Spejjeż

Iċ-Ċekja

F’din il-paġna għandek issib informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti fir-Repubblika Ċeka.

Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja

Id-dritt tal-familja – Id-divorzju

Id-dritt tal-familja – il-kustodja tat-tfal u l-manteniment

Id-dritt kummerċjali – il-kuntratti

Id-dritt kummerċjali – ir-responsabbiltà

Il-qafas regolatorju li jirregola l-onorarji tal-professjonijiet legali

L-avukati

Hemm tip wieħed biss ta’ avukat fir-Repubblika Ċeka – l-avukati (advokáti). M’hemmx professjonijiet legali separati analogi għal avukati bħal “barristers” u “solicitors” fir-Renju Unit.

Id-Digriet tal-Ministeru tal-Ġustizzja Nru 177/1996 tal-4 ta’ Ġunju 1996 jittratta l-onorarji u l-kumpens li jitħallsu lill-avukati għall-għoti ta’ servizzi legali (l-onorarji tal-avukati). It-traduzzjoni bl-Ingliż hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kamra tal-Avukati Ċeka.

L-onorarji tal-avukat jistgħu jiġu miftiehma wkoll b’mod privat bejn il-partijiet involuti.

Ir-rappreżentanza legali mhijiex obbligatorja f’ħafna mill-kawżi ċivili (inklużi kawżi tal-familja u kawżi kummerċjali).

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fil-proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-proċedimenti ċivili

L-Att Nru 549/1991 dwar it-tariffi tal-qorti (ma hemmx disponibbli traduzzjoni bl-Ingliż) jirregola t-tariffi mħallsa fi proċedimenti ċivili. It-tariffi jvarjaw skont it-tip ta’ proċedimenti. F’ċerti każijiet jitħallsu tariffi fissi; f’każijiet oħrajn l-ammont tat-tariffa jiġi ddeterminat fuq bażi ta’ perċentwal.

Fil-każijiet kollha, l-ispejjeż iridu jitħallsu bil-munita Ċeka (CZK) u jistgħu jintbagħtu bi trasferiment bankarju fil-kont tal-Istat (jew tal-qorti). Spejjeż sa CZK 5 000 jistgħu jitħallsu permezz tal-bolol speċjali tal-gvern (státní kolek), li jistgħu jinxtraw mill-uffiċċji postali u minn ċerti postijiet oħra.

Il-qorti hija obbligata tinforma lill-persuna li tippreżenta rikors dwar l-ammont speċifiku tat-tariffa tal-qorti.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili li fih il-partijiet fil-kawża jkollhom iħallsu l-ispejjeż fissi

Tariffa tal-qorti għandha titħallas meta min għandu jħallas isir obbligat li jħallasha (eż., meta jiġi ppreżentat rikors). Jekk min għandu jħallas jonqos milli jħallas tariffa għall-proċedimenti, il-qorti titlob li din titħallas fit-terminu perentorju li hija tippreskrivi għal dak l-iskop. Jekk dan it-terminu perentorju jiskadi u min għandu jħallas ma jkunx ħallas it-tariffa, il-qorti twaqqaf il-proċedimenti.

Spejjeż fissi fil-proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-proċedimenti kriminali

Il-proċedimenti kriminali dejjem jinbdew ex officio (abbażi tad-dover uffiċjali tal-prosekutur) u l-imputat iħallas biss l-ispejjeż tar-rappreżentanza legali (jekk ma jingħatax difiża bla ħlas jew difiża bi prezz imnaqqas). Madankollu, jekk l-imputat jinstab ħati b’effett finali, huwa jkun meħtieġ jikkumpensa lill-istat għall-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali fl-ammont stabbilit mil-liġi.

L-istadju tal-proċedimenti kriminali li fih il-partijiet fil-kawża jkollhom iħallsu l-ispejjeż fissi

Ma jiġux imposti tariffi tal-qorti fil-proċedimenti kriminali.

Spejjeż fissi fi proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali

Ma jiġux stabbiliti tariffi fissi tal-qorti għal ilmenti mressqa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka (Ústavní soud České republiky), iżda l-partijiet fil-kawża jkunu meħtieġa li jiġu rrappreżentati minn avukat.

L-istadju tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li fih il-partijiet fil-kawża jkollhom iħallsu l-ispejjeż fissi

Ma hemmx spejjeż fissi tal-qorti.

Informazzjoni li trid tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Ir-rappreżentanti legali tal-partijiet ma humiex meħtieġa jipprovdu xi informazzjoni minn qabel.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet jistgħu jiġu miftiehma bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

Bażi legali għall-ispejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-bażi legali tal-ispejjeż mitluba fir-Repubblika Ċeka?

Huwa rakkomandat li tikkonsulta ma’ avukat f’kull każ individwali. Ladarba jibdew il-proċedimenti, il-qorti tkun meħtieġa tiżvela lill-partijiet l-ammont tal-ispejjeż dovuti lill-qorti.

B’liema lingwa nista’ nsib informazzjoni dwar il-bażi legali tal-ispejjeż mitluba fir-Repubblika Ċeka?

L-unika lingwa uffiċjali fir-Repubblika Ċeka hija ċ-Ċek. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda obbligu ġuridiku li tingħata informazzjoni b’lingwi oħrajn. Il-kwalità tal-informazzjoni għalhekk tiddependi fuq ir-rieda u l-għarfien tal-persuna li tkun qed tagħtiha.

Minn fejn nista’ insib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

L-informazzjoni dwar il-medjazzjoni tinsab fuq is-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Medjaturi tar-Repubblika Ċeka (Asociace mediátorů České republiky - AMČR).

L-informazzjoni dwar il-medjaturi reġistrati tista’ tinstab mis-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja u/jew direttament billi tfittex il-bażi tad-data tal-Lista ta’ medjaturi (Seznam mediátorů).

Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit web disponibbli dwar informazzjoni dwar l-ispejjeż

M’hemm l-ebda sit web uffiċjali li jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż.

Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħdu proċedimenti differenti?

Is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja jinkludi statistika dwar l-attivitajiet tal-qrati u tal-uffiċċji tal-prosekutur.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż medji aggregati ta’ proċedimenti individwali?

L-ispejjeż li jridu jitħallsu jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali. L-ispejjeż medji aggregati tal-proċedimenti tal-qorti ma humiex disponibbli.

VAT

Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni?

L-ispejjeż tal-qorti huma eżenti mill-VAT u l-ammont tagħhom huwa finali. L-onorarji tal-avukat huma ma jinkludux il-VAT. Ċerti ditti ta’ avukati jħallsu l-VAT u fil-fatt jitolbu l-VAT (bir-rata ta’ 21%). Il-VAT u l-mod li bih tinġabar din it-taxxa huma rregolati bl-Att Nru 235/2004 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud.

Liema rati japplikaw?

Ir-rata standard hija ta’ 21%, ir-rata mnaqqsa hija ta’ 15%.

Għajnuna legali

Il-limiti massimi tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-proċedimenti ċivili

Ma japplika ebda limitu massimu speċifiku tad-dħul. Il-kriterji biex wieħed jikkwalifika għall-għoti ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas mhux biss jinkludu d-dħul tal-persuna, iżda wkoll is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew tal-unità domestika tiegħu. Meta l-protezzjoni tal-interessi ta’ parti tkun teħtieġ hekk (jiġifieri, speċjalment fi proċedimenti kkumplikati sostantivament jew mil-lat proċedurali) jew meta l-partijiet ikunu meħtieġa jkunu rappreżentati minn avukat fit-tip partikolari ta’ proċedimenti u, fl-istess ħin, iċ-ċirkustanzi tal-parti jiġġustifikaw tali proċedura, il-qorti taħtar avukat għall-parti. Il-qorti mbagħad tneħħi l-obbligu tal-parti li tirrimborża lill-avukat, kif ukoll li tħallas it-tariffi tal-qorti.

L-għajnuna legali mingħajr ħlas tiġi pprovduta wkoll mill-Kamra tal-Avukati Ċeka (Česká advokátní komora) u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi speċjalizzati (skont is-suġġett tal-proċedimenti).

Limiti massimi tad-dħul applikabbli għal persuni akkużati fi proċedimenti kriminali

Ma japplika ebda limitu massimu speċifiku tad-dħul. Il-qorti taħtar avukat difensur għall-akkużat fil-każijiet kollha fejn ir-rappreżentanza legali tkun obbligatorja u l-akkużat ma jkollux avukat.

Jekk il-persuna akkużata tiddokumenta li ma tiflaħx tħallas l-ispejjeż tad-difiża, il-qorti tiddeċiedi li dik il-persuna tkun intitolata għal difiża legali mingħajr ħlas jew difiża b’rata mnaqqsa.

Limiti massimi tad-dħul applikabbli għall-vittmi (il-partijiet aggravati) fi proċedimenti kriminali

Il-partijiet aggravati taħt it-18-il sena huma intitolati li jkunu rappreżentati minn avukat mingħajr ħlas fi proċedimenti kriminali sakemm il-proċedimenti ma jikkonċernawx ir-reat ta’ negliġenza tad-dmir tal-manteniment u tal-appoġġ (zanedbání povinné výživy).

Il-partijiet aggravati li jaqgħu f’waħda mill-kategoriji li ġejjin huma wkoll intitolati għal rappreżentanza legali mingħajr ħlas minn avukat:

  1. vittmi partikolarment vulnerabbli skont l-Att Nru 45/2013 dwar il-vittmi ta’ reati u dwar l-emenda ta’ ċerti liġijiet (l-Att dwar il-Vittmi tar-Reati);
  2. persuni li jkunu sofrew ġrieħi gravi minħabba reat kriminali intenzjonat;
  3. is-superstiti ta’ vittma li mietet minħabba reat kriminali;

persuni li jistgħu juru li ma jifilħux iħallsu l-ispejjeż tar-rappreżentanza legali. Dawn il-persuni huma intitolati li jagħżlu lill-avukat huma stess; jekk ma jagħmlux hekk, il-korp tal-infurzar tal-liġi rilevanti jaħtar avukat għalihom.

Meta l-parti aggravata tkun ukoll vittma partikolarment vulnerabbli, hija tirċievi wkoll għajnuna legali limitata skont l-Att dwar il-Vittmi tar-Reati. Din il-forma ta’ għajnuna legali tingħata minn avukati li b’mod volontarju jipprovdu ċertu ammont ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas lil vittmi bħal dawn u huma reġistrati f’reġistru speċjali miżmum mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Kundizzjonijiet oħra marbuta mal-għoti ta’ għajnuna legali lill-vittmi

Organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta’ qligħ li jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti u jkunu kisbu akkreditazzjoni mingħand il-Ministeru għall-Ġustizzja, kif ukoll mis-Servizz tal-Probation u tal-Medjazzjoni (Probační a mediační služba), jistgħu jipprovdu informazzjoni legali lill-vittmi ta’ reati (speċjalment informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont l-Att dwar il-Vittmi tar-Reati u d-drittijiet tal-partijiet aggravati fi proċedimenti kriminali). Madankollu, din l-informazzjoni legali ma tikkostitwix direttament għajnuna legali.

Kundizzjonijiet oħra marbuta mal-għoti ta’ għajnuna legali lill-akkużati

L-istess informazzjoni indikata iktar ’il fuq dwar il-limiti massimi tad-dħul fir-rigward tal-għajnuna legali għall-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali tapplika f’dan ir-rigward.

Proċedimenti tal-qorti eżenti mit-tariffi

Ilmenti mressqa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ma humiex soġġetti għal xi tariffi tal-qorti. Bl-istess mod, l-ispejjeż tal-qorti ma humiex mitluba f’xi tipi ta’ proċedimenti (speċifikati fl-§Artikolu 11 tal-Att Nru 549/1991 dwar it-tariffi tal-qorti), pereżempju f’kawżi fejn l-attur ikun minorenni u f’xi każijiet oħrajn (eż. f’kawżi fejn l-istat jew il-korpi tiegħu jkunu waħda mill-partijiet għall-proċedimenti, fejn il-kawża tikkonċerna talba għall-ażil imressqa minn ċittadin barrani, u f’kawżi fejn parti fil-proċedimenti tkun “persuna f’pożizzjoni iktar dgħajfa”).

Meta għandha l-parti telliefa tħallas l-ispejjeż tal-parti rebbieħa?

Dan jiddependi, f’kull każ speċifiku, fuq id-diskrezzjoni tal-imħallef (kif deskritt fid-deċiżjoni finali tal-imħallef); il-qorti tista’ tordna lill-parti telliefa tħallas l-ispejjeż kollha jew parti minnhom. Dan, madankollu, ma japplikax għall-proċedimenti tad-divorzju. Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż spiss tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż tar-rappreżentanza legali.

It-tariffi u l-ispejjeż tal-esperti

Il-qorti tħallas tariffa lill-esperti li hija taħtar. Il-partijiet f’tilwima jkunu meħtieġa jħallsu l-ispejjeż tat-tariffi tal-esperti biss f’każijiet meta huma stess jitolbu s-servizzi tal-espert. F’ċerti każijiet speċjali, il-qorti tista’ tordna lill-parti telliefa tħallas it-tariffi tal-espert.

It-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti

Il-qorti hija meħtieġa tħallas it-tariffi mitluba mit-tradutturi u mill-interpreti; meta parti tkun ċittadin barrani li ma tifhimx iċ-Ċek, tista’ tindirizza lill-qorti bil-lingwa nattiva tagħha.

Annessi relatati

Rapport tar-Repubblika Ċeka dwar l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż  PDF (703 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 28/02/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.