Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat - Polonja


Kif nista’ nagħmel talba għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħrajn ta’ rimedju/sodisfazzjon minn awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Talba tista’ titressaq biss quddiem qorti ċivili. Inti ma tistax tressaq azzjoni matul il-proċedimenti kriminali, iżda hemm modi oħrajn ta’ kif tista’ tfittex rimedju quddiem qorti kriminali.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?

Il-proċeduri ta’ qorti ċivili kontra l-awtur ta’ reat jistgħu jinbdew b’mod indipendenti mill-proċedimenti kriminali li jkunu għaddejjin. Madankollu, jekk jogħġbok innota li l-proċeduri ta’ qorti ċivili jistgħu jiġu sospiżi sal-konklużjoni finali tal-proċedimenti kriminali. Jekk tressaq it-talba wara l-konklużjoni tal-proċedimenti kriminali li fihom jiġi kkundannat l-awtur ta’ reat, il-qorti ċivili ma terġax tieħu evidenza u taċċetta bħala pprovat dak li stabbilixxiet il-qorti kriminali.

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħaxijiet)?

Inti tista’ tfittex ħlas tad-danni kemm għat-telf attwali kif ukoll għall-profitti mitlufa quddiem qorti ċivili. Inti għandek tindika l-ammonti li tfittex li tikseb mingħand l-awtur ta’ reat u tispjega x’jikkonċernaw u kif ikkalkolajthom.

Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Ma hemm ebda formola speċifika għal talbiet bħal dawn.

Liema evidenza rrid nippreżenta sabiex insostni t-talba tiegħi?

Jekk tippreżenta kundanna, ma għandek bżonn tipprova xejn. Il-qorti ċivili tkun marbuta bis-sejbiet tal-qorti kriminali. Madankollu, inti tista’ tfittex kumpens ogħla għad-danni, iżda se jkollok bżonn tapprova li t-talba tiegħek hija ġustifikata. L-evidenza sabiex tikkonferma l-validità tat-talbiet tiegħek tista’ tinkludi d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u dokumenti bħal kambjali jew opinjonijiet.

Hemm xi tariffi tal-qrati jew spejjeż oħrajn marbuta mat-talba tiegħi?

Bħala regola, jintalbu d-drittijiet tal-qorti rilevanti għat-tressiq ta’ kawża ċivili. Madankollu, tista’ tapplika għal eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti jekk turi prova li ma tistax tħallashom.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti? Nista’ nirċeviha jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Jekk ma tkunx tista’ taffordja avukat, tista’ titlob rappreżentant maħtur mill-qorti. Għal dan l-għan, għandek tissottometti applikazzjoni lill-qorti, flimkien ma’ informazzjoni (fuq formola speċjali) dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek.

Tista’ tapplika għal ħlas tad-danni anki jekk ma tkunx tirrisjedi b’mod permanenti fil-Polonja.

Il-qorti kriminali meta tista’ tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra l-awtur tar-reat?

Talba tista’ titressaq biss quddiem qorti ċivili. Il-qorti tiċħadha jekk inti ma turi ebda prova li l-awtur tar-reat ikkawża d-dannu jew jekk ma turi ebda prova tal-ammont ta’ dak id-dannu. Madankollu, jekk tehmeż kundanna penali li abbażi tagħha l-awtur tar-reat ikun instab ħati, il-qorti ċivili ma tkunx tista’ tiċħad it-talba.

Nista’ nappella kontra deċiżjoni bħal din jew infittex mezzi oħrajn ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Tista’ tappella kontra s-sentenza ta’ qorti ċivili tal-prim’istanza (sąd cywilny I instancji) quddiem qorti tat-tieni istanza (sąd II instancji). Jekk ma tkunx irrappreżentat minn avukat, il-qorti tinformak dwar kif tressaq appell.

Matul il-proċedimenti kriminali, inti tista’ tfittex rimedju bil-modi li ġejjin:

  1. inti tista’ titlob li tiġi imposta miżura ta’ kumpens (l-obbligu li jiġi rrimedjat id-dannu jew li jiġi pprovdut kumpens għall-ħsara mġarrba) fuq l-awtur tar-reat; jekk ikun hemm diffikultajiet sinifikanti fl-ordni lill-awtur tar-reat sabiex jagħmel dan, il-qorti tista’ minflok tordna li jsiru ħlasijiet għad-danni ta’ kumpens (nawiązka); inti tista’ tagħmel it-talba bil-fomm f’seduta ta’ smigħ jew inkella bil-miktub; it-talba tiegħek tiġi aċċettata jekk l-awtur tar-reat jiġi kkundannat, jiġifieri jinstab ħati tar-reat li jirriżulta fid-dannu jew il-ħsara li tkun ġarrabt inti;
  2. jekk l-awtur tar-reat jiġi kkundannat u jingħata sentenza sospiża ta’ priġunerija, il-qorti tista’ tordnalu li jirrimedja d-dannu li tkun ġarrabt inti bħala riżultat tar-reat b’mod sħiħ jew parzjalment, sakemm ma tiġix imposta miżura ta’ kumpens;
  3. jekk il-proċedimenti jitwaqqfu b’mod kundizzjonali, il-qorti trid tordna lill-awtur tar-reat sabiex jirrimedja d-dannu b’mod sħiħ jew parzjalment.

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u x’għajnuna nista’ nikseb sabiex niżgura dan?

Jekk l-awtur tar-reat jiġi ordnat jirrimedja d-dannu, il-qorti tipprovdilek kopja tad-deċiżjoni. Jekk l-awtur tar-reat ma jirrimedjax id-dannu u jkun ingħata sentenza sospiża ta’ priġunerija, inti tista’ titlob li s-sentenza tiġi eżegwita.

Jekk il-proċedimenti kriminali jkunu twaqqfu b’mod kundizzjonali u l-awtur tar-reat ma jirrimedjax id-dannu, dan jista’ jiffaċċja t-tkomplija tal-proċedimenti u l-kundanna. Il-qorti tiddeċiedi dwar dan fis-sessjoni li fiha tista’ tipparteċipa inti.

Is-sentenza tal-qorti ċivili li tagħtik kumpens għad-danni tiġi eżegwita minn awtorità tal-infurzar, jiġifieri bailiff (komornik).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 28/01/2019