Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Kif nista' nressaq talba għal danni jew mezz ta' rimedju/sodisfazzjon ieħor mingħand awtur ta' reat f'kawża (proċedimenti kriminali) u lil min jenħtieġ li nindirizza din it-talba?

Talba għad-danni li jirriżultaw minn delitt tinstema' fil-qafas tal-proċedimenti kriminali fuq proposta tal-parti li sofriet id-danni jekk dan ma jdewwimx il-proċedimenti b'mod sinifikanti. (L-Artikolu 153(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku))

Il-parti li sofriet id-danni tista’ tippreżenta talba għad-danni bħala parti mill-proċedimenti kriminali. (L-Artikolu 154(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

Talba għad-danni ppreżentata bħala parti mill-proċedimenti kriminali tista’ ssir jew għand l-entità li tkun ittrattat id-denunzja kriminali jew għand il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża. (L-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

F'liema punt tal-proċeduri kriminali jenħtieġ li nressaq it-talba tiegħi?

Talba għad-danni tista’ tiġi ppreżentata fi kwalunkwe mument qabel it-tmiem tal-proċedura tal-kumpilazzjoni tal-provi quddiem il-qorti tal-ewwel istanza. (L-Artikolu 155(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

X'nista' nitlob fit-talba u kif jenħtieġ li nippreżentaha (bl-indikazzjoni ta' ammont totali u/jew speċifikazzjoni tat-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħax)?

Ilment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili fi proċedimenti jista' jirreferi għal talba mressqa fil-qafas tal-kawża. (L-Artikolu 153(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

Hemm forma speċifika għat-talbiet ta' dan it-tip?

M'hemmx forma speċifika għat-talbiet ta' dan it-tip.

Liema evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Il-persuna awtorizzata biex tissottometti t-talba jeħtiġilha tindika x'qed titlob u tippreżenta l-evidenza. (L-Artikolu 155(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) It-tip u l-ammont ta' evidenza mhuwiex speċifikat bil-liġi.

Hemm spejjeż tal-qorti jew spejjeż oħrajn b'rabta mat-talba tiegħi?

Ma hemm l-ebda tariffi tal-qorti jew spejjeż oħrajn marbuta mal-preżentata ta’ talba għad-danni bħala parti ċivili f’kawża kriminali.

Nista' nikseb għajnuna legali qabel u/jew tul il-proċedimenti? Nista' nikseb għajnuna legali jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn jitwettqu l-proċedimenti?

Il-vittmi ta’ delitt punibbli b’terminu ta’ priġunerija ta’ aktar minn ħames snin li jbatu konsegwenzi serji minħabba r-reat kriminali, huma intitolati għal konsulenza legali bla ħlas meta jippreżentaw talba għad-danni. (L-Artikolu 43(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) Dan id-dritt mhuwiex limitat skont il-post tar-residenza tal-parti li tkun sofriet id-danni.

F'liema każijiet il-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi t-talba tiegħi kontra t-trażgressur?

Jekk il-qorti ssib lill-imputat ħati, hija tkun tista’ tordna li jitħallsu l-ispejjeż kollha tal-parti li sofriet id-danni jew tordna li jitħallsulha parti mill-ispejjeż u tagħtiha l-parir li tiftaħ kawża ċivili. Jekk l-informazzjoni disponibbli waqt il-proċedimenti kriminali ma tkunx biżżejjed biex il-qorti tordna l-ħlas tad-danni kollha jew ta’ parti minnhom, il-qorti tagħti l-parir lill-parti li sofriet id-danni biex tiftaħ kawża separata.

Meta l-qorti ssib lill-imputat mhux ħati jew ma jintlaqgħux l-akkużi jew ittemm il-proċedimenti kriminali, hija tagħti parir lill-parti li sofriet id-danni biex tiftaħ kawża separata għad-danni. Jekk il-qorti tiddikjara li ma tkunx kompetenti, hija tagħti l-parir lill-parti li sofriet id-danni biex tiftaħ jew tkompli l-proċedimenti kriminali quddiem qorti kompetenti u tiftaħ kawża għad-danni hemmhekk. (L-Artikolu 158(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

Nista' nappella kontra tali deċiżjoni jew infittex mezzi oħrajn ta' rimedju/sodisfazzjon?

Il-parti li sofriet id-danni tista’ tappella kontra l-parti tas-sentenza li tikkonċerna l-ispejjeż tal-qorti u kontra l-parti li tikkonċerna t-talba għad-danni. Jekk l-avukat ġenerali qiegħed imexxi l-prosekuzzjoni flok il-parti li ġarrbet id-danni, din tal-aħħar tista’ tappella fuq kwalunkwe bażi li tista’ tiġi appellata sentenza fuqha. (L-Artikolu 464(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trażgressur u x'għajnuna nista' nikseb biex dan jiġi żgurat?

Jekk il-persuna awtorizzata titlob hekk, jistgħu jiġu imposti miżuri kawtelatorji waqt il-proċedimenti kriminali (fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni rilevanti) sabiex tiġi ggarantita t-talba għad-danni li tirriżulta mid-delitt.

Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu ta' hawn fuq tingħata mill-maġistrat inkwirenti. Wara l-att tal-akkuża, tingħata deċiżjoni mill-awla istruttorja jew, waqt is-seduta, mill-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża. Appell kontra l-miżura kawtelatorja ma jiddifferix l-eżekuzzjoni tagħha. (L-Artikolu 160 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

L-aħħar aġġornament: 26/04/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.