Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat - Bulgarija


Kif nista’ nitlob kumpens għad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon mingħand trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Nakazatelno-procesualen kodeks) tar-Repubblika tal-Bulgarija jistabbilixxi l-proċedura biex il-vittmi ta’ reat iressqu rikorsi għad-danni fi proċedimenti kriminali. Jekk il-vittma ma titlobx kumpens għad-danni fil-proċedimenti kriminali jew iħoss li l-kumpens mogħti ma jkoprix id-danni kollha li jkun ġarrab, il-vittma hija intitolata li tressaq rikors għad-danni skont l-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti (Zakon za zadalzheniata i dogovorite) quddiem qorti ċivili, li teżamina l-każ skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Grazhdanski procesionalen kodeks).

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?

Talba ċivili għad-danni u biex il-kawża ċivili tal-vittma tingħaqad mal-proċedimenti ġudizzjarji trid titressaq qabel il-bidu tas-smigħ preliminari quddiem il-qorti tal-prim’istanza. Il-qorti tibgħat notifika tas-smigħ preliminari. Fi żmien sebat (7) ijiem minn meta jirċievu n-notifika, il-vittma jew is-suċċessuri tagħha jistgħu jagħmlu rikors biex il-kawża ċivili jew il-prosekuzzjoni privata tagħhom jingħaqdu flimkien, filwaqt li l-persuni ġuridiċi jistgħu jagħmlu dan bħala parti ċivili.

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (indika ammont totali u/jew speċifika t-telf individwali, il-profitti jew l-imgħaxijiet mitlufa)?

It-talba ċivili tista’ tiġi ppreżentata mill-vittma jew mill-avukat tal-vittma. Ir-rikors jista’ jkun orali jew bil-miktub. It-talba ċivili trid tinkludi: l-isem sħiħ tar-rikorrent u tal-persuna li kontriha titressaq il-kawża; il-każ kriminali li fih tkun qiegħda titressaq it-talba ċivili; ir-reat kriminali li kkawża d-danni u n-natura u l-ammont tad-danni mitluba. It-talba ċivili fi proċedimenti kriminali tista’ titressaq kontra l-imputat u kontra kwalunkwe persuna oħra li jkollha responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati mir-reat.

Hemm formola speċifika għal dawn it-talbiet?

Le, m’hemmx.

Liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

L-evidenza trid tiġi ppreżentata fil-proċedimenti ġudizzjarji. Il-parti li tressaq il-kawża ċivili għandha d-dritt li: tipparteċipa fil-proċedimenti ġudizzjarji; titlob miżura protettiva biex tiżgura t-talba ċivili; tirrieżamina l-materjal fil-każ u tikseb is-siltiet meħtieġa; tissottometti evidenza; tippreżenta talbiet, noti, u oġġezzjonijiet u tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-qorti li jiksru d-drittijiet u l-interess leġittimu tal-parti.

Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?

Il-vittma mhijiex meħtieġa li tħallas tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mal-kawża ċivili tal-vittma.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċedimenti? Nista’ niksibha jekk ma nkunx qiegħed ngħix fil-pajjiż fejn isiru l-proċedimenti?

Il-vittma jew il-parti li tressaq il-kawża ċivili tista’ taħtar avukat. Jekk il-vittma/parti ċivili tipprovdi evidenza li ma tistax taffordja avukat iżda tkun tixtieq wieħed u dan ikun fl-interessi tal-ġustizzja, il-qorti tal-prim’istanza taħtar avukat.

Il-qorti kriminali meta tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?

Il-qorti tal-prim’istanza tiddeċiedi dwar it-talba ċivili f’deċiżjoni li titħabbar fis-smigħ preliminari. Jekk il-qorti tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba, hija trid tagħti r-raġunijiet tagħha. Ir-rifjut mhuwiex miftuħ għall-appell.

Nista’ nappella kontra deċiżjoni bħal din jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Ir-rifjut ta’ qorti kriminali li tiddeċiedi dwar talba ċivili mhuwiex miftuħ għall-appell. Il-vittma għandha d-dritt li tressaq rikors għad-danni quddiem qorti ċivili, bil-każ jinstema’ skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Jekk il-proċedimenti kriminali jkunu għadhom għaddejjin, it-talba ċivili quddiem qorti ċivili tiġi sospiża sakemm jintemmu l-proċedimenti kriminali.

Jekk ningħata d-danni mill-qorti, kif niżgura li s-sentenza tiġi infurzata kontra t-trasgressur u x’għajnuna nista’ nikseb sabiex niżgura dan?

Ladarba t-trasgressur ikun ġie kkundannat, il-vittma tista’ tippreżenta rikors lill-qorti għal mandat ta’ eżekuzzjoni. Mandat ta’ eżekuzzjoni jippermetti lill-vittma li tagħti struzzjonijiet lil uffiċjal ġudizzjarju għall-finijiet li tikseb il-kumpens mogħti mill-qorti.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 10/12/2018