Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

L-ispiża tal-proċedimenti - Bulgarija

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Bulgaru ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Din il-paġna toffrilek informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-ġustizzja fil-Bulgarija.


L-ispiża tal-proċedimenti

Qafas regolatorju għat-tariffi tal-professjonijiet legali

Avukati

Skont l-Att Bulgaru dwar l-Avukatura (emendat l-aħħar SG 69/05.08.2008):

L-Artikolu 36 jiddikjara li:

  1. L-avukati għandhom id-dritt li jitħallsu ta' xogħolhom.
  2. L-ammont tar-rimunerazzjoni għandu jkun maqbul f'kuntratt bejn l-avukat u l-klijent tiegħu. L-ammont tal-kuntratt għandu jkun ġust u ġġustifikat, u ma jistax ikun aktar baxx minn dak previst għat-tip ta' xogħol li jitwettaq (Ordinanza tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura).
  3. Fin-nuqqas ta' kuntratt, fuq talba mill-avukat jew mill-klijent, il-Kunsill tal-Avukatura għandu jistabbilixxi r-rimunerazzjoni (Ordinanza tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura).
  4. Ir-rimunerazzjoni tista' tkun stabbilita f'termini assoluti u/jew bħala perċentwal ta' ammont li jista', skont l-eżitu tal-proċediment, jiġi aġġudikat mill-qorti. Din teskludi r-rimunerazzjoni f'każijiet kriminali u f'każijiet ċivili fejn ikun involut interess non-materjali.

L-Artikolu 38 jiddikjara li:

  1. L-avukati jistgħu jipprovdu assistenza legali u kooperazzjoni lil:
  • Individwi li jkunu intitolati għal manteniment
  • Persuni f'diffikultà finanzjarja
  • Ġenituri, ħbieb u avukati oħrajn
  1. F'tali każijiet, fejn il-kontro-parti fil-proċedimenti rispettivi tkun ikkundannata tħallas l-ispejjeż, l-avukat ikollu d-dritt għal rimunerazzjoni. Il-qorti għandha tistabbilixxi tali rimunerazzjoni f'ammont mhux anqas minn dak previst (fl-Ordinanza taħt l-Artikolu 36(3) u għandha tikkundanna lill-parti l-oħra biex tħallasha.

Ir-rimunerazzjoni (tariffa) hija rregolata skont l-Ordinanza Nru 1 tal-Kunsill Suprem tal-Avukatura mill-2004. It-tariffi minimi huma kif ġej:

  1. Tariffi għal konsulenza, informazzjoni, tħejjija ta' dokumenti u kuntratti:
  • Tariffi fissi - minn madwar Eur 10 sa Eur 300
  • Skont l-interess materjali tal-każ, tariffa fissa (minn madwar Eur 75 sa Eur 350) + perċentwal tal-interess materjali (minn 0.1 sa 1%)
  1. It-tariffi għal proċedimenti ċivili u amministrattivi f'istanza waħda:
  • Tariffi fissi (minn madwar Eur 50 sa Eur 250)
  • Skont l-interess materjali tal-każ, tariffa fissa (minn madwar Eur 50 sa Eur 325) + perċentwal tal-interess materjali (minn 2 sa 6%)
  1. Għal proċedimenti dwar l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti
  • nofs it-tariffi stabbiliti fit-taqsima 2.
  1. It-tariffi għal proċedimenti ta' sanzjonijiet kriminali u amministrattivi f'istanza waħda huma biss tariffi fissi:
  • Għall-fażi ta' qabel il-proċess, madwar Eur 150
  • Għall-fażi tal-proċess - minn madwar Eur 150 sa Eur 900, skont il-gravità tar-reat allegat
  • F'każijiet ta' sanzjonijiet amministrattivi, Eur 75
  1. Tariffi għal proċediment taħt liġijiet speċjali (protezzjoni tat-tfal, kodiċi tal-familja, vjolenza domestika, estradizzjoni u Mandat ta' Arrest Ewropew eċċ):
  • Tariffi fissi biss, minn madwar Eur 75 sa Eur 125

Marixxalli

Sa mill-2006, il-marixxalli fil-Bulgarija huma aġenti tal-infurzar privati u uffiċjali tal-istat. Tariffi statutorji japplikaw għalihom it-tnejn.

  1. It-tariffi tal-funzjonarji tal-istat huma regolati (fit-taqsima II rigward it-tariffa għall-miżati tal-istat miġbura mill-qrati taħt il-kodiċi tal-proċedura ċivili mill-2008).
  2. It-tariffi għall-aġenti tal-infurzar privati huma regolati (Artikolu 78 tal-Liġi dwar l-aġenti tal-infurzar privati u fit-tariffa għall-ispejjeż u l-infiq dwar l-infurzar, fil-liġi dwar l-aġenti tal-infurzar privati).

L-ispejjeż stabbiliti biż-żewġ tariffi huma l-istess.

Aġent ta' infurzar privat jitlob ħlas addizzjonali ta' 50 fil-mija tat-tariffa standard biex jinnotifika dokumenti f'jiem mhux tax-xogħol u btajjel, talli jibgħat taħrikiet bil-posta u talli jagħmel kopji tal-kwerela, in-notifika u d-dokumenti.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi fi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti ċivili

It-tariffi għall-proċedimenti ċivili huma previsti (fit-taqsima I rigward il-miżata għat-tariffi tal-istat miġbura mill-qrati taħt il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili mill-2008), kif ġej. It-tariffa għal:

  • Talba ċivili hija 4 fil-mija tal-ammont mitlub, iżda mhux anqas minn Eur 25
  • Talba għal dannu morali hija ta' mhux aktar minn Eur 40, iżda mhux anqas minn Eur 15
  • Każijiet ta' divorzju (inkluż dawk risolti bi qbil reċiproku) huma 2 fil-mija tat-total ta' tliet snin tas-sehem ta' kull parti (skont il-qbil għad-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali u l-manteniment)
  • Ordni ta' infurzar hija 2 fil-mija tal-interess materjali, iżda mhux anqas minn Eur 12.5
  • Għal każijiet ta' adozzjoni hija Eur 12.5
  • Għall-garanzija għall-proprjetà mitluba hija Eur 20
  • Għall-garanzija għall-provi hija Eur 10
  • Għal każijiet ta' insolvenza hija ta' Eur 25 għal kummerċjant ta' proprjetà privat, Eur 125 għal kumpannija kummerċjali

Stadju tal-proċediment ċivili li fih għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

It-tariffi jitħallsu qabel ma jibdew il-proċedimenti jew qabel ma jitwettqu l-azzjonijiet meħtieġa (Artikolu 76 tal-Kodiċi tal-proċedura Ċivili).

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti kriminali

Il-kopertura tal-ispejjeż u r-rimunerazzjoni fi proċedimenti kriminali hija regolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali:

Artikolu 187: Kopertura tal-ispejjeż

  1. Spejjeż għall-proċedimenti kriminali għandhom ikunu koperti minn ammont speċifikat fil-baġit tal-istituzzjoni rispettiva, ħlief f'każijiet speċifikati mil-liġi.
  2. F'każijiet kriminali li jirriżultaw mill-kwerela tal-vittma u mressqa quddiem il-qorti, il-kwerelant privat għandu jiddepożita l-ammont tal-ispejjeż bil-quddiem.  Jekk ma jkunux depożitati, il-kwerelant privat għandu jingħata terminu ta' sebat ijiem biex jiddepożitahom.
  3. F'każijiet li jirriżultaw mill-kwerela tal-vittma u mressqa quddiem il-qorti, l-ispejjeż għal talbiet evidenzjarji mressqa fil-qorti mill-kwerelat għandhom jiġu koperti bil-baġit tal-qorti.

L-ispejjeż fiss għal proċediment kriminali huma previsti (fit-Tariffa № 1 tal-liġi dwar it-tariffi tal-istat miġbura mill-qrati, l-uffiċċji tal-prosekuturi, is-serizzi ta' investigazzjoni u l-Ministeru tal-Ġustizzja, emendata l-aħħar fl-2005) kif ġej:

  • Għal kwereli li jirriżultaw fi proċedimenti kriminali ta' natura privata - Eur 6
  • Għal kwereli privati fi proċedimenti kriminali ta' natura privata - Eur 2.5
  • Għal talbiet għal riabilitazzjoni meta każ jibqa' miftuħ - Eur 3

Stadju tal-proċediment kriminali li fih għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

L-ispejjeż deskritti hawn fuq għandhom ikunu depożitati bil-quddiem mill-kwerelant privat (skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Jekk ma jkunux depożitati, huwa għandu jingħata terminu ta' sebat ijiem biex jiddepożitahom.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti kostituzzjonali

Fis-sistema legali Bulgara m'hemmx proċedimenti kostituzzjonali.

Informazzjoni minn qabel li għandha tingħata mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

L-Artikolu 40(3) tal-Att dwar l-Avukatura jipprevedi li "l-avukati għandhom ikunu obbligati jinfurmaw bi preċiżjoni lill-klijenti tagħhom bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom". [traduzzjoni mhix uffiċjali] Ma hemm ebda obbligu espliċitu li jipprovdu informazzjoni lill-klijenti tagħhom dwar spejjeż antiċipati matul il-proċedimenti legali. Madankollu l-kodiċi tal-etika tal-avukati jimplika tali obbligu.

Sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Bulgarija?

Persuna fiżika jew entità ġuridika li jkunu interessati jressqu każ quddiem qorti mhu ser ikunu jistgħu jsibu ebda informazzjoni pubblika li tispjega dan kemm ser jiswihom, peress li ma hemm ebda sit elettroniku uffiċjali jew mhux uffiċjali jew korp pubbliku li jipprovdi tali informazzjoni sintetizzata. Għaldaqstant, il-klijenti jiddependu prinċipalment fuq l-avukati tagħhom biex jinfurmawhom dwar l-ispejjeż.

Madankollu, mis-siti elettroniċi pubbliċi li ġejjin, iċ-ċittadini jistgħu jsibu r-regolamenti legali dwar it-tariffi u l-ispejjeż tal-proċedimenti lokali u jistgħu jagħmlu l-kalkoli tagħhom.  Dawn huma: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaleġislazzjoni nazzjonali, is-sit tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Suprem tal-Avukatura, is-sit tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Ġudizzjarju Suprem u s-sit tas-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Nazzjonali għall-Għajnuna Legali. Dawn is-siti elettroniċi kollha attwalment huma disponibbli bil-Bulgaru biss.

F'liem lingwi nista' nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Bulgarija?

Is-siti elettroniċi kollha elenkati hawn fuq huma disponibbli biss bil-lingwa Bulgara.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Tali informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja Bulgaru.

Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu proċeduri differenti?

Fuq is-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Ġudizzjarju Suprem, inti tista' ssib ir-rapporti annwali u biennali tal-attivitajiet tal-qorti fil-livelli kollha. Hemm informazzjoni dwar l-għadd ta' każijiet finalizzati fl-aħħar 3 xhur, 6 xhur, sena, sentejn jew aktar. Id-dipartiment tal-istatistika tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem jipprovdi analiżi u informazzjoni dwar it-tul medju tal-proċedimenti tal-qorti f'każijiet ċivili, kriminali u amministrattivi.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar in-nefqa kumulattiva medja għal proċediment partikolari?

Tali informazzjoni pubblika uffiċjali mhix disponsibbli.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif tingħata din l-informazzjoni? X'inhuma r-rati applikabbli?

Il-VAT hija inkluża fl-ispejjeż (skont it-tariffi u r-regolamenti ta' hawn fuq).

Għajnuna legali

Limitu ta' dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

Skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali, il-kondizzjonijiet kemm għall-każijiet ċivili kif ukoll kriminali huma l-istess (ara hawn taħt):

L-Artikolu 22:

  • L-għajnuna legali (skont il-Punti 1 u 2 tal-Artikolu 21) tingħata lil nies li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-assistenza soċjali ta' kull xahar (skont il-proċedura stabbilita fir-Regolamenti għall-Applikazzjoni tal-Att dwar l-Assistenza Soċjali), u għan-nies li jkunu tqiegħdu f'istituzzjonijiet speċjalizzati fejn jingħataw servizzi soċjali. [traduzzjoni mhix uffiċjali]
  • L-għajnuna legali (skont il-Punti 1 u 2 tal-Artikolu 21) għandha tingħata lil familja għall-fostering jew lil ħbieb u qraba li magħhom jitqiegħed it-tifel (skont il-proċeduri stabbiliti fl-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal) [traduzzjoni mhix uffiċjali]
  • Id-deċiżjoni dwar it-tqegħid ta' tifel għandha tkun iċċertifikata mid-direttur tad-Direttorat tal-Assistenza Soċjali, jew b'sentenza tal-qorti, skont il-każ. Kwalunkwe persuna li ma tkunx talbet il-benefiċċju soċjali ta' kull xahar li tkun intitolata għalih (skont il-proċedura stabbilita bir-Regolamenti għall-Applikazzjoni tal-Att dwar l-Assistenza Soċjali) għandha tippreżenta lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Għajnuna Legali (NLAO) ċertifikat maħruġ mid-Direttur tad-Direttorat tal-Assistenza Soċjali, li jirrikonoxxi li l-persuna kkonċernata tissodisfa r-rekwiżiti ta' eliġibbiltà għall-benefiċċji ta' assistenza soċjali ta' kull xahar. [traduzzjoni mhix uffiċjali]

F'każijiet ċivili u amministrattivi, hemm rekwiżiti addizzjonali.

L-Artikolu 23:

  1. F'materji ċivili u amministrattivi, l-għajnuna legali tingħata fejn - abbażi ta' evidenza ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti - il-qorti tiddetermina li l-parti ma tkunx tista tħallas għall-assistenza ta' avukat. Biex tiddetermina dan, il-qorti ser tikkunsidra:
  • Id-dħul tal-persuna jew tal-familja
  • L-istatus tal-proprjetà, kif iċċertifikat b'dikjarazzjoni
  • Is-sitwazzjoni familjari
  • L-istatus tas-saħħa
  • L-istatus tal-impjieg
  • L-età
  • Ċirkostanzi oħrajn aċċertati.

Limitu ta' dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-kwerelati

Flimkien mal-kriterji stabbiliti għal każijiet kriminali (Artikolu 22 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali, deskritt hawn fuq) japplikaw il-kriterji li ġejjin:

Artikolu 23:

  1. Is-sistema ta' għajnuna legali (imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 21) tkopri każijiet li fihom difiża jew rappreżentanza legali huma obbligatorji.
  2. Barra minn hekk, is-sistema tal-għajnuna legali għandha tkopri każijiet fejn suspettat, akkużat, persuna inkriminata, kwerelat jew parti f'każ kriminali, ċivili jew amministrattiv ma tistax tħallas biex tkun assistita minn avukat, tixtieq jkollha din l-assistenza, u l-interessi tal-ġustizzja jitolbu dan.
  3. F'materji kriminali, tali valutazzjoni tista' titwettaq mill-awtorità rilevanti abbażi tal-istatus tal-proprjetà tal-persuna/kwerelat li ma jistax iħallas għas-servizzi ta' avukat.

Limitu ta' dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi

Il-limitu applikabbli huwa l-istess kif inhu għal partijiet oħra fi proċedimenti kriminali (ara hawn fuq).

Kondizzjonijiet oħra marbutin mal-għoti tal-għajnuna legali għall-vittmi

M'hemm l-ebda kondizzjoni speċifika fil-liġi li tapplika għall-vittmi tal-kriminalità. Ir-regoli ġenerali għall-għajnuna legali f'każijiet kriminali huma applikabbli (Artikoli 22 u 23 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali).

Kondizzjonijiet oħra marbutin mal-għoti tal-għajnuna legali għall-kwerelati

M'hemm l-ebda kondizzjoni speċifika fil-liġi li tapplika għall-kwerelati. Ir-regoli ġenerali għall-għajnuna legali f'każijiet kriminali huma applikabbli (Artikoli 22 u 23 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali).

Proċedimenti tal-qorti mingħajr ħlas

Artikolu 83:Eżenzjoni minn tariffi u spejjeż

  1. It-tariffi u l-ispejjeż għat-trattament ta' kawżi legali m'għandhomx jiġu depożitati:
  • Minn dawk li jagħmlu t-talba - ħaddiema, impjegati u membri ta' talbiet kollettivi, li joriġinaw minn relazzjonijiet legali ta' xogħol
  • Fil-każ ta' min jagħmel it-talba f'talbiet għall-manteniment
  • Għal talbiet ippreżentati minn prosekutur
  • Minn dawk li jagħmlu t-talba - għal talbiet għal danni li jirriżultaw minn delitt minn reat, li dwaru jeżisti verdett li jkun daħal fis-seħħ
  • Minn rappreżentanti speċjali maħtura ta' parti li l-indirizz tagħha mhuwiex magħruf
  1. It-tariffi u l-ispejjeż għal proċedimenti ma jistgħux jiġu destitwiti minn persuni fiżiċi, fejn il-qorti tirrikonoxxi li m'għandhomx riżorsi biżżejjed biex iħallsuhom. Mal-applikazzjoni għal eżenzjoni, il-qorti ser tikkunsidra:
  • Id-dħul tal-persuna u l-familja tal-persuna
  • L-istat tal-proprjetà, kif iċċertifikat b'dikjarazzjoni
  • L-istat tal-familja
  • L-istat tas-saħħa
  • L-istat tal-impjieg
  • L-età
  • Ċirkostanzi oħra rilevanti
  1. Fil-każijiet skont il-paragrafu 1 u 2, l-ispejjeż għall-proċedimenti għandhom jitħallsu mill-ammont previst fil-baġit tal-qorti.

Artikolu 84: Eżenzjoni f'każijiet pekuljari

Dawk eżentanti mill-ħlas ta' tariffa statali, iżda mhux mill-ispejjeż tal-qorti huma:

  1. L-Istat u l-istituzzjonijiet tal-Istat, minbarra f'każijiet ta' proprjetà statali privata u f'talbiet għal oġġetti riċevuti u drittijiet statali (emenda – SG 50/08, fis-seħħ mill-01.03.2008; emendata bid-deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali, każ Nru 3 tal-2008 - SG 63/08)
  2. Is-Salib l-Aħmar tal-Bulgarija
  3. Il-muniċipalitajiet, bl-eċċezzjoni ta' talbiet għal oġġetti riċevuti muniċipali privati u drittijiet ta' proprjetà - sjieda muniċipali privata

Il-parti li titlef il-kawża meta għandha tħallas l-ispejjeż tal-parti rebbieħa?

Każijiet Ċivili

Artikolu 78: Aġġudikazzjoni tal-ispejjeż

  1. It-tariffi mħallsa minn dak li jagħmel it-talba (inklużi l-ispejjeż għall-proċedimenti u r-rimunerazzjoni għal avukat wieħed (jekk il-parti kellha wieħed għandhom jitħallsu mill-konvenut fi proporzjon għall-ammont aġġudikat tat-talba.
  2. Jekk il-konvenut ma ta l-ebda raġuni għall-kawża, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġudikati lil min jagħmel it-talba.
  3. Il-konvenut għandu wkoll id-dritt li jitlob l-ispejjeż li tħallsu fi proporzjon mal-parti miċħuda tat-talba.
  4. Il-konvenut huwa intitolat ukoll għal spejjeż jekk il-kawża tiġi terminata.
  5. Jekk it-talba mħallsa mill-parti għar-rimunerazzjoni ta' avukat hija eċċessivament għolja, fir-rigward tad-diffikultà reali legali u fattwali tal-każ, il-qorti tista', fuq talba tal-parti opposta, taġġudika ammont iżgħar, iżda mhux anqas mill-ammont minimu (skont l-Artikolu 36 tal-liġi tal-avukati).
  6. Fejn il-każ jiġi deċiż favur persuna li hija eżenti mit-tariffi tal-istati jew l-ispejjeż għall-proċedimenti, il-persuna mħarrka għandha tħallas it-tariffi u l-ispejjeż dovuti kollha.  L-ammonti rispettivi għandhom jiġu aġġudikati lill-qorti.
  7. Jekk it-talba ta' persuna li użat għajnuna legali hija rikonoxxuta, ir-rimunerazzjoni mħallsa tal-avukat tiġi aġġudikata lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Għajnuna Legali, fi proporzjon għall-parti rikonoxxuta tat-talba. F'każijiet ta' deċiżjonijiet li joriġinaw minn taħrikiet, il-persuna li użat l-għajnuna legali għandha tħallas l-ispejjeż fi proporzjon tal-parti miċħuda tat-talba.
  8. Ir-rimunerazzjoni tal-avukat tiġi wkoll aġġudikata favur persuni ġuridiċi u imprendituri uniċi, jekk jkunu ngħataw difiża minn impjegat – konsulent legali.
  9. Jekk il-każ jiġi finalizzat bi qbil, nofs it-tariffa ddepożitata tal-istat għandha titħallas lura lil min jagħmel it-talba. L-ispejjeż tal-proċedimenti u l-qbil jibqgħu, sakemm ma jsirx qbil mod ieħor.
  10. Persuna terza li tassisti* mhux ser tiġi aġġudikata spejjeż, iżda għandha tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti mwettqa minnu jew minnha.
  11. Fejn prosekutur jipparteċipa fil-kawża, l-ispejjeż dovuti għandhom jiġu aġġudikati lill-istat, jew jitħallsu mill-istat.

*Persuna terza li tassisti hija parti separata fil-proċedimenti ċivili bi drittijiet u obbligi speċifiċi rregolati fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Każijiet Kriminali

Kodiċi tal-Proċedura Kriminali - Spejjeż u rimunerazzjonijiet

Artikolu 187: Spejjeż koprenti

  1. Spejjeż għall-proċedimenti kriminali għandhom jiġu koperti minn ammonti speċifikati fil-baġit tal-istituzzjoni rispettiva, ħlief f'każijiet speċifikati mil-liġi.
  2. F'każijiet ta' reati bbażati fuq il-kwerela tal-vittma u mressqa quddiem il-qorti, l-ispejjeż għandhom jiġu depożitati bil-quddiem mill-kwerelat privat. Jekk ma jkunux depożitati, il-kwerelat privat għandu jingħata terminu ta' sebat ijiem biex jiddepożitahom.
  3. F'każijiet ibbażati fuq il-kwerela tal-vittma u mressqa quddiem il-qorti, l-ispejjeż għal talbiet evidenzjaraji mressqa fil-qorti mill-kwerelat għandhom jiġu koperti bil-baġit tal-qorti.

Artikolu 188: Determinazzjoni tal-ispejjeż

  1. L-ammont tal-ispejjeż għandu jiġi determinat mill-qorti jew il-korp tal-proċedimenti ta' qabel is-smigħ.
  2. Ir-rimunerazzjoni tax-xhieda - ħaddiema jew impjegati - għandha tiġi determinata mill-qorti.

Artikolu 189: Deċiżjoni dwar spejjeż

  1. Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ispejjeż magħmula meta tagħti s-sentenza.
  2. L-ispejjez għat-traduzzjoni matul il-proċedimenti ta' qabel is-smigħ għandhom jiġu sostnuti mill-korp rispettiv; dawk magħmula matul il-proċedimenti tal-qorti ser jaqgħu fuq il-qorti.
  3. Fil-każ li l-parti akkużata tinstab ħatja, il-qorti tikkundannah/tikkundannaha biex tħallas l-ispejjeż tal-kawża, inkluż it-tariffi tal-avukat u spejjeż oħra għall-avukat tad-difiża maħtur ex officio. Dawn ser jinkludu l-ispejjeż magħmula mill-prosekutur privat u l-parti privata li tagħmel it-talba, fejn din tal-aħħar tkun għamlet talba għan dan il-għan. Fil-preżenza ta' diversi persuni kkundannati, il-qorti ser tapporzjona l-ispejjeż pagabbli minn kull waħda minnhom.
  4. Fejn il-parti akkużata ma tinstabx ħatja għal xi kapijiet ta' akkuża, il-qorti tikundanna lill-akkużat biex iħallas biss l-ispejjeż sostnuti f'konnessjoni mal-kap tal-akkuża li għalih huwa/hija instab ħati.

Artikolu 190: Aġġudikazzjoni tal-ispejjeż

  1. Fejn l-akkużat jinħeles jew il-proċedimenti kriminali jiġu terminati, l-ispejjeż kollha f'każijiet miftuħa għall-pubbliku jibqgħu jaqgħu fuq l-istat, u rikors mressaq fuq talba tal-vittma jkun għall-parti privata li tagħmel it-talba.
  2. Għandu jinħareġ mandat ta' eżekuzzjoni għall-ispejjeż aġġudikati mill-Qorti ta' Prim' Istanza.

Tariffi tal-esperti

Teżisti regola ġenerali għat-tariffi tal-esperti fi proċedimenti ċivili fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili:

Artikolu 75: Determinazzjoni tal-ispejjeż

”….ir-rimunerazzjoni tal-esperti għandha tiġi determinata mill-qorti, b'kont meħud tal-ħidma u l-ispejjeż magħmula."

L-Ordinanza Nru 1 tal-2008 għar-reġistrazzjoni, il-kwalifika u r-rimunerazzjoni ta' esperti inħarġet mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u tapplika għall-każijiet ċivili, kriminali u amministrattivi. L-Artikolu 29 jistipula li t-tariffi tal-esperti għandhom jiġu determinati mill-awtoritajiet li jassenjaw il-kompetenzi f'konformità ma':

  1. Il-kompliċità tal-kompitu
  2. Il-kompetenza u l-kwalifika tal-espert
  3. Id-durata tal-issodisfar tal-kompitu
  4. Il-kwantità tal-ħidma magħmula
  5. L-Ispejjeż neċessarji, bħall-materjali użati, l-oġġetti ta' konsum, l-għodod, it-tagħmir, eċċ
  6. Il-kondizzjonijiet oħra li jinfluwenzaw il-ħidma magħmula - bħall-iskadenzi tal-laqgħat, ħidma addizzjonali wara l-ħin tax-xogħol u l-btajjel nazzjonali, eċċ

Tariffi ta' tradutturi u interpreti

Każijiet Ċivili

Ir-regoli dwar l-esperti japplikaw ukoll għat-tradutturi - ara hawn fuq.

Każijiet Kriminali

Kodiċi tal-Proċedura Kriminali: Artikolu 189(2)

L-ispejjeż ta' traduzzjoni matul il-proċedimenti ta' qabel il-proċess jkunu għall-korp rispettiv, u dawk matul il-proċedimenti tal-qorti jkunu għall-qorti.

Dokumenti relatati

Rapport tal-Bulgarija dwar l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-ispejjeżPDF(566 Kb)en


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/12/2018