fil-każ ta’ TPN, biss jekk tkun konsistenti man-natura tar-relazzjoni kkontestata jew id-dispożizzjoni legali rilevanti).

3. Jeżisti effett vinkolanti fir-rigward tal-valutazzjoni legali fil-proċediment ewlieni?

Jekk, minkejja li tintalab tagħmel hekk, parti terza ma tingħaqadx fil-proċediment, hija tirrinunzja l-possibbiltà li tallega l-irregolarità tal-ewwel proċediment f’kull proċediment sussegwenti (l-Artikolu 82 flimkien mal-Artikolu 85 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

4. Jeżisti effett vinkolanti fir-rigward ta’ fatti stabbiliti li l-parti terza ma setgħetx tikkontesta fil-proċediment ewlieni eż. minħabba li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet?

L-għoti ta’ notifika minn parti terza u t-talba tal-parteċipazzjoni tagħha hija wkoll fl-interess tal-parti terza, minħabba li jista’ jgħin biex jinkiseb riżultat pożittiv li jista’ jwassal biex kwalunkwe proċediment sussegwenti jkun superfluwu.

5. It-TPN tipproduċi l-effetti tagħha irrispettivament minn jekk il-parti terza tkunx ingħaqdet fil-proċediment ewlieni jew le?

Jekk, minkejja li tintalab tagħmel hekk, parti terza ma tingħaqadx fil-proċediment, hija tirrinunzja għall-possibbiltà li tallega l-irregolarità tal-ewwel proċediment f’kull proċediment sussegwenti (l-Artikolu 82 flimkien mal-Artikolu 85 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

6. It-TPN taffettwa r-relazzjoni bejn il-parti terza u l-avversarju tal-parti notifikanti?

Jekk il-persuna hekk mitluba tingħaqad fil-proċediment, din issir parti intervenjenti awżiljarja u, bi qbil mal-partijiet, tista’ tieħu post il-parti li tkun ingħaqdet magħha.

L-Artikolu 74 – Deskrizzjoni tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni

L-Artikolu 74 - Deskrizzjoni tar-regoli nazzjonali u l-proċeduri li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni jinsabu fl-Iskeda ta’ Informazzjoni Procedury służące wykonaniu orzeczenia (Proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza).

L-Artikolu 75 (a) – L-ismijiet u dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom jridu jitressqu l-applikazzjonijiet skont l-Artikoli 36(2), 45(4) u 47(1)

Il-Qorti reġjonali [sąd okręgowy] tad-domiċilju jew l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur jew, fin-nuqqas ta’ tali qorti, il-qorti reġjonali li fiha l-eżekuzzjoni reġjonali hija pendenti jew tkun qiegħda titwettaq.

Fil-każ ta’ rikors għal rifjut ta’ rikonoxximent:

Il-Qorti reġjonali [sąd okręgowy] li għandha ġuriżdizzjoni fil-kawża deċiża permezz tas-sentenza jew tar-reġjun fejn tinsab il-qorti distrettwali [sąd rejonowy] kompetenti jew fin-nuqqas tagħha, il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja.

L-Artikolu 75 (b) – L-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom irid jitressaq l-appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-rifjut ta' eżekuzzjoni skont l-Artikolu 49(2)

Il-Qorti tal-Appell [sąd apelacyjny] permezz tal-qorti reġjonali [sąd okręgowy].

L-Artikolu 75 (c) – L-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom jista' jitressaq appell ulterjuri skont l-Artikolu 50

Il-Qorti Suprema [Sąd Najwyższy] permezz tal-qorti tal-appell [sąd apelacyjny].

L-Artikolu 75 (d) – Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet taċ-ċertifikati dwar is-sentenzi, l-istrumenti awtentiċi u l-ftehimiet bil-qorti

Mhux Applikabbli.

L-Artikolu 76(1)(a) – Ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni msemmija fl-Artikoli 5(2) u 6(2) tar-Regolament

L-Artikolu 1103(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 1110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sakemm jipprovdu ġuriżdizzjoni esklużivament għall-qrati Pollakki fuq il-bażi ta’ waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin li jirrigwardaw ir-rikorrent: ċittadinanza Pollakka, domiċilju, residenza abitwali jew uffiċċju rreġistrat fil-Polonja.

L-Artikolu 76(1)(b) – Ir-regoli dwar in-notifika ta' terzi msemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament

L-Artikoli 84 u 85 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili dwar in-notifika lil parti terza.

L-Artikolu 76(1)(c) – Il-Konvenzjonijiet msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament

  • il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Popolari tal-Polonja u r-Repubblika Popolari tal-Ungerija dwar l-Assistenza Legali f’Materji Ċivili, Familjari u Kriminali, iffirmata f’Budapest fis-6 ta’ Marzu 1959,
  • il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Popolari tal-Polonja u r-Repubblika Federali tal-Poplu tal-Jugoslavja dwar l-Assistenza Legali f’Materji Ċivili u Kriminali, iffirmata f’Varsavja fis-6 ta’ Frar 1960, attwalment fis-seħħ bejn il-Polonja u s-Slovenja u bejn il-Polonja u l-Kroazja,
  • il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Bulgarija u r-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, Familjari u Kriminali, iffirmat f’Varsavja fl-4 ta’ Diċembru 1961,
  • il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u r-Repubblika tal-Awstrija dwar ir-Relazzjonijiet Reċiproċi f’Materji Ċivili u dwar Dokumenti, iffirmata fi Vjenna fil-11 ta’ Diċembru 1963,
  • il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u r-Repubblika Ellenika dwar l-Assistenza Legali f’Materji Ċivili u Kriminali, iffirmata f’Ateni fl-24 ta’ Ottubru 1979,
  • it-Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja dwar l-Assistenza Legali u r-Regolamentazzjoni tar-Relazzjonijiet Ġuridiċi f’Materji Ċivili, Familjari, tax-Xogħol u Kriminali, iffirmat f’Varsavja fil-21 ta’ Diċembru 1987, li għadu fis-seħħ fir-relazzjonijiet bejn il-Polonja u r-Repubblika Ċeka u bejn il-Polonja u s-Slovakkja,
  • il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u r-Repubblika Taljana dwar l-Assistenza Legali u r-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili, iffirmata f’Varsavja fit-28 ta’ April 1989,
  • il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Ġuridiċi f’Materji Ċivili, Familjari, tax-Xogħol u Kriminali, iffirmat f’Varsavja fis-26 ta’ Jannar 1993,
  • il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Ġuridiċi f’Materji Ċivili, Familjari, tax-Xogħol u Kriminali, iffirmat f’Riga fit-23 ta’ Frar 1994,
  • il-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika tal-Polonja dwar il-Koperazzjoni Legali f’Materji Ċivili u Kriminali, iffirmata f’Nikosija fl-14 ta’ Novembru 1996,
  • il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Ġuridiċi f’Materji Ċivili, tax-Xogħol u Kriminali, iffirmat f’Tallinn fis-27 ta’ Novembru 1998,
  • it-Trattat bejn ir-Rumanija u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Ġuridiċi f’Materji Ċivili, iffirmat f’Bucharest fil-15 ta’ Mejju 1999.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 28/02/2019