Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Reġistri kummerċjali fl-Istati Membri - Finlandja

Din it-taqsima tagħtik ħarsa ġenerali lejn ir-reġistru tan-negozju Finlandiż.


X'joffri r-reġistru tan-negozju Finlandiż?

Il-Bord Nazzjonali għall-Privattivi u r-Reġistrazzjoni (BNPR) għandu u jżomm Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidair-Reġistru tan-Negozju Finlandiż.

Ir-reġistru tan-negozju Finlandiż huwa reġistru pubbliku li fih informazzjoni dwar operaturi tas-suq (negozji). Bħala regola, kull negozju għandu jiddaħħal fir-reġistru. In-negozji għandhom ukoll jinnotifikaw dwar kull bidla fid-dettalji tar-reġistru tagħhom. Il-biċċa l-kbira tan-negozji jridu wkoll jissottomettu l-kontijiet annwali tagħhom lir-reġistru. Kull sena, jiġu reġistrati:

  • Madwar 30 000 negozju ġdid
  • Madwar 80 000 bidla fid-dettalji tal-kumpaniji reġistrati
  • Madwar 200 000 kont annwali

Ir-reġistru tan-negozju jaqsam proċedura ta’ notifika konġunta u servizz tad-dejta mal-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Is-Servizz ta' Informazzjoni dwar in-Negozji (SIN) huwa servizz ta' dejta b'xejn li jinżamm mill-BNPR u l-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Dan fih informazzjoni ta' kuntatt u identifikazzjoni dwar in-negozji, pereżempju:

  • L-isem tal-kumpanija ta' negozju, l-isem tal-kumpanija awżiljarju u t-traduzzjonijiet tagħhom
  • L-ID tan-negozju u d-domiċilju tal-forma tal-kumpanija
  • L-indirizz u informazzjoni ta' kuntatt oħra
  • Linja ta' negozju prinċipali
  • Ir-reġistri tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u l-BNPR li n-negozju jkun iddaħħal fihom
  • Informazzjoni dwar proċedimenti ta' terminazzjoni, interruzzjoni tan-negozju, falliment, likwidazzjoni jew riorganizzazzjoni.

B'żieda mas-servizz ta' informazzjoni mingħajr ħlas, Tiftix SIN, huwa possibbli li jiġu ordnati dettalji magħżula bi ħlas mingħand is-Sistema ta' Informazzjoni dwar in-Negozji, li hija wkoll miżmuma b'mod konġunt mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa u l-Bord Nazzjonali tal-Privattivi u r-Reġistrazzjoni.

Dan jippermetti lill-klijenti jfittxu kumpaniji fis-SIN: pereżempju fi gruppi skont ir-reġjun, il-linja ta' negozju, (il-linja ta' negozju ewlenija ta' kumpanija skont il-Klassifikazzjoni Industrijali Standard ta' Statistics Finland), il-forma tal-kumpanija, ir-reġistru (ir-reġistri tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa, ir-Reġistru tan-Negozju u r-Reġistru tal-Fondazzjonijiet) jew skont id-data tar-reġistrazzjoni (biex jintgħażlu kumpaniji ġodda).

Ir-Reġistru Kummerċjali Ewropew (European Business Register - EBR) jagħti aċċess fil-pront għal informazzjoni affidabbli dwar kumpaniji fl-Ewropa kollha. L-EBR huwa servizz ta' informazzjoni konġunt ipprovdut mir-reġistri tan-negozju ta' 15-il pajjiż Ewropew. Is-servizz ta' informazzjoni joffri informazzjoni uffiċjali u affidabbli direttament mir-reġistru tan-negozju nazzjonali ta' kull pajjiż parteċipi.

Is-servizz tal-EBR huwa faċli biex tużah minħabba li l-utent jista' jagħżel il-lingwa (Finlandiż, Żvediż jew Ingliż), u l-informazzjoni reġistrata għal kull pajjiż tiġi ppreżentata bl-istess mod li huwa faċli biex jinftiehem.

L-aċċess għar-reġistru tan-negozju Finlandiż huwa mingħajr ħlas?

Iva, parti mir-reġistru tista' tiġi aċċessata mingħajr ħlas.

Kif tfittex fir-reġistru tan-negozji Finlandiż

Id-dettalji tal-operaturi tas-suq jiddaħħlu fir-reġistru tan-negozji abbażi ta' notifikazzjonijiet u komunikazzjonijiet irċevuti mill-awtorità tar-reġistrazzjoni kummerċjali. Ir-reġistru fih informazzjoni mogħtija kemm mill-operaturi tas-suq stess kif ukoll mill-qrati u awtoritajiet oħra.

Skont l-Artikolu 21a tal-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju, il-BNPR jista' jaġġorna r-rekords tiegħu u, billi juża s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Popolazzjoni Finlandiża, jiċċekkja d-dettalji personali li l-klijenti jkunu pprovdew fin-notifiki u l-hemżiet tagħhom.

Skont l-Artikolu 21 tal-Att ta' Projbizzjoni tan-Negozji, iċ-Ċentru tar-Reġistru Legali fil-Finlandja jagħti lir-reġistru tan-negozju dettalji ta' projbizzjonijiet tan-negozji fis-seħħ, u meta jibdew u jispiċċaw. Dawn id-dettalji mbagħad jiġu aġġornati fis-sistema tar-reġistru tan-negozju.

Il-kontenut tar-reġistru tan-negozju huwa ddeterminat mil-liġi Finlandiża. Il-leġiżlazzjoni Finlandiża li tirregola r-reġistru kummerċjali, it-tipi ta' kumpaniji u l-attivitajiet kummerċjali inġenerali tiddefinixxi liem dettalji jiddaħħlu għal tipi ta' kumpaniji differenti. (Ara, pereżempju l-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju, l-Att dwar il-Kumpaniji b'Responsabbiltà Limitata u l-Att dwar is-Sħubijiet).

Normalment, bħala minimu tiġi rreġistrata l-informazzjoni li ġejja għal kull tip ta' kumpanija:

  • Isem il-kumpanija
  • Muniċipalità li minnha l-kumpanija tiġi ġestita (domiċilju)
  • Linja ta' negozju (qasam ta' attività)
  • Min jirrappreżenta l-kumpanija
  • L-indirizz tal-kumpanija.

Meta ssir entrata fir-reġistru tan-negozju, din tiġi ppublikata simultanjament permezz tas-servizz ta' informazzjoni elettroniku. Is-Servizz ta' Informazzjoni Elettroniku dwar Entrati Ppubblikati huwa servizz pubbliku mingħajr ħlas li, apparti l-entrati ppubblikati, fih ukoll id-dettalji bażiċi ta' negozju. Bl-għajnuna tas-servizz tista' tiċċekkja jekk negozju jkunx, pereżempju, ippreżenta l-bord tad-diretturi l-ġdid tiegħu għar-reġistrazzjoni jew issir taf liem negozji ġodda jkunu ġew reġistrati f'ċertu perjodu ta' żmien.

Bl-użu ta' dan is-servizz, tista' tfittex informazzjoni dwar kwalunkwe kumpanija billi tuża l-ID tan-negozju tagħha. L-ID jista' jiġi ċċekkjat fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar in-Negozji jekk ikun hemm bżonn. Data speċifika jew intervall ta' żmien jistgħu wkoll jintużaw bħala terminu tat-tiftix. Inkella, tista' ddejjaq it-tiftixa skont it-tip ta' reġistrazzjoni, jew skont il-muniċipalità jew il-provinċja. Ir-riżultat tat-tiftixa jkun fih id-dettalji bażiċi tal-kumpanija, isimha, l-ID tan-negozju u d-domiċilju. Ir-reġistrazzjoni ppubblikata jkun fiha, pereżempju, it-tip ta' reġistrazzjoni u l-intestaturi tal-entrati fir-reġistru.

Jiddaħħlu wkoll dettalji oħrajn fir-reġistru, skont it-tip ta' kumpanija. L-estratti mir-reġistru ta' negozji tal-istess tip jistgħu jidhru totalment differenti minn xulxin. Xi kumpaniji b'responsabbiltà limitata, pereżempju, jieħdu vantaġġ mill-possibbiltajiet offruti mill-Att dwar il-Kumpaniji; jiddeċiedu li joħorġu drittijiet ta' opzjoni u drittijiet speċjali oħra jew li jingħaqdu, u mbagħad jirrapportaw dawn id-dettalji biex jiddaħħlu fir-reġistru. Kumpaniji oħrajn, min-naħa l-oħra, jagħżlu li jirrapportaw biss id-dettalji li għandhom jiġu ppreżentati biex jiddaħħlu fir-reġistru. B'żieda, l-emendi għal-liġijiet huma riflessi fl-estratti mir-reġistru. L-entrati fir-reġistru ta', pereżempju, kumpaniji b'responsabbiltà limitata, jistgħu jkunu differenti ħafna minn xulxin, skont jekk id-dettall li kellu jiġi rreġistrat jirreferix għal deċiżjoni li tkun ittieħdet skont l-Att dwar il-Kumpaniji b'Responsabbiltà Limitata li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2006, jew għal deċiżjoni taħt Att preċedenti.

Kemm huma affidabbli d-dokumenti li hemm fir-reġistru?

L-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju (l-Att 1979/129 tat-2 ta' Frar 1979) jistipula d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dejta li għandha tiġi rrekordjata fir-reġistru u l-pubblikazzjoni tagħha. L-Att jintitola lil kulħadd jaċċessa d-dejta, estratti u ċertifikati mir-reġistru tan-negozju. Parti terza bona fide tista' toqgħod fuq l-affidabilità tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistru.

Skont l-Artikolu 1a tal-Att, id-dejta kollha miżmuma fir-reġistru hija pubblika u kulħadd huwa intitolat jaċċessa dejta, estratti u ċertifikati mdaħħla fir-reġistru tan-negozju. Id-dejta tista' tiġi divulgata f'forma elettronika. Hemm eċċezzjoni biss għan-numri tal-ID personali ta' persuni fiżiċi u l-indirizzi tad-dar ta' persuni fiżiċi li jgħixu barra; dawn huma pubbliċi. Id-dejta dwar in-numri finali identifikanti tan-numru personali u l-indirizz tad-dar ta' persuni fiżiċi li jgħixu barra jiġu divulgati biss jekk id-divulgazzjoni tilħaq ir-rekwiżiti dwar il-proċeduri tal-awtorità stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tal-Att dwar it-Trasparenza tal-Attivitajiet tal-Gvern. Inkella, il-pajjiż ta’ residenza jiġi divulgat minflok l-indirizz tad-dar.

L-Artikolu 26 tal-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju jistipula li parti terza b'bona fede tista' toqgħod fuq id-dejta mdaħħla u ppubblikata fir-reġistru. Id-dejta tiġi ppubblikata elettronikament direttament wara li tiddaħħal fir-reġistru. Il-pubblikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas mis-servizz ta' informazzjoni tar-Reġistru tan-Negozju.

L-istorja tar-reġistru tan-negozju Finlandiż

L-informazzjoni ilha tinżamm fir-reġistru mill-1860.

Ħoloq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIr-Reġistru Kummerċjali Ewropew, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Bord Nazzjonali għall-Privattivi u r-Reġistrazzjoni tal-Finlandja


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 15/04/2018