Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat - Estonja


Kif nista’ nitlob kumpens għad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon mingħand trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Inti għandek id-dritt li tippreżenta azzjoni ċivili għad-danni kontra l-imputat bħala parti mill-proċedimenti kriminali. Korp investigattiv jew l-uffiċċju tal-prosekutur irid jispjega lill-vittma l-proċedura sabiex titressaq azzjoni ċivili, ir-rekwiżit essenzjali għal azzjoni ċivili, l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ azzjoni ċivili, u l-konsegwenzi jekk din l-iskadenza titħalla tinqabeż.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?

Inti għandek id-dritt li tippreżenta azzjoni ċivili mhux aktar tard minn 10 ijiem wara li teżamina l-fajl kriminali. Huwa possibbli titlob lill-uffiċċju tal-prosekutur għal estensjoni ta’ din l-iskadenza.

Jekk l-iskadenza tinqabeż, l-azzjoni ċivili tiġi ritornata, iżda f’dan il-każ inti tista’ tippreżenta talba għall-kumpens quddiem qorti ċivili.

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti jew l-imgħaxijiet mitlufa)?

F’azzjoni ċivili, inti tista’ tippreżenta talba li l-objettiv tagħha jkun li terġa’ tistabbilixxi jew tirrimedja l-kundizzjoni ta’ benesseri miksura bl-att li jifforma s-suġġett tal-proċedimenti kriminali. Iċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom tkun ibbażata tali talba jridu jikkoinċidu b’mod sostanzjali mal-fatti tar-reat li jkun qiegħed jiġi ttrattat u jrid ikun possibbli wkoll li tali talba tinstema’ fil-proċeduri ta’ qorti ċivili.

Azzjoni ċivili trid titressaq bil-miktub u trid tagħti d-dettalji tar-rikorrent u tal-konvenut u tippreżenta t-talba espressa b’mod ċar tal-vittma u ċ-ċirkustanzi u l-evidenza fattwali li fuqhom tkun ibbażata t-talba tal-vittma. It-talba trid tkun kompluta (jiġifieri trid tinkludi l-ammonti tat-tipi kollha ta’ dannu li għalihom il-vittma tkun qiegħda titlob kumpens). F’azzjoni għall-kumpens ta’ dannu mhux materjali, l-ammont tal-kumpens mitlub jista’ jitħalla mhux speċifikat u jista’ jintalab kumpens ġust fid-diskrezzjoni tal-qorti.

Il-korp li jkun qiegħed imexxi l-proċedimenti jista’ jistabbilixxi skadenza għall-eliminazzjoni tan-nuqqasijiet fl-azzjoni ċivili.

Hemm xi formola speċifika għal dawn it-talbiet?

Ma ġiet stabbilita l-ebda azzjoni speċifika għall-azzjonijiet ċivili.

X’evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Azzjoni ċivili trid tkun akkumpanjata minn prova tal-fatti li jiffurmaw il-bażi tat-talba tal-vittma u li l-vittma jkun beħsiebu jibbaża fuqhom irrispettivament mis-sett ta’ evidenza ppreżentat mill-uffiċċju tal-prosekutur.

Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?

Is-smigħ ta’ azzjoni ċivili fi proċedimenti kriminali huwa eżenti mit-tariffi Statali, bl-eċċezzjoni ta’ azzjoni ċivili għall-kumpens ta’ telf mhux finanzjarju, jekk it-talba għal dak il-kumpens tkun ibbażata fuq raġunijiet għajr l-ikkawżar tal-offiża fuq il-persuna jew disturb ieħor tas-saħħa jew il-mewt ta’ fornitur.

Jekk l-azzjoni ċivili tiġi miċħuda, l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-azzjoni ċivili jew il-prova tat-talba fil-liġi pubblika jitħallsu mill-vittma. Jekk l-azzjoni ċivili tingħata b’mod parzjali, il-qorti taqsam l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-azzjoni ċivili bejn il-vittma, l-imputat u l-konvenut, wara li tqis iċ-ċirkustanzi kollha. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li l-ispejjeż tal-vittma relatati mal-proċedimenti tal-azzjoni ċivili għandhom jitħallsu b’mod sħiħ jew parzjali mill-vittma, jekk l-ordni ta’ ħlas tal-ispejjeż mill-parti opposta tkun estremament inġusta jew mhux raġonevoli fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

Jekk il-qorti tirrifjuta li tisma’ l-azzjoni ċivili minħabba sentenza ta’ ħelsien mill-akkużi jew it-terminazzjoni tal-proċedimenti kriminali, l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-azzjoni ċivili jitħallsu mill-Istat. Jekk il-qorti tirrifjuta li tisma’ l-azzjoni ċivili għal kwalunkwe raġuni oħra, il-qorti taqsam l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-azzjoni ċivili bejn il-vittma u l-Istat, wara li tqis iċ-ċirkustanzi kollha.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċedimenti? Nista’ niksibha jekk ma ngħixx fil-pajjiż fejn isiru l-proċedimenti?

Inti tingħata għajnuna legali mill-Istat jekk ikunu jeżistu r-raġunijiet previsti fl-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat. Jekk il-qorti ssib li l-interessi essenzjali tiegħek jistgħu ma jkunux protetti b’mod suffiċjenti mingħajr l-assistenza ta’ avukat, il-qorti tista’, fuq inizjattiva proprja tagħha, tiddeċiedi li tagħtik għajnuna legali mill-Istat fuq il-bażi ta’ u skont il-proċedura prevista fl-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat.

Persuna tista’ tirċievi għajnuna legali mill-Istat jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fil-mument li tkun teħtieġ l-għajnuna legali tkun tali li ma tkunx kapaċi tħallas għas-servizzi legali kompetenti jew li tkun kapaċi tħallas għas-servizzi legali biss b’mod parzjali jew f’pagamenti parzjali jew jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex li tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi ta’ sussistenza wara li tħallas għas-servizzi legali.

L-għajnuna legali mill-Istat tingħata lil persuni li, fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat, ikollhom ir-residenza fir-Repubblika tal-Estonja jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ikunu ċittadini tar-Repubblika tal-Estonja jew ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Persuni oħra jingħataw l-għajnuna legali biss jekk din tirriżulta minn obbligu internazzjonali li jorbot lill-Estonja.

L-Att jistabbilixxi r-raġunijiet għar-rifjut tal-għoti ta’ għajnuna legali mill-Istat. Ma tingħatax għajnuna legali mill-Istat jekk, pereżempju, l-applikant ikun jista’ jipproteġi d-drittijiet tiegħu waħdu; jekk l-applikant ikollu proprjetà li tkun tista’ tinbiegħ mingħajr diffikultà kbira biex tkopri l-ispejjeż tas-servizzi legali; u jekk l-ispejjeż tas-servizzi legali ma jkunux preżumibbilment aktar mid-doppju tal-introjtu medju ta’ kull xahar tal-applikant, tnaqqas minnu t-taxxi u l-pagamenti tal-assigurazzjoni obbligatorja, l-ammonti allokati għall-issodisfar ta’ obbligu ta’ manteniment li jirriżulta mil-liġi kif ukoll spejjeż raġonevoli tal-akkomodazzjoni u tat-trasport. L-għajnuna legali mill-Istat ma tingħatax lanqas jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari, ikun b’mod ċar mhux probabbli li l-applikant se jkun kapaċi jipproteġi d-drittijiet tiegħu; jekk l-applikazzjoni għall-għajnuna legali mill-Istat issir sabiex tiġi ppreżentata talba għal telf mhux finanzjarju u ma jkunx hemm raġunijiet pubbliċi prevalenti fil-każ; jew jekk il-kisbiet possibbli għall-applikant mal-aġġudikazzjoni tal-każ ikunu żgħar b’mod mhux raġonevoli, meta mqabbla mal-ispejjeż tal-għajnuna legali stmati tal-Istat.

L-għajnuna legali mill-Istat tingħata abbażi tal-applikazzjoni tal-persuna. Jekk persuna tapplika għall-għajnuna mill-Istat bħala vittma fi proċedimenti kriminali, l-għoti tal-għajnuna legali mill-Istat lill-persuna jiġi deċiż mill-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża jew, matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess ta’ każ kriminali, il-qorti li jkun se jkollha l-ġurisdizzjoni biex tisma’ l-każ kriminali.

L-applikazzjoni għall-għajnuna legali mill-Istat trid tiġi ppreżentata bl-Estonjan, billi tintuża l-formola tal-applikazzjoni rilevanti. L-applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll bl-Ingliż jekk l-għajnuna legali tkun qiegħda titfittex minn persuna fiżika li jkollha r-residenza fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew li tkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Persuna li tapplika għall-għajnuna legali mill-Istat trid tehmeż mal-applikazzjoni tagħha dikjarazzjoni debitament esegwita u ffirmata tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant, u jekk ikun possibbli, evidenza oħra ta’ din is-sitwazzjoni. Jekk ir-residenza ta’ persuna ma tkunx fl-Estonja, mal-applikazzjoni tagħha hija trid tehmeż dikjarazzjoni dwar l-introjtu tagħha u l-introjtu tal-membri tal-familja tagħha matul l-aħħar tliet snin, maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ residenza tal-persuna. Jekk din id-dikjarazzjoni ma tkunx tista’ tiġi ppreżentata għal raġunijiet indipendenti mill-applikant, l-għoti tal-għajnuna legali mill-Istat jista’ jiġi deċiż mingħajr id-dikjarazzjoni.

Il-qorti kriminali meta tiddeċiedi li twarrab jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?

B’mod partikolari, qorti tista’ tirrifjuta li tisma’ azzjoni ċivili jekk l-azzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti rilevanti, jekk il-proċedimenti kriminali jiġu tterminati, jew jekk tingħata sentenza ta’ ħelsien mill-akkużi. Qorti tista’ tirrifjuta wkoll li tisma’ azzjoni ċivili jekk il-vittma jew il-konvenut ċivili ma jidhrux fis-seduta u l-każ ma jkunx jista’ jinstema’ mingħajr il-preżenza tagħhom. Barra minn hekk, qorti tista’ tirrifjuta li tisma’ azzjoni ċivili jekk tingħata kundanna kriminali.

Azzjoni ċivili tiġi miċħuda jekk ma jkunx hemm raġunijiet sabiex tingħata.

Nista’ nappella kontra deċiżjoni bħal din jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Jekk il-qorti tirrifjuta li tisma’ l-azzjoni ċivili tiegħek, inti tista’ titlob id-danni f’qorti ċivili. Inti għandek id-dritt li tressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-prim istanza quddiem qorti distrettwali.

Jekk ningħata d-danni mill-qorti, kif niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trasgressur u x’għajnuna nista’ ningħata sabiex niżgura dan?

Jekk it-trasgressur ikkundannat jonqos milli jħallas l-ammont mogħti bis-sentenza, inti għandek id-dritt li tirrikorri għand uffiċjal ġudizzjarju fuq il-bażi tas-sentenza, u l-uffiċjal ġudizzjarju jieħu ħsieb il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 15/08/2019