Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Id-Direttiva dwar il-Bejgħ u l-Garanziji tal-Konsumatur (1999/44)

In-negozjanti li jbiegħu prodotti għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea (UE) huma obbligati li jirrimedjaw id-difetti li kienu jeżistu fiż-żmien tal-kunsinna u li jsiru evidenti fi żmien sentejn. Ir-regoli tal-UE jiggarantixxu lill-konsumaturi livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment jekk il-prodotti ma jilħqux l-istandards imwiegħda.

ATT

Id-Direttiva 99/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom.

SOMMARJU

In-negozjanti li jbiegħu prodotti għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea (UE) huma obbligati li jirrimedjaw id-difetti li kienu jeżistu fiż-żmien tal-kunsinna u li jsiru evidenti fi żmien sentejn. Ir-regoli tal-UE jiggarantixxu lill-konsumaturi livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment jekk il-prodotti ma jilħqux l-istandards imwiegħda.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tarmonizza dawk il-partijiet tal-liġi dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi fuq il-bejgħ ta’ prodotti li jkopru l-garanziji legali* u, sa ċertu punt inqas, il-garanziji kummerċjali* (garanziji).

PUNTI EWLENIN

  • Il-bejjiegħa għandhom joffru lill-klijenti prodotti li jikkonformaw mal-kuntratt tal-bejgħ.
  • Sabiex ikunu konformi, il-prodotti għandhom:
    • jikkonformaw mad-deskrizzjoni tal-bejgħ,
    • ikunu adatti għall-iskop li għalih ikun intiż il-prodott,
    • u juru l-kwalità u l-prestazzjoni li jistgħu jkunu mistennija b’mod raġonevoli.
  • Il-bejjiegħa huma responsabbli għal kwalunkwe installazzjoni skorretta jekk dik tkun tifforma parti mill-kuntratt. Dan japplika irrispettivament minn jekk ix-xogħol ikunx taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ jew inkella minħabba struzzjonijiet difettużi għall-konsumatur.
  • Il-konsumaturi għandhom id-dritt li jitolbu li l-prodotti difettużi jiġu msewwija jew mibdula mingħajr ħlas fi żmien raġonevoli u bl-inqas inkonvenjenza possibbli. Minflok huma jistgħu jitolbu għal tnaqqis xieraq fil-prezz jekk it-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-prodott ma ssirx fil-ħin jew mingħajr inkonvenjenza sinjifikanti għall-konsumatur.
  • Il-bejjiegħa, li huma responsabbli lejn il-konsumaturi għall-prodotti li jbiegħu, jistgħu jieħdu azzjoni kontra l-produtturi jekk jinstab li d-difett ġej min-naħa tagħhom.
  • Il-bejjiegħa huma responsabbli għal kwalunkwe difetti fil-prodotti li jidhru fi żmien sentejn mill-bejgħ tagħhom. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jinsistu li l-konsumaturi juru dawn id-difetti lill-bejjiegħ fi żmien xahrejn minn meta jiskopruhom.
  • Il-garanziji kummerċjali għandhom jgħidu x’inhuma d-drittijiet tal-garanziji legali tax-xerrej u jitfasslu b’lingwa sempliċi u li tinftiehem. Il-konsumaturi jistgħu jinsistu li ssir garanzija bil-miktub.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw prodotti użati rkantati mil-leġiżlazzjoni.
  • Id-direttiva ma tapplikax għall-ilma, għall-gass, għall-elettriku jew għal prodotti mibjugħa b’ordni ta’ eżekuzzjoni jew minn awtorità legali.

TERMINI EWLENIN

* Garanzija legali: il-protezzjoni legali li għandu konsumatur jekk jinstab li prodott huwa difettuż. Din ma tiddependix fuq il-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratt.

* Garanzija kummerċjali: ir-rieda tal-garanti (ta’ spiss il-produttur) li jassumi r-responsabbiltà personali għal ċerti difetti f’perjodu ta’ żmien partikolari.

Għal aktar informazzjoni, ara Il-bejgħ u l-garanziji fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 99/44/KE

7.7.1999

1.1.2002

ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12-16

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2011/83/UE

12.12.2011

13.12.2013

ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64-88

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1-11)

Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64-88)

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29-33)

L-aħħar aġġornament: 08/08/2018

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.