Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Reġistri kummerċjali fl-Istati Membri - Bulgarija

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Bulgaru diġà ġew tradotti.

Din it-taqsima tagħti ħarsa lejn ir-reġistri tan-negozji Bulgari u r-reġistru Bulstat. Il-Bulgarija tiggarantixxi li dawn ir-reġistri huma konformi mal-prinċipji tal-pubbliċità, it-trasparenza u s-sigurtà tal-informazzjoni.


Ir-reġistru tan-negozji Bulgaru x'jipprovdi?

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIr-reġistru tan-negozji Bulgaru huwa amministrat mill-Aġenzija tar-Reġistri li tagħmel mal-Ministeru tal-Ġustizzja. L-operaturi tas-suq u l-fergħat tal-operaturi tas-suq barranin jiddaħħlu fir-reġistru, flimkien mad-dettalji dwarhom li l-liġi tirrekjedi li jiddaħħlu. Ir-reġistru tan-negozji jagħmel pubbliċi d-deċiżjonijiet u d-dokumenti marbuta mal-operaturi tas-suq u mal-fergħat tal-operaturi tas-suq barranin li l-liġi titlob li jibqgħu disponibbli għall-ispezzjoni mill-pubbliku.

Ir-reġistru tan-negozji huwa bażi ta’ dejta elettronika li fiha d-dettalji li l-liġi titlob li għandhom jiġu reġistrati u d-dokumenti li l-liġi titlob li jibqgħu disponibbli għall-ispezzjoni mill-pubbliku marbuta ma' operaturi tas-suq u l-fergħat tal-operaturi tas-suq barranin. Il-fajls dwar l-operaturi tas-suq u l-fergħat tal-operaturi tas-suq barranin jinżammu f'forma elettronika. Il-fajls ikun fihom applikazzjonijiet, dokumenti li jissostanzjaw id-dettalji rreġistrati, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħrajn, li jista' jkun fihom ukoll dejta personali li tidentifika individwi li jirrappreżentaw jew jimmaniġġjaw l-entità kkonċernata.

L-aċċess għar-reġistru tan-negozju huwa bla ħlas?

Ir-reġistru tan-negozji qiegħed fid-dominju pubbliku. L-aċċess għall-bażi ta’ dejta tar-reġistru tan-negozji huwa miftuħ għal kulħadd mingħajr ħlas. B'konformità ma' emenda li saret lill-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozji (ZTR) bid-data tal-1 ta' Jannar 2013, l-aċċess għall-fajls dwar l-operaturi tas-suq li ddaħħlu fir-reġistru tan-negozji jrid jinżamm rekord tiegħu. Dan ifisser li d-dokumenti skenjati maħżuna fil-"fajl" dwar operatur tas-suq partikolari jiġu aċċessati abbażi ta' firma elettronika jew ċertifikat elettroniku maħruġ mill-Aġenzija. Iċ-ċertifikat jinħareġ mill-Aġenzija mingħajr ħlas.

Kif tfittex fir-reġistru tan-negozji Bulgaru.

Ir-reġistru tan-negozji jista' jiġi aċċessat 24 siegħa kuljum fl-indirizz Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.brra.bg/Default.ra.

Kulħadd jista' jfittex fir-reġistru tan-negozji għal dettall jew dikjarazzjoni partikolari.

Fil-portal tar-reġistru tan-negozji, jistgħu jsiru tiftixiet bl-użu tal-kriterji li ġejjin:

  • l-isem jew il-Kodiċi ta' Identifikazzjoni Uniku (KIU) tal-operatur tas-suq jew tal-fergħa ta' operatur tas-suq barrani;
  • ismijiet jew numru tal-ID, jew isem tan-negozju jew KIU ta' sieħeb jew sid uniku tal-kapital;
  • ismijiet jew numru tal-ID, jew isem tan-negozju jew KIU ta' membru ta' korpi tal-entità ġuridika – operatur tas-suq;
  • il-fajl ta' operatur tas-suq jew fergħa ta' operatur tas-suq barrani u tal-uffiċjali u s-suċċessuri legali tiegħu jistgħu jiġu mfittxa permezz ta' kull dettall jew dikjarazzjoni rreġistrata.

Huwa disponibbli wkoll servizz bi ħlas li jippermetti lill-utenti jfittxu fil-bażi ta’ dejta kollha kemm hi skont il-kriterji speċifiċi tagħhom. Il-ħlas annwali għal dan is-servizz huwa ta' BGN 30 000 (skont l-iskeda ta' tariffi statali miġbura mill-Aġenzija ta' Reġistrazzjoni); għall-awtoritajiet pubbliċi, l-aċċess sħiħ għall-bażi ta' dejta huwa mingħajr ħlas.

Iċ-ċertifikati jistgħu jinħarġu kemm fil-post mill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni stess, kif ukoll b'mod elettroniku (it-tariffi jinġabru skont mal-iskeda msemmija fuq).

Kopji ta' dokumenti miżmuma fir-reġistru jistgħu jinħarġu kemm fil-post jew inkella elettronikament (it-tariffi jinġabru skont mal-iskeda msemmija fuq).

Sa liema punt jista' wieħed jiddependi fuq id-dokumenti fir-reġistru?

Il-Bulgarija adottat il-prinċipji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE li tirregola l-validità tad-dħul jew it-tħassir ta' dettalji u l-pubblikazzjoni ta' dokumenti marbutin ma' operaturi tas-suq. L-arranġamenti speċifiċi fil-livell nazzjonali huma stabbiliti fl-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozji.

Skont dak l-att, dettall imdaħħal fir-reġistru jitqies, sa minn mindu jiddaħħal, li sar magħruf minn partijiet terz bona fede. Qabel ma jgħaddu 15-il ġurnata minn mindu tkun saret entrata, din ma tistax tintuża kontra partijiet terzi li jagħtu prova li ma kienx possibbli għalihom li jkunu konxji tagħha. Partijiet terzi jistgħu jiċċitaw detall li għad irid jiġi rreġistrat minkejja li l-entrata tkun għadha ma saritx, sakemm il-liġi ma tiddisponix b'mod speċifiku li din issir effettiva biss wara d-dħul. Ladarba titħassar, entrata ma tkunx effettiva. Id-dokumenti fir-reġistru jitqiesu li saru magħrufa minn partijiet terzi mid-data li jiġu ppublikati.

Partijiet terzi bona fede jistgħu jiċċitaw entrata jew pubblikazzjoni, saħansitra jekk id-dettall imdaħħal jew l-att jew id-dokument ippubblikat ma jeżistux. B'rabta ma' partijiet terzi bona fede, dettalji mhux imdaħħla fir-reġistru huma meqjusa noneżistenti.

L-istorja tar-reġistru tan-negozji Bulgaru

Mad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozji fl-1 ta' Jannar 2008 bdiet riforma tar-reġistru. B'riżultat:

  1. Ir-responsabbiltà għaż-żamma tar-rekords tan-negozju kkonċernati għaddiet mill-qrati għal korp amministrattiv tal-gvern ċentrali, jiġifieri l-Aġenzija tar-Reġistri.
  2. Ir-reġistri tal-qrati provinċjali ġew konsolidati f'bażi ta' dejta waħda u ċentralizzata li fiha d-dettalji li huma meħtieġa jiġu rreġistrati u d-dokumenti meħtieġa li jinżammu disponibbli għall-ispezzjoni pubblika, kif ukoll kull dokument ippreżentat, deċiżjonijiet li ma ssirx reġistrazzjoni, u fajls tal-kumpaniji. Minħabba f'hekk, kull operatur tas-suq kellu jagħmel reġistrazzjoni mill-ġdid sal-31 ta' Diċembru 2011.
  3. Il-prinċipju tal-pubbliċità tal-informazzjoni huwa ta' importanza fundamentali fil-proċedura ta' reġistrazzjoni. L-Aġenzija tar-Reġistri hija obbligata mil-liġi li tiżgura aċċess miftuħ u mingħajr ħlas għall-applikazzjonijiet u d-dokumenti mehmuża li jinsabu fis-sistema kompjuterizzata tar-reġistru tan-negozji.
  4. Il-proċedura ta' reġistrazzjoni titwettaq billi jintużaw bosta tipi ta' formoli ta' applikazzjoni. It-tip ta' applikazzjoni jiddependi fuq it-tip ta' operatur tas-suq jew id-dettalji fil-waqt tar-reġistrazzjoni.

Kif tippreżenta applikazzjoni lir-reġistru tan-negozji

L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu fi kwalunkwe uffiċċju tal-Aġenzija tar-Reġistri, inkella b'mod elettroniku permezz tal-portal tal-Aġenzija, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.brra.bg/Default.ra.

Applikazzjonijiet kartaċji jistgħu jitressqu f'kull uffiċċju lokali tal-Aġenzija tar-Reġistri, irrispettivament minn fejn ikun ibbażat l-operatur tas-suq. Ladarba jiġu aċċettati mill-uffiċċji tal-Aġenzija, l-applikazzjonijiet kartaċji jiġu skenjati u maħżuna bħala hemżiet fis-sistema kompjuterizzata tar-reġistru tan-negozji. Dokumenti mehmuża bħala annessi għal applikazzjonijiet għandhom ikunu kopji oriġinali jew inkella kopji ċċertifikati mill-applikant jew nutar pubbliku.

Applikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jiġu ppreżentati f'kull ħin permezz tal-portal tar-reġistru tan-negozji.

L-applikazzjonijiet li jitressqu kif jiġu eżaminati?

Kull ħaġa li tiġi rċevuta biex tiddaħħal fis-sistema kompjuterizzata tar-reġistru tan-negozji (applikazzjoni, deċiżjoni ta' qorti, talba biex jiġi rranġat żball, talba għall-ħatra ta' esperti, verifikaturi, kontrolluri, eċċ) tingħata numru ta' referenza uniku fil-format "ssssxxjjssmmss" (sena, xahar, jum, siegħa, minuta, sekonda). Ladarba applikazzjoni, deċiżjoni ta' qorti, jew talba tkun irċeviet in-numru ta' referenza uniku tagħha, din tiġi allokata b'mod aleatorju mis-sistema kompjuterizzata lil uffiċjal tar-reġistrazzjoni biex jeżaminaha. L-applikazzjonijiet għad-dħul jew it-tħassir jew l-impustar ta' dokumenti skont l-Artikolu 14 jiġu allokati awtomatikament, fl-ordni li jkunu waslu, ladarba uffiċjal tar-reġistrazzjoni jkun għadda b'mod elettroniku l-applikazzjoni li tkun ġiet allokata preċedentement u li mbagħad skont dan is-sistema kompjuterizzata tarah li jkun disponibbli.

Wara li saru emendi fl-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozji li jipprevedu li deċiżjoni tinħareġ skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 19(2), is-sistema kompjuterizzata għandha funzjoni li tippermetti li l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati fl-ordni msemmi hawn fuq sa tmiem il-limitu ta' żmien ta' tlett ijiem. L-eżiti varji jistgħu jkunu kif ġej:

  • struzzjonijiet iffirmati elettronikament mill-uffiċjal tar-reġistrazzjoni meta tkun lesta l-eżaminazzjoni u ppubblikata immedjatament fil-kont tal-operatur tas-suq - għandhom jiġu implimentati fil-limitu ta' żmien previst fl-Artikolu 19(2) ZTR;
  • ċaħda, iffirmata elettronikament mill-uffiċjal ta' reġistrazzjoni meta tkun tlestiet l-eżaminazzjoni u ppubblikata mill-ewwel fil-kont tal-operatur tas-suq;
  • ordni ta' reġistrazzjoni, iffirmata elettronikament mill-uffiċjal ta' reġistrazzjoni meta tkun lesta l-eżaminazzjoni, li sa meta jiskadi l-limitu ta' żmien previst fl-Artikolu 19(2) ZTR tkun tidher fil-kont tal-operatur tas-suq li jkollha l-istatus "qed tistenna l-limitu ta' żmien ta' tlett ijiem". Wara l-iskadenza tal-perjodu statutorju, is-sistema kompjuterizzata tagħmel l-entrata awtomatikament u tiġġenera in-numru tal-entrata fil-format speċifikat iktar 'il fuq. Is-sena, ix-xahar u l-jum huma dawk tal-pubblikazzjoni awtomatika mis-sistema kompjuterizzata, filwaqt li s-siegħa, il-minuta u s-sekonda jikkorrespondu għall-ħin li fih ir-reġistrazzjoni ġiet ordnata mill-uffiċjal tar-reġistrazzjoni l-jum ta' qabel.

Ir-reġistru BULSTAT x'jipprovdi?

Ir-reġistru Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBULSTAT fih informazzjoni dwar:

  1. persuni ġuridiċi li mhumiex operaturi tas-suq;
  2. fergħat ta' entitajiet barranin li mhumiex operaturi tas-suq;
  3. aġenziji ta' entitajiet barranin taħt l-Artikolu 24 tal-Att dwar il-Promozzjoni tal-Investiment;
  4. persuni ġuridiċi barranin involuti f'attività kummerċjali fil-Bulgarija u li għandhom stabbiliment fiss hemmhekk;
  5. persuni ġuridiċi barranin li l-post ta' ġestjoni effettiva tagħhom huwa fil-Bulgarija;
  6. persuni ġuridiċi barranin li huma sidien ta' proprjetà immobbli fil-Bulgarija;
  7. unitajiet organizzattivi li jaqgħu taħt l-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, inklużi impriżi tas-snajja' u assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni taħt l-Artikolu 8 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali;
  8. entitajiet li huma kontributuri għas-sigurtà soċjali u li mhumiex persuni fiżiċi;
  9. fergħat u diviżjonijiet ta' entitajiet taħt il-punti 1 u 8 u diviżjonijiet ta' operaturi tas-suq imdaħħla fir-reġistru tan-negozji;
  10. persuni fiżiċi li jeżerċitaw professjoni libera jew li jaħdmu bħala nies tas-sengħa;
  11. ċittadini barranin li m'għandhomx numru tal-identità personali Bulgaru jew numru tal-identità tar-residenti barranin u li:
  • jagħtu servizzi personali indipendenti fil-Bulgarija, inkluż permezz ta' stabbiliment, bażi jew faċilità permanenti;
  • jixtru proprjetà immobbli;
  • huma kontributuri għas-sigurtà soċjali;
  1. persuni fiżiċi oħrajn - kontributuri għas-sigurtà soċjali;
  2. persuni jew entitajiet barranin soġġetti għal reġistrazzjoni speċjali skont id-dritt fiskali, inkluż fejn ikunu eżenti mit-taxxa skont ftehim internazzjonali li jkun fis-seħħ u li r-Repubblika tal-Bulgarija tkun parti minnu;

L-aċċess għar-reġistru BULSTAT huwa bla ħlas?

Ir-reġistru Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBULSTAT mhuwiex mingħajr ħlas. Biex taċċessa d-dejta, trid tkun reġistrat u tħallas tariffa. It-tariffa minima hija ta' BGN 10.

L-istorja tar-reġistru BULSTAT

Skont deċiżjoni tal-Assemblea Nazzjonali tat-8 ta' Ġunju 1995, il-kompitu tal-istabbiliment, iż-żamma u l-iżvilupp tar-reġistru BULSTAT ġie assenjat lill-Istitut Nazzjonali għall-Istatistika (INS). Ir-reġistru unifikat tal-Istat tal-entitajiet kummerċjali, "BULSTAT", beda jaħdem fir-Repubblika tal-Bulgarija fl-1 ta' Jannar 1996. Fis-17 ta' Ġunju ta' dik is-sena, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att dwar l-Istatistika. Dan l-Att stipula l-metodu tat-twaqqif, il-ħidma u l-użu tar-reġistru unifikat BULSTAT għall-identifikazzjoni tal-operaturi involuti fl-attivitajiet kummerċjali fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija. Ir-reġistru BULSTAT żviluppa biex sar wieħed mir-reġistri amministrattivi ewlenin tal-pajjiż, u fl-2000 id-dejta tiegħu saret disponibbli Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapermezz tas-sit web tar-reġistru.

Fil-11 ta' Awwissu 2005, il-ġestjoni tar-reġistru BULSTAT ġiet mgħoddija lill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni. Mill-1 ta' Awwissu 2008, skont l-Att dwar ir-Reġistri tan-Negozji li kien fis-seħħ, l-operaturi tas-suq u l-fergħat tal-operaturi tas-suq li kienu mdaħħla fir-reġistri tan-negozji u l-kooperattivi fil-qrati provinċjali kienu obbligati jirreġistraw mill-ġdid mal-Aġenzija tar-Reġistri sal-31 Diċembru 2011.

Kif tippreżenta applikazzjoni lir-reġistru BULSTAT

Skont l-istatus tagħhom, entitajiet li jixtiequ jirreġistraw mal-BULSTAT iridu jipprovdu:

1. kopja ta' deċiżjoni jew dokument ieħor, kif ġej:

(a) persuni ġuridiċi: dokument ta' twaqqif u dokument li jispeċifika l-persuna jew persuni fiżiċi li timmaniġġja u/jew tirrappreżenta l-entità;

(b) aġenziji ta' entitajiet barranin taħt l-Artikolu 24 tal-Att dwar il-Promozzjoni tal-Investiment: dokument li jiċċertifika r-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Bulgara (KKIB);

(c) persuni ġuridiċi barranin: dokument li jixhed it-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali fil-Bulgarija; dokument legalizzat li jixhed l-oriġini ta' persuni ġuridiċi barranin fil-pajjiż ikkonċernat;

(d) unitajiet organizzattivi mingħajr personalità ġuridika taħt l-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, u fondi ta' assigurazzjoni taħt l-Artikolu 8 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali: kuntratt tal-kumpanija u ċertifikat ta' reġistrazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Introjtu;

(e) fergħat u diviżjonijiet: dokument li jiċċertifika l-istabbiliment tagħhom u li jispeċifika l-persuna jew il-persuni li jimmaniġġjawhom u/jew jirrappreżentawhom;

(f) entitajiet għajr dawk imsemmija minn (a) sa (e) li huma kontributuri għas-sigurtà soċjali: dokumenti li jixhdu l-identità u/jew li attività speċifika qiegħda titwettaq, fejn il-liġi titlob dan.

2. applikazzjoni fuq formola standard approvata mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tar-Reġistri;

3. karti tal-identifikazzjoni, meta jkun qed jiġi reġistrat għeluq/tħassir jew bidla fiċ-ċirkostanzi;

4. dokument li jagħti xhieda ta' ħlas ta' tariffa tal-Istat taħt l-iskeda approvata mill-Kunsill tal-Ministri;

5. kwestjonarju ta' reġistrazzjoni u/jew verifika tar-reġistrazzjoni fir-rigward ta' entitajiet imdaħħla fir-reġistru speċjali.

Ladarba d-dokumenti jkunu ddaħħlu, l-entrata ssir mingħajr dewmien.

Il-verifika onlajn fiha l-informazzjoni li ġejja:

  • Numru ta' identifikazzjoni uniku
  • Isem l-entità
  • Attività
  • Dokument dwar l-istabbiliment/bidla/stralċ
  • Uffiċċju reġistrat/indirizz amministrattiv
  • Dettalji tat-telekomunikazzjoni
  • Staff maniġerjali/rappreżentattiv
  • Korp ta' mmaniġġjar kollettiv
  • Il-kompożizzjoni tal-korp ta' mmaniġġjar kollettiv: jirrappreżenta/irrappreżentat minn
  • L-oġġett tal-attività kummerċjali
  • Sħab/sidien
  • Diżaggregazzjoni tas-sjieda

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 30/08/2016