Reġistri kummerċjali fl-Istati Membri - Spanja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ispanjol diġà ġew tradotti.

Fi Spanja, ir-‘Registradores’ (Reġistraturi) huma responsabbli biex iżommu r-reġistri li ġejjin:

  • Reġistri tal-Artijiet u tal-Proprjetà ('Registros de la Propiedad de Bienes Inmuebles', li b’mod ġeneriku huma magħrufa bħala Reġistri tal-Artijiet (“Registros de la Propiedad”).
  • Reġistri tal-Proprjetà Mobbli ('Registros de la Propiedad de Bienes Muebles').
  • Reġistri Kummerċjali ('Registros Mercantiles').
  • Ir-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali ('Registro de Condiciones Generales de la Contratación')

Fit-taqsima dwar ir-Reġistri tal-Artijiet tal-portal tal-Ġustizzja Elettronika ssib spjegazzjoni dwar ir-'Registros de la Propiedad', flimkien ma’ links relatati.

Din il-paġna fiha:

  • Spjegazzjoni dwar ir-Reġistri Kummerċjali fi Spanja, flimkien ma' websajts relatati.
  • Spjegazzjoni qasira tar-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli, flimkien ma' links relatati.
  • Spjegazzjoni qasira tar-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali, flimkien ma' links relatati.

X’jipprovdi r-Reġistru Kummerċjali Spanjol?

Ċertezza legali u ekonomika.

Il-karatteristiċi prinċipali tas-sistema tar-Reġistru Kummerċjali Spanjol jinsabu hawn taħt.

1. – Skop tar-Reġistru Kummerċjali.

1.1 – Entitajiet li għandhom ikunu rreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali.

  • L-imprendituri individwali
  • Il-kumpaniji kummerċjali
  • L-organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ
  • L-entitajiet ta’ kreditu u tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji ta' garanziji reċiproċi
  • L-impriżi tal-investiment kollettiv
  • Il-gruppi ta’ interess ekonomiku
  • Il-banek għat-tfaddil tal-flus
  • Il-fondi tal-pensjonijiet
  • Il-fergħat ta’ kwalunkwe mill-entitajiet imsemmija hawn fuq
  • Il-fergħat ta’ kumpaniji barranin
  • Il-kumpaniji barranin li jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom lejn it-territorju Spanjol.
  • Kwalunkwe entità li twettaq attività kummerċjali, sakemm iċ-ċifri tax-xiri li tkun għamlet jew li tkun intermedjarja fihom, jew il-kwantità ta’ bejgħ, ikunu iktar minn EUR 600 000.

1.2 – L-oqsma ta’ attività tar-Reġistru Kummerċjali.

  • Dokumenti tal-kumpaniji.- Ir-reġistrazzjoni tal-inkorporazzjoni ta' kumpaniji kummerċjali tkun l-ewwel dokument fil-kronoloġija tar-reġistru ta' kumpanija. Wara dan, ikun hemm iskrizzjonijiet li jirrigwardaw id-dokumenti u l-kuntratti relatati ma’ kull kumpanija (pereżempju żieda jew tnaqqis fil-kapital azzjonarju, bdil fil-kostituzzjoni tal-bord, il-ħatra jew it-terminazzjoni tal-inkarigu ta' amministraturi jew maniġers, proċeduri ta' insolvenza, appelli kontra deċiżjonijiet korporattivi, etc.).
  • Il-kotba tal-kontabilità.- L-intraprendituri u l-kumpaniji għandhom obbligatorjament iżommu sensiela ta' kotba tal-kontabilità u jippreżentawhom lir-Reġistru Kummerċjali lokali tagħhom biex jiġi awtentikat mir-Reġistratur Kummerċjali. Il-kontijiet iridu jiġu ppreżentati mill-inqas erba' xhur wara li tispiċċa s-sena finanzjarja tal-kumpanija. Għaldaqstant, dawk il-kumpaniji li s-sena finanzjarja tagħhom tispiċċa fil-31 ta' Diċembru għandhom jippreżentawhom sal-31 ta’ Mejju.
  • Preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tal-intraprendituri u ta' individwi oħrajn li huma meħtieġa jippreżentawhom.- Skont il-Pjan Ġenerali tal-Kontabilità, iż-żamma ta' kontijiet annwali hija obbligatorja. Dawn għandhom jiġu approvati mis-sħab jew mill-azzjonisti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja tal-kumpanija u, ladarba jiġu approvati, fi żmien xahar għandhom jiġu ppreżentati għal awtentikazzjoni obbligatorja mir-Reġistru Kummerċjali lokali. Għaldaqstant, f’ċirkostanzi normali, l-impriżi li s-sena finanzjarja tagħhom tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru u li jkunu approvaw il-kontijiet tagħhom sat-30 ta’ Ġunju, għandhom jippreżentawhom sat-30 ta’ Lulju.
  • L-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ħatra ta’ awdituri u esperti.- Kwalunkwe azzjonarju li jkollu 5% mill-kapital azzjonarju ta’ kumpanija għandu d-dritt li fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja jitlob lir-Reġistru Kummerċjali lokali biex jaħtar awditur. Fil-każ ta’ kumpaniji li s-sena finanzjarja tagħhom tispiċċa fil-31 ta' Diċembru, is-sħab jew l-azzjonisti li jkollhom mill-inqas 5% mill-kapital azzjonarju jistgħu, sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara, jitolbu li jinħatar awditur. Huma jistgħu wkoll jitolbu lir-Reġistratur Kummerċjali lokali biex jaħtar esperti fin-negozju f’każijiet meta jkun jeħtieġ li jsiru kontributi mhux finanzjarji f’każ ta’ amalgamazzjoni jew diviżjoni.

2. – Ċertezza tad-dritt fir-Reġistru Kummerċjali Spanjol.

Ir-Reġistru Kummerċjali huwa l-istrument legali prinċipali biex tiġi rreġistrata l-attività tan-negozji. Huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku, bħala mezz biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet.

L-informazzjoni tiddaħħal fir-Reġistru wara li jsiru l-verifiki: verifiki tal-legalità u l-validità tal-kontenut tad-dokumenti u tal-ftehimiet korporattivi u tal-kapaċità u l-leġittimità ta’ dawk li jkunu ffirmawhom.

B’konsegwenza ta’ dawn il-verifiki li jsiru mir-Reġistratur, dawn l-iskrizzjonijiet ikollhom stat legali sod ħafna:

  1. Il-kontenut tar-Reġistru jitqies preċiż u validu.
  2. L-istrumenti rreġistrati jistgħu jintużaw bħala prova kontra partijiet terzi b’bona fidi.
  3. Dak li jiddaħħal fir-Reġistru jiġi protett mill-qrati u jkollu effett sakemm ma jiġix iddikjarat mhux preċiż jew null permezz ta’ sentenza mogħtija minn qorti.
  4. Sentenza li tiddikjara li informazzjoni mdaħħla fir-reġistru mhix preċiża jew hija nulla ma tippreġudikax id-drittijiet miksuba legalment ta’ partijiet terzi b’bona fidi.

B’hekk, kemm il-kumpaniji kif ukoll iċ-ċittadini u d-dipartimenti tal-gvern jevitaw spejjeż għoljin tat-tranżazzjonijiet peress li jkollhom biżżejjed informazzjoni akkreditata dwar l-entitajiet li magħhom ikollhom il-ħsieb li jibdew relazzjoni kuntrattwali, u dwar is-sitwazzjoni legali u ekonomika tagħhom.

3.- Il-Proċedura tar-Reġistrazzjoni.

Il-prinċipju ġenerali huwa li huwa neċessarju li ssir ċertifikazzjoni pubblika biex l-informazzjoni tiddaħħal fir-Reġistru. Id-dokumenti jistgħu jiġu awtentikati minn nutara, mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi. Id-dokumenti privati jistgħu jiddaħħlu biss f’każijiet speċifikament stipulati mil-liġi u skont ir-regolamenti tar-Reġistru Kummerċjali. Xi eżempji ta’ dokumenti privati li jistgħu jiddaħħlu huma: reġistrazzjoni ta' kumpaniji individwali li mhumiex involuti fl-industrija tal-bastimenti merkantili; il-ħatra, it-terminazzjoni ta’ servizz, l-aċċettazzjoni u r-riżenji minn karigi ta’ amministraturi, likwidaturi u awdituri.

Il-proċedura trid tintalab. Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, dan ifisser li tinbeda mill-persuna li tkun talbet l-iskrizzjoni.

L-aċċess għar-Reġistru Kummerċjali huwa bla ħlas?

L-aċċess għar-Reġistru Kummerċjali fi Spanja mhux bla ħlas.

It-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaTariffi tar-Reġistraturi Kummerċjali u r-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegolament dwar ir-Reġistru Kummerċjali jistipulaw l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni u tal-pubblikazzjonijiet.

It-tariffi għar-reġistrazzjoni jiddependu minn fatturi varji u għandhom jiġu kkonsultati direttament fit-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaTariffi tar-Reġistraturi Kummerċjali.

L-ispejjeż tal-pubblikazzjoni jvarjaw minn EUR 1.20 sa EUR 24 u jistgħu jinsabu direttament fit-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaTariffi tar-Reġistraturi Kummerċjali jew fil-paġna tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAssoċjazzjoni tar-Reġistraturi ta’ Spanja.

Kif nista’ nikkonsulta r-Reġistru Kummerċjali Spanjol?

1. – In-natura pubblika tar-reġistru.

Ir-Reġistru Kummerċjali huwa pubbliku. Ir-Reġistratur Kummerċjali għandu r-responsabbiltà li jipproċessa l-kontenut ta’ dak li jiddaħħal fir-reġistru għal skopijiet professjonali.

2. Estratt mir-Reġistru.

Deskrizzjoni.- in-natura ta' estratt mir-reġistru ("nota simple") hija biss informattiva u mhix rappreżentazzjoni awtentika tal-kontenut tal-iskrizzjoni. Din ikun fiha xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha relatati mal-iskrizzjoni kkonċernata.

Kif tikseb estratt.- Hemm żewġ metodi:

  • Bil-miktub fuq karta. Billi titlobha personalment mir-Reġistru Kummerċjali rilevanti.
  • Bl-internet. Billi tuża l-ewwel ħolqa f'qiegħ din il-paġna.

3.- Ċertifikati.

Deskrizzjoni. - Ċertifikat huwa kopja, traskrizzjoni jew trasferiment, f’forma kompluta jew f’forma ta’ taqsira, tal-kontenut tal-informazzjoni miżmuma fir-Reġistru li, ladarba tiġi pproċessata mir-Reġistratur, jirrappreżenta l-uniku mod li bih tiġi trażmessa n-natura awtentika tal-iskrizzjoni fir-Reġistru Kummerċjali. Ir-Reġistraturi jistgħu wkoll jiċċertifikaw dokumenti li jiġu depożitati jew arkivjati fir-Reġistru.

Kif tikseb ċertifikat.- Iċ-ċertifikati jinkisbu biss permezz ta’ talba bil-miktub. Tista’ titlobhom personalment, bil-posta jew bil-faks jew b’xi mezz simili.Tista' titlob ukoll Ċertifikati elettroniċi li jkun fihom il-firma elettronika rikonoxxuta tar-Reġistratur.

4. – Kif tikkonsulta r-Reġistru Kummerċjali permezz tal-Internet.

Ara l-"ĦOLOQ UTLI" f'qiegħ il-paġna. Il-proċedura hija sempliċi ħafna. Kulma għandek tagħmel huwa li ssegwi l-istruzzjonijiet fil-paġna indikata:

Il-websajt tagħtik il-possibilità li tħallas permezz ta’ karta ta' kreditu jekk ma tkunx abbonat jew ma jkollokx ċertifikat rikonoxxut mill-Assoċjazzjoni tar-Reġistraturi:

  • "ħlas b'karta ta’ kreditu". Jeħtieġ li ddaħħal id-dettalji tal-karta ta’ kreditu.
  • Imbagħad agħfas fuq "Entrar".

F'din il-paġna tkun tista’ tagħżel bejn: ir-Reġistru tal-Artijiet, ir-Reġistru Kummerċjali, ir-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli jew ir-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali. Agħżel: "Publicidad Mercantil" (Dokumentazzjoni Kummerċjali Pubblika).

  • Wara agħżel il-qasam li jinteressak u li trid tikkonsulta.

Kulħadd jista' jikkonsulta, fil-ħin reali, l-informazzjoni kummerċjali interattiva pprovduta mill-Assoċjazzjoni tar-Reġistraturi permezz ta’ din il-paġna web. Xi informazzjoni dwar il-kumpaniji, inkluż il-kontenut eżatt tal-kontijiet annwali rreġistrati, hija immedjatament disponibbli, 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena. L-informazzjoni li tinkiseb minn dokumenti ta’ kumpanija li jkunu rreġistrati tkun aġġornata u veraċi.

Kemm huma affidabbli d-dokumenti tar-Reġistru?

Id-Direttiva 2012/17/UE dwar l-interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali tintroduċi, fost l-oħrajn, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 2009/101/KE li jikkonċerna l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni aġġornata li tispjega d-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom partijiet terzi jistgħu joqogħdu fuq l-indikazzjonijiet u kull tip ta' att imsemmi fl-Artikolu 2, b'konformità mal-Artikolu 3(5), (6) u (7). Fi ftit kliem, l-Istati Membri jridu jipprovdu din l-informazzjoni għall-pubblikazzjoni fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika b'konformità mar-regoli u r-rekwiżiti tekniċi tal-portal. Din l-informazzjoni tirreferi għall-mod kif għal kull ordinament ġuridiku, jistgħu jsiru talbiet biex jiġu kkonsultati d-dettalji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva, kif ukoll għall-eżekutorjetà fil-konfront ta' partijiet terzi tal-atti rreġistrati fir-Reġistru.

Id-dettalji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva jiġu ppubblikati fir-Reġistru Kummerċjali Spanjol, li huwa rregolat mill-prinċipji tal-forma personali, ċertifikazzjoni pubblika, legalità, leġittimità, awtorità uffiċjali, eżekutorjetà, sekwenza tat-trasferimenti tat-titolu u pubblikazzjoni.

L-Artikolu 19 tal-Liġi 14/2013, u t-13-il Dispożizzjoni Addizzjonali, dwar is-sostenn għall-intraprendituri u l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, jistabbilixxu li r-Reġistru Kummerċjali għandu jinżamm f'format elettroniku, permezz ta' sistema informatika unika, kif mitlub mil-liġi.

Id-dettalji tar-Reġistru Kummerċjali jiġu ppubblikati bħala ċertifikat jew testratt informattiv.

Iċ-ċertifikat maħruġ mir-Reġistru Kummerċjali huwa l-uniku mezz ta' akkreditazzjoni inkonfutabbli tal-kontenut tal-kotba u hemm referenza għalih fl-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi Kummerċjali u l-Artikoli 12 u 77 tar-Regolament tar-Reġistru Kummerċjali.

L-Artikoli 12 u 78 tar-Regolament dwar ir-Reġistru Kummerċjali jirreferu għall-estratt informattiv ta' xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha mdaħħla fir-Reġistru.

Huwa possibbli wkoll li tikkonsulta r-Reġistru onlajn, kif imsemmi fl-Artikolu 79 tal-istess Regolament.

Skont l-Artikolu 23(4) tal-Kodiċi Kummerċjali u l-Artikolu 80 tar-Regolament dwar ir-Reġistru Kummerċjali, japplikaw ukoll ir-regoli tal-pubblikazzjoni li jinsabu fil-leġiżlazzjoni ipotekarja, b'mod partikolari l-Artikoli 221, 222, 222bis, 227 y 248 tal-Liġi Ipotekarja, li jipprevedu l-possibilità li l-informazzjoni tkun ippubblikata b'mezzi elettroniċi. L-Artikolu 110(1) tal-Liġi 24/2001 jittratta l-pubblikazzjoni mir-Reġistratur bl-użu tal-firma elettronika u japplika wkoll għar-Reġistri Kummerċjali, bħala parti mill-inkorporazzjoni tat-tekniki elettroniċi, informatiċi u diġitali (l-Artikoli 106 sa 115).

Skont l-Artikolu 379 tar-Regolament dwar ir-Reġistru Kummerċjali, l-għan tar-Reġistru Kummerċjali Ċentrali huwa li jorganizza, jirreġistra u jippubblika, għal finijiet ta' informazzjoni biss, id-dettalji li jirċievi mir-Reġistri Kummerċjali, iżomm u jippubblika l-ismijiet ta' entitajiet u persuni ġuridiċi, jippubblika l-Gazzetta Uffiċjali tar-Reġistru Kummerċjali, iżomm ir-Reġistru tal-kumpaniji u tal-entitajiet li jkunu mexxew l-indirizz irreġistrat tagħhom 'il barra minn Spanja mingħajr ma tilfu n-nazzjonalità Spanjola u jikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001. Ir-Reġistru Kummerċjali Ċentrali jista' jipprovdi estratti, b'konformità mal-Artikolu 23 tal-Kodiċi Kummerċjali u l-Artikolu 382 tar-Regolament dwar ir-Reġistru Kummerċjali imma ma jistax joħroġ ċertifikati ħlief dawk relatati mal-ismijiet tal-kumpaniji rreġistrati.

Talba għall-pubblikazzjoni tista' ssir bil-posta, b'faks jew b'xi ħaġa simili.

Permezz tal-paġna web tar-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaReġistraturi ta' Spanja tista' titlob l-informazzjoni permezz tal-għodda ta' tiftix (FLEI - Fichero Localizador de Entidades Inscritas).

B'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar ir-Reġistru Kummerċjali, fir-rigward tal-eżekutorjetà, "1. L-atti li jridu jiġu rreġistrati jistgħu jkunu eżegwiti biss fil-konfront ta' persuni terzi b'bona fidi ladarba jkunu ġew ippubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Reġistru Kummerċjali. L-effetti proprji tar-reġistrazzjoni mhumiex affettwati. 2. Fir-rigward ta' operazzjonijiet realizzati fi żmien 15-il jum wara l-pubblikazzjoni, l-atti rreġistrati u ppubblikati ma jkunux eżekutorji fuq terzi li jippruvaw li ma setgħux ikunu jafu bihom. 3. F'każ ta' diskrepanza bejn il-kontenut tal-pubblikazzjoni u l-kontenut tar-reġistrazzjoni, terzi b'bona fidi jistgħu jinvokaw il-pubblikazzjoni jekk tkun favorevoli għalihom. Min ikun responsabbli għad-diskrepanza, ikun obbligat jagħti kumpens lill-persuna preġudikata. 4. Il-bona fidi tat-terza persuna hija preżunta sakemm ma jkunx ippruvat li kien jaf bl-att li kellu jiġu rreġistrat u ma ġiex, bl-att irreġistrat imma mhux ippubblikat jew bid-diskrepanza bejn il-pubblikazzjoni u r-reġistrazzjoni."

Għal aktar informazzjoni tista' tikkonsulta:

L-istorja tar-Reġistru Kummerċjali fi Spanja

1.- Leġiżlazzjoni preċedenti.

Fi Spanja, il-leġiżlazzjoni storika ta' qabel il-leġiżlazzjoni attwali dwar ir-Reġistru Kummerċjali hija:

  • L-Ordenanzas de Bilbao tal-1737, li waqqfu reġistru tan-numri ta’ reġistrazzjoni u l-bnadar għall-vapuri.
  • Il-Código de Comercio tal-1885 (il-Kodiċi Kummerċjali).
  • Ir-Regolament Provviżorju dwar it-tfassil tar-Reġistru Kummerċjali tal-1885 u r-Regolamenti li segwew tal-1919 u tal-14 ta’ Diċembru 1956, kif emendati permezz tad-Digriet tal-21 ta’ Lulju 1973.

2. Leġiżlazzjoni attwali dwar ir-Reġistru Kummerċjali.

Regoli ġenerali li jinsabu fil-Kodiċi Kummerċjali tat-22 ta’ Awwissu 1885. Filwaqt li f’dan il-Kodiċi hemm id-dispożizzjonijiet bażiċi dwar ir-Reġistru Kummerċjali, dawn ġew emendati ħafna darbi, u l-iktar reċentement permezz tal-Liġi Nru 19/1989 tal-25 ta’ Lulju 1989.

  • Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Liġi Nru 3/2009 tat-3 ta’ April 2009 dwar modifiki strutturali tal-kumpaniji.
  • Leġiżlazzjoni speċifika dwar ċerti kumpaniji skont il-qasam tal-attività tagħhom (entitajiet finanzjarji, kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-qasam tal-elettriku, il-kumpaniji fil-qasam tal-leasing, eċċ.)
  • Ir-Reġolament dwar ir-Reġistru Kummerċjali tad-19 ta’ Lulju 1996. Bħalissa qed jitħejja test ġdid tar-Regolament.

3.- Organizzazzjoni.

Ir-Reġistru Kummerċjali huwa istituzzjoni pubblika li tinsab fil-kapitali tal-provinċji kollha u fi bliet oħrajn imsemmija mil-liġi, li titmexxa minn Reġistratur Kummerċjali wieħed jew iktar u taqa’ taħt l-awtorità diretta tal-Ministeru tal-Ġustizzja, b’mod speċifiku d-Direttorat Ġenerali tar-Reġistri u tan-Nutara.

Ir-Reġistratur huwa espert legali professjonist li jwettaq servizz pubbliku: għandu r-responsabbiltà li jikklassifika u jivverifika d-dokumenti kollha li għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru.

F'kull kapitali tal-provinċji fi Spanja hemm Reġistru Kummerċjali wieħed. Hemm Reġistri Kummerċjali wkoll f'Ceuta, Melilla, Ibiza, Mahón, Arrecife, Puerto del Rosario, Santa Cruz de la Palma, San Sebastián de la Gomera, Valverde u f’Santiago de Compostela. Reġistru Kummerċjali Ċentrali jittratta l-ismijiet tal-kumpaniji u tal-entitajiet kummerċjali.

Il-kumpaniji jiksbu l-personalità ġuridika billi jinkitbu fir-Reġistru Kummerċjali fil-post fejn ikunu stabbilew is-sede prinċipali tagħhom, u dan ifisser li huwa obbligatorju li jinkitbu fir-Reġistru u huwa pass li jagħmel parti mill-proċess tat-twaqqif tal-kumpanija.

Ħoloq relatati

IR-REĠISTRU TAL-PROPRJETÀ MOBBLI.

1. X’inhu l-iskop tar-Reġistru Spanjol tal-Proprjetà Mobbli?

Ċertezza legali u ekonomika.

1.1.– L-iskop tar-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli.

L-iskop tar-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli huwa li tiġi rreġistrata s-sjieda u drittijiet oħrajn in rem relatati ma' proprjetà mobbli li tista' tiġi rreġistrata.

1.2.– X’tip ta’ proprjetà mobbli tista’ tiġi rreġistrata?

Proprjetà mobbli proprja: Vetturi bil-mutur, oġġetti tal-konsum, makkinarju industrijali, stabbilimenti industrijali, stokk, makkinarju agrikolu u rziezet tal-bhejjem u tipi oħrajn ta’ proprjetà mobbli previsti mil-liġi.

Xi beni u drittijiet intanġibbli li jistgħu jiġu rreġistrati: Drittijiet industrijali u intellettwali, drittijiet ta’ sfruttament ta’ films, liċenzji amministrattivi u self b'mod ġenerali.

1.3.– X’tipi ta’ drittijiet jiġu rreġistrati fir-rigward tal-proprjetà mobbli?

Sjieda, sekwestri, riserva ta’ sjieda, projbizzjoni fuq it-trasferiment ta' proprjetà, ipoteki fuq proprjetà immobbli, rahan ta’ oġġetti mingħajr ma jibdlu l-idejn u beni oħrajn li jistgħu jiġu rreġistrati jew iskritti skont il-liġi.

2.– Il-karatteristiċi tar-Reġistru Spanjol tal-Proprjetà Mobbli.

Dan huwa Reġistru tal-Istat fir-responsabilità tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Huwa Reġistru legali u mhux biss wieħed amministrattiv. Ġeneralment jaħdem fuq bażi volontarja. Madankollu hemm inċentiv biex issir ir-reġistrazzjoni minħabba l-impatt favorevoli tagħha. M’hemmx rekwiżiti formali: il-kuntratti ġeneralment jiġu rreġistrati bħala dokumenti privati u anki bħala mudelli uffiċjali. Hemm ukoll sistema ta’ approvazzjoni li permezz tagħha, qabel ir-reġistrazzjoni, ir-Reġistratur jivverifika l-leġalità tad-deskrizzjoni, tat-titolu u tal-att li jkunu qed jiġu rreġistrati.

3.- Organizzazzjoni.

Dan ir-Reġistru jinżamm b’mezzi elettroniċi u fiżiċi.

Id-Digriet Irjali 1828/1999 jaqsam ir-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli f’sitt taqsimiet:

  • Bastimenti u mezzi tal-ajru
  • Karozzi u vetturi oħrajn bil-mutur
  • Makkinarju industrijali, stabbilimenti kummerċjali u oġġetti kapitali
  • Kollateral ieħor
  • Proprjetà mobbli oħra li tista' tiġi rreġistrata
  • Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali

4.– L-aċċess għar-Reġistru Spanjol tal-Proprjetà Mobbli huwa bla ħlas?

Le. It-tariffi tiegħu huma stipulati mill-Ordinanza tal-20 ta’ Lulju 1999, fl-Artikolu 36 li fih lista tal-ammonti li għandhom jitħallsu skont il-valur ta’ dak li jkun qed jiġi rreġistrat:

  • Sa valur ta’ EUR 600: EUR 2.40
  • Valur bejn EUR 600 u EUR 6000: EUR 6
  • Valur bejn EUR 6000 u EUR 12000: EUR 10
  • Valur bejn EUR 12000 u EUR 18000: EUR 13
  • Valur ogħla minn EUR 18000: EUR 1.20 għal kull EUR 3000 jew parti minn dak l-ammont.

Is-sistema ta’ tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet tapplika għal ipoteki fuq proprjetà immobbli u rahan mingħajr bdil ta' pussess, għalhekk jiġu applikati t-tariffi ta' dik is-sistema (jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima dwar ir-Reġistru tal-Artijiet).

Fir-rigward tal-informazzjoni f'dan ir-Reġistru, isir ħlas ta' EUR 3 għal kull nota ta' informazzjoni u EUR 6 sa EUR 24 għal kull ċertifikazzjoni.

Titħallas wkoll il-VAT applikabbli f’dak il-mument.

5.– Kif tikkonsulta r-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli permezz tal-Internet

Ara l-"ĦOLOQ UTLI" f'qiegħ il-paġna. Il-proċedura hija sempliċi ħafna. Kulma għandek tagħmel huwa li ssegwi l-istruzzjonijiet fil-paġna indikata:

Wara agħfas fuq: “Aċċess għar-Reġistru Elettroniku”. Is-sit jagħtik il-possibilità li tħallas permezz ta’ karta ta' kreditu jekk ma tkunx abbonat jew ma jkollokx ċertifikat rikonoxxut preċedentement mill-Assoċjazzjoni tar-Reġistraturi:

  • "ħlas b'karta ta’ kreditu". Jeħtieġ li ddaħħal id-dettalji tal-karta ta’ kreditu.
  • Imbagħad agħfas fuq "Entrar".

F'din il-paġna tkun tista’ tagħżel bejn: ir-Reġistru tal-Artijiet, ir-Reġistru Kummerċjali, ir-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli jew ir-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali. Agħżel: “Reġistru Pubbliku tal-Proprjetà Mobbli”.

  • Wara agħżel il-qasam li jinteressak u li trid tikkonsulta.

6.- Ħoloq utli.

REĠISTRU TAL-KUNDIZZJONIJIET KUNTRATTWALI ĠENERALI.

1. X’inhu l-iskop tar-Reġistru Spanjol tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali?

Dan ir-Reġistru jipproteġi l-interessi tal-konsumaturi u tal-utenti li jiffirmaw kuntratt ma’ persuna fiżika jew ġuridika li tuża kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali. Joffri iktar sigurtà fit-tranżazzjonijiet legali privati u b’hekk anki l-mezzi meħtieġa biex jiġi evitat it-tilwim.

1.2.- L-iskop tar-Reġistru Spanjol tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali.

Ir-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali għandu l-għan li jikseb l-objettivi li ġejjin:

1.- Huwa d-depożitu ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali.

Il-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali huma klawżoli kuntrattwali li jkunu ġew abbozzati unilateralment minn parti waħda fil-kuntratt (klawżoli standard), li jintużaw f’għadd ta’ kuntratti. Fil-fatt huma kundizzjonijiet li ma jkunux ġew innegozjati individwalment. Mhux bilfors ikunu inġusti.

Fil-prattika, mhux il-kundizzjonijiet ġenerali kollha fil-kuntratti jiġu ddepożitati fir-Reġistru, minkejja li huwa daqshekk faċli biex jintuża. Il-kundizzjonijiet ġenerali jiġu ddepożitati fuq bażi volontarja, ħlief f’xi oqsma speċifiċi li jistgħu jiġu ddeterminati mill-Gvern.

F’dawk il-każijiet meta l-kundizzjonijiet ġenerali jiġu ddepożitati, il-parti li tiddepożitahom spiss tagħmel referenza għall-fatt li jkunu ġew depożitati f'dan ir-Reġistru meta tiffirma kuntratti oħrajn fil-futur. Għalhekk, minflok jiġu riprodotti f’kuntratti li jsiru fil-futur, issir biss referenza għall-fatt li ġew depożitati fir-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali. Ħafna utenti li jkunu ffirmaw kuntratt li jkun fih kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali ma jkunux jafu bl-eżatt liema huma l-kundizzjonijiet li jorbtuhom, għalhekk jaf ikun vitali li l-utent ikun jaf x’kienu t-termini tal-kuntratt, għal xiex impenja ruħu, kif jista’ jinħeles minn dawn l-impenji iktar 'il quddiem u l-konsegwenzi ta’ dan.

2.- Sentenzi mogħtija mill-Qrati li jiddikjaraw li ċerti klawżoli f’dawn il-kuntratti standard huma nulli u bla effett.

Dawn ikunu sentenzi finali favur l-attur f’kawżi miftuħa minn individwi privati (kawżi individwali) jew minn organizzazzjoni tal-konsumaturi li tirrappreżenta għadd ta’ individwi privati (kawżi kollettivi).

Meta sentenza finali tiġi rreġistrata, hija taffettwa proċeduri oħrajn li jinvolvu klawżoli identiċi.

Eluf ta’ lmenti jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ sentenza waħda li tiddikjara li ċerti klawżoli huma inġusti, u jekk sussegwentement terġa’ tintuża l-istess klawżola inġusta ma jkunx meħtieġ li jittieħdu passi legali ulterjuri, sakemm tkun involuta l-istess parti li tkun oriġinarjament stabbiliet dawn il-klawżoli. Għaldaqstant huwa importanti li dawn is-sentenzi jiġu ppubblikati f' dan ir-Reġistru.

In-natura estremament legali ta’ dan ir-Reġistru tinsilet mill-effetti tar-reġistrazzjoni fuq dikjarazzjoni legali li klawżola hija nulla u bla effett. Jekk jiġi rreġistrat li klawżola tkun inġusta, dan ikollu effetti fir-rigward ta' partijiet terzi. Ir-Reġistru jistipula li meta sentenza finali tkun ġiet irreġistrata, u jibqgħu jintużaw il-klawżoli li jkunu ġew iddikjarati nulli u bla effett b’riżultat ta’ kawża individwali jew kollettiva, ir-Reġistratur jista’ jagħmel nota dwar il-fatt li l-użu ta' dawn il-klawżoli baqa’ jippersisti u jagħmel rapport lill-Ministeru tal-Ġustizzja.

2.- Il-leġiżlazzjoni li tirregola r-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali.

Il-Liġi tal-1998 dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali stabbiliet ir-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali u fdatu lir-Reġistraturi tal-Proprjetà u Kummerċjali. Huwa jagħmel parti mir-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli.

3.- Organizzazzjoni.

Ir-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali huwa Taqsima waħda tar-Reġistru tal-Proprjetà Mobbli. Jista' jinkiseb aċċess għar-Reġistru bl-użu tal-ħoloq imniżżla f'qiegħ din il-paġna.

4.– L-aċċess għar-Reġistru Spanjol tal-Kundizzjonijiet Kuntrattwali Ġenerali huwa bla ħlas?

Iva.

5. – Kif tikkonsulta r-Reġistru Kummerċjali permezz tal-Internet.

Jekk jogħġbok ara l-“ĦOLOQ UTLI” iktar 'l isfel. Il-proċedura hija sempliċi ħafna. Kulma għandek tagħmel huwa li ssegwi l-istruzzjonijiet fil-paġna indikata:

  • Indirizz: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.registradores.org/
  • Wara agħfas fuq: “Ikkonsulta r-Reġistru tal-Kundizzjonijiet Ġenerali Kuntrattwali”
  • Wara agħżel il-qasam li jinteressak u li trid tikkonsulta.

6.- Ħoloq utli.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 26/03/2019