L-ispiża tal-proċedimenti - Ungerija
Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji fl-Ungerija.
Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali
-
Bailiffs
L-ammont tad-dritt tal-bailiff jiddependI fuq l-għan tal-ordni tal-infurzar (végrehajtható okirat) maħruġa (jekk hijiex biex jinġabar dejn jew biex tiġi infurzata azzjoni speċifika). Jekk l-infurzar jinvolvi l-ġbir ta’ dejn (pénzkövetelés behajtása), id-dritt tal-bailiff huwa proporzjonat għall-ammont tad-dejn li għandu jinġabar. Jekk l-infurzar jinvolvi pretensjoni akbar, il-bailiff jitħallas dritt ogħla. Jekk id-dmir jinvolvi l-infurzar ta’ azzjoni speċifika (meghatározott cselekmény végrehajtása), id-dritt jiddependi fuq kemm iddum dik l-azzjoni.
-
Avukati (ügyvéd)
Il-kelma Ungeriża ‘ügyvéd’ tkopri lil avukati, solicitors, avukati li jaħdmu l-qorti u barristers. Bħala regola ġenerali, id-dritt ta’ rappreżentanti legali huwa stabbilit permezz ta’ ftehim bejn il-parti u r-rappreżentanti legali. Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim, id-dritt jiġi deċiż mill-qorti fuq il-bażi provduta mil-liġi (5 fil-mija tal-ammont mitlub u għall-inqas 10,000 HUF). Il-partijiet jistgħu jitolbu lill-imħallef japplika d-dritt stipulat mil-liġi jekk ma jridux li l-ftehim isir pubbliku.
Spejjeż fissi
Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili
Fil-każijiet fl-ewwel istanza, id-dritt (illeték) għall-proċedimenti tal-qorti huwa 6 fil-mija tal-valur tat-talba (bejn minimu ta’ 10, 000 HUF u massimu ta’ 900,000 HUF). Jekk il-valur tat-talba ma jistax jiġi ddeterminat, il-liġi tistipula li għandu jitħallas ammont fittizju ta’ 6%.
L-ispejjeż/doveri tal-qorti huma ddeterminati dejjem mil-liġi, kif ukoll f’dawn il-każijiet li ġejjin:
- Proċeduri ta' divorzju (házassági bontóper): 12,000 HUF
- Proċeduri tal-Qorti tax-Xogħol(munkaügyi per): 7,000 HUF
- Proċeduri amministrattivi, ħlief għal każijiet ta' kompetizzjoni u taxxi (közigazgatási határozat bírósági felülvizsgálata iránti eljárás): 20,000 HUF
- Proċedimenti amministrattivi extraġudizzjarji (közigazgatási nemperes eljárás): 7500 HUF
- Spejjeż ta' prokura ġenerali (általános meghatalmazás): 18,000 HUF
- Proċedimenti ta’ insolvenza: likwidazzjoni/stralċ 50,000 HUF; falliment 30,000 HUF
- Fil-każijiet li jinvolvu assoċjazzjonijiet kummerċjali mingħajr l-istatus ta’ persuni legali: (jogi személyiséggel nem rendelkező gazdálkodó szervezet): likwidazzjoni/stralċ 25,000 HUF, falliment 20,000 HUF
- Arbitraġġ: 1 fil-mija (minimu ta’ 5000 HUF u massmimu ta’ 250,000 HUF). Jekk il-valur tat-talba ma jistax jiġi kkalkulat, id-dritt huwa ta’ 10 000 HUF
- Ordnijiet għall-ħlas (fizetési meghagyás): 3 fil-mija (minimu ta’ 5000 HUF u massimu ta’ 300,000 HUF).
- Appell: 6 fil-mija (minimu ta’ 10,000 HUF u massimu ta’ 900,000 HUF)
- Ir-ritrattazzjoni ta’ proċedura: (perújítás): id-drittijiet għandhom jitħallsu mill-ġdid.
- Talba għal stħarriġ (felülvizsgálati kérelem): 6 fil-mija fil-każ ta’ deċiżjonijiet (minimu ta’ 10,000 HUF, massimu ta’ 2,500,000 HUF); fil-każ ta’ ordnijiet (végzés), nofs id-drittijiet pagabbli għad-deċiżjonijiet (minimu ta’ 7000 HUF, massimu ta’ 1,250,000 HUF).
L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet
L-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż tal-qorti fil-proċedimenti ċivili jibda meta ssir it-talba għall-kawża. Għalhekk l-ispejjeż tal-qorti għandhom jitħallsu flimkien mat-talba għall-kawża. Jekk il-parti ma tħallasx l-ispejjeż tal-qorti jew tħallas inqas minn dak li titlob il-liġi, il-qorti għandha titolbu jħallas / titlobha tħallas id-drittijiet tal-qorti li jifdal mal-preżentata tat-talba. Il-qorti għandha wkoll tgħarraf lill-parti li l-applikazzjoni tiġi miċħuda jekk l-ispejjeż tal-qorti ma jitħallsux kollha.
Il-ħlas tad-dritt tar-rappreżentanti legali huwa bi ftehim bejn il-parti u r-rappreżentanti legali. Id-dritt tal-bailiff għandu jitħallas fil-bidu tal-proċedura tal-infurzar.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali
Fil-każ ta’ proċedimenti kondotti biss taħt prosekuzzjoni privata li jinvolvu azzjonijiet privati (magánvádas eljárás):
- Id-dritt għal proċedura ta’ kwerela (feljelentés) huwa ta’ 5000 HUF
- Id-dritt għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ 6000 HUF
- Id-dritt għall-preżentata ta’ talba għal stħarriġ jew ritrattazzjoni huwa ta’ 7000 HUF
Jekk tirriżulta talba ċivili (polgári jogi igény) mill-proċedimenti kriminali, l-uniċi drittijiet pagabbli huma għall-preżentata tal-applikazzjoni u għall-appell.
L-istadju tal-proċediment kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
L-ispejjeż fissi fi proċedimenti kriminali jridu jitħallsu flimkien mad-dritt tar-rikors.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali
Skont l-Artikolu 28 tal-Att XXXII tal-1989 (az 1989. évi XXXII. törvény 28. cikke), il-proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (Alkotmánybíróság) huma mingħajr ħlas.
Madankollu, rikorrent li ma jaġixxix in buona fede meta jissottometti talba jista’ jkollu jħallas l-ispejjeż.
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali
Drittijiet u obbligi tal-partijiet
Meta jipprattikaw il-professjoni tagħhom – bil-mezzi u fil-manjiera provduta mil-liġi – r-rappreżentanti legali jgħinu lill-klijenti tagħhom jasserixxu d-drittijiet tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom. Il-konsulenti legali (jogtanácsos) wkoll jgħinu biex jiġu asseriti d-drittijiet tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw.
Dan l-obbligu jkopri d-dmir li tiġi provduta l-informazzjoni neċessarja dwar id-drittijiet u l-obbligi, il-possibbiltajiet ta’ suċċess u l-ispejjeż prevedibbli tal-proċedimenti.
Sorsi tal-ispejjeż
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Ungerija?
Informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż hija disponibbli fis-sit elettroniku tan-Netwerk Ġudizzjarja Ewropea (EJN – European Justice Network)( (Európai Igazságügyi Hálózat):
-
EJN Ġustizzja Ċivili Għajnuna Legali (EIH Polgári igazságszolgáltatás - Jogsegély)
-
EJN Ġustizzja Ċivili - It-Tressiq ta' każ quddiem il-Qorti (EIH Polgári igazságszolgáltatás - Bírósághoz fordulás)
Is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Budapest fih ukoll informazzjoni dwar id-drittijiet tar-rappreżentanti legali.
B’liema ilsna nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Ungerija?
L-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew. Hawn tista’ ssib l-infornazzjoni rilevanti f’kull ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta’ Budapest fih informazzjoni dwar l-ispejjeż bl-Ungeriż biss.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
Informazzjoni dwar il-medjazzjoni hija disponibbli fis-siti elettroniċi li ġejjin:
-
EJN Ġustizzja Ċivili medjazzjoni (EIH Polgári igazságszolgáltatás - közvetítés)
-
Reġistru Ungeriż tal-Medjaturi (Közvetítők magyarországi adatbázisa)
-
Uffiċju Ċentrali tal-Ġustizzja tal-Ungerija (Központi Igazságügyi Hivatal)
Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?
Sit elettroniku disponibbli dwar informazzjoni dwar l-ispejjeż
Tista’ ssib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Budapest
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?
Informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-proċeduri tista’ tinsab fis-sit elettroniku tal-Qrati tar-Repubblika Ungeriża (Magyar Köztársaság Bíróságai).
Links rilevanti oħrajn huma:
-
L-istatistika dwar il-kawżi fil-qrati Ungeriżi (Statisztika a magyar bíróságok ügyeiről)
L-istatistika dwar il-kawżi pendenti f'Diċembru 2008 (Statisztika a folyamatban lévő ügyekről a 2008. decemberi állapot szerint).
L-informazzjoni dwar it-tabelli statistiċi hija disponibbli bl-Ungeriż biss.
Taxxa fuq il-Valur Miżjud (hozzáadottérték-adó)
Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni?
L-ispejjeż indikati hawn fuq għall-avukati huma spejjeż netti, u għalhekk jiżdied il-VAT (HÉA).
X’inhuma r-rati applikabbli?
Fl-Ungerija, ir-rata tal-VAT kienet ta’ 20 fil-mija sal-1 ta’ Lulju 2009, u wara din żdiedet għal 25 fil-mija.
Għajnuna Legali (költségmentesség)
Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja ċivili
Hemm żewġ limiti minimi:
- Is-somma netta tal-pensjoni minima tal-irtirar (issa 28,500 forint), taħt liema kull assistenza tal-għajnuna legali hija mingħajr ħlas.
- 43 fil-mija tad-dħul medju nazzjonali (is-somma issa hija ta’ 72,000 forint), li ‘l fuq minnu ma hija disponibbli ebda għajnuna.
Il-ħlasijiet tal-għajnuna legali jistgħu jsiru bil-quddiem.
Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati
Fi proċedimenti kriminali, il-persuna suspettata jew akkużata tista’ tirċievi rappreżentanza legali mingħajr ħlas jekk:
- Hu jew hi huma liberati minn ħlasijiet bbażati fuq il-kundizzjonijeit personali tiegħu jew tagħha – il-limitu tad-dħul għal dan għal persuni li jgħixu waħedhom huwa doppju tal-pensjoni minima netta tal-irtirar (issa 28,500 forint); fil-każ ta’ persuni li jgħixu f’dar waħda, il-pensjoni minima netta tal-irtirar għal kull persuna
- Fil-każ ta’ rappreżentanza legali obbligatorja, u jekk l-akkużat ma jaħtarx lill-avukat tad-difiża tiegħu. F'dan il-każ jekk jinstab ħati, għandu jirrimborsa lill-istat għall-għajnuna legali mogħtija.
Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi
Il-limitu għad-dħul huwa ta’ 86 fil-mija tad-dħul nazzjonali medju (madwar 130 000 forint). L-għajnuna legali għall-vittmi tinkludi r-rappreżentanza legali.
Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-vittmi
Minbarra l-limiti stabbiliti għad-dħul, il-vittma għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet oħra:
- Għandha tagħmel akkuża kontra uffiċjal pubbliku/ilment
- Għandha tikseb ċertifikat mill-awtorità responsabbli li tassisti lill-vittmi. Iċ-ċertifikat għandu jkun fih prova ta’ ċerti kundizzjonijiet (li tkun irrikorriet għand l-awtorità rilevanti fit-terminu ta’ żmien previst mil-liġi)
Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-akkużati
Ma hemm ebda kundizzjoni oħra biex tingħata l-għajnuna legali lill-akkużati.
Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż
Dawn li ġejjin huma eżenti minn spejjeż f'każijiet ċivili:
- proċedimenti jekk il-qorti ex officio tirrifjuta jew ikollha tirrifjuta l-petizzjoni minħajr il-ħruġ ta' ċitazzjoni;
- proċedimenti għal rimedju legali kontra sentenzi fil-każijiet ta' eżenzjoni minn ħlas ta' spejjeż u drittijiet ta' prereġistrazzjoni ta' spejjeż (meta l-Istat iħallas minn qabel l-ispejjeż minflok il-parti);
- f'kawżi ta' divorzju, kawża rikonvenzjonali mibdija fir-rigward ta' żwieġ;
- proċedimenti relatati mad-dikajrazzjoni ta' mewt u l-attestazzjoni tal-fatt tal-mewt, jekk l-għejbien jew mewt seħħu b'konsegwenza ta' ċirkostanza ta' gwerra jew diżastru naturali;
- proċedimenti għal reġistrazzjoni ta' fundazzjonijiet, fundazzjonijiet pubbliċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, korporazzjonijiet pubbliċi, Gruppi Ewropej ta' kooperazzjoni territorjali. Barra minn hekk, proċedimenti għar-reġistrazzjoni ta' organizzazzjonijiet, skemi ta' azzjonisti impjegati u għall-approvazzjoni ta' partiċipazzjoni fi grupp Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali;
- petizzjonijiet għal-likwidazzjoni/stralċ ta' kumpaniji falluti, inklużi l-petizzjonijiet ippreżentati fil-proċeduri ta' likwidazzjoni simplifikati bl-isem tal-kuratur indikat;
- petizzjonijiet għall-korrezzjoni u/jew integrazzjoni tad-deċiżjonijiet;
- proċedimenti relatati mal-listi elettorali;
- proċedimenti relatati mal-bidliet rappurtati hekk kif ġew reġistrati fir-reġistru tal-konsulenti legali;
- appelli kontra riżoluzzjonijiet li jippreskrivu trasferiment;
- stħarriġ ġudizzjarju ta' deċiżjonijeit amministrattivi li sar f'kawżi ta' kumpens;
- proċedimenti ta' transazzjonijiet fiskali ta' gvernijiet lokali;
- proċedimenti li bdew minn uffiċċjali ġudizzjarji (bailiffs) indipendenti b'konnessjoni ma' proċedimenti ġudizzjarji dwar l-infurzar, u l-proċedimenti li bdew għall-infurzar ta' deċiżjonijeit tal-qorti (transazzjoni ġudizzjarja) adottata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, Regolament (KE) Nru. 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati, u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000;
- proċedimenti li bdew fuq il-bażi ta' deċiżjoni favorevoli mill-Qorti Kostituzzjonali.
- kull kawża b'konnessjoni mal-protezzjoni tad-dejta personali u aċċess għall-informazzjoni ta' interess pubbliku.
- l-istħarriġ tal-qorti ta' deċiżjoni amministrattiva għall-awtorizzazzjoni ta' għajnuna legali.
- proċedimenti mhux ġudizzjarji għall-istħarriġ ta' riżoluzzjonijiet għal azzjoni ta' inġunzjoni preliminari jew ta' azzjoni temporanja ta' restrizzjoni jew mandat ta' inibizzjoni kawtelatorju mogħti skont leġiżlazzjoni speċifika oħra dwar vjolenza domestika.
- l-istħarriġ ġudizzjarju ta' deċiżjoni amministrattiva adottat dwar is-suġġett ta' għajnuna lill-vittmi ta' reati.
Dawn li ġejjin huma eżenti minn spejjeż fi proċedimenti kriminali:
- fi proċedimenti li saru biss fuq kwerela ta' parti privata, l-appell, petizzjoni għall-ftuħ mill-ġdid tal-kawża u mozzjoni għall-istħarriġ preżentata mill-konvenut u mid-difensur tiegħu;
- proċedimenti li saru biss fuq kwerela ta' parti privata, jekk il-qorti tarkivja l-każ qabel ma jibda s-smigħ personali, jew jekk il-każ jiġi arkivjat fuq miżura ta' ħniena;
- il-petizzjoni għal miżura ta' ħniena jew ta' dispensa ġudizzjarja jekk sottomessa mill-konvenut jew mid-difensur tiegħu.
- il-proċediment għall-awtorizzazzjoni ta' eżenzjoni personali mill-ħlasijiet.
- id-dispożizzjoni ta' darba ta' kopji ta' dokumenti lill-konvenut, l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali ta' minuri li kien ġie akkużat ta' delitt.
- kopja tar-rapport ta' akkuża fornit lill-akkużat.
Barra mill-eżenzjoni dwar is-suġġett, eżenzjoni minn ħlas personali tista' tingħata wkoll.
Eżenzjoni personali hi mogħtija fost oħrajn lil organizzazzjonijiet mhux tal-gvern, korporazzjonijiet pubbliċi, knejjes, assoċjazzjonijiet ta' knejjes, istituzzjonijiet reliġjużi, fundazzjonijiet, fundazzjonijiet pubbliċi, assoċjazzjonijiet kummerċjali li ma jagħmlux profitt mill-istatus ta' organizzazzjoni ta' benefiċċju pubbliku jew organizzazzjoni ta' benefiċċju pubbliku ta' prijorità, l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, il-Komunitajiet Ewropej, l-istituzzjonijiet u korpi tagħhom, aġenżiji u fondi separati.
Meta għandha l-parti li titlef tħallas lill-parti li tirbaħ?
Fid-deċiżjoni finali tagħha, il-qorti teħtieġ li l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż li tkun għamlet il-parti li tirbaħ fi żmien 30 jum. Il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż direttament lill-parti li tirbaħ u, jekk tonqos li tagħmel dan, jinbdew il-proċedimenti tal-infurzar.
Drittijiet tal-esperti
Bħala regola ġenerali, id-drittijiet tal-esperti jitħallsu mill-parti li titlef, u jekk (f’każijiet speċifiċi) l-istat huwa responsabbli li jħallas l-ispejjeż, iħallas ukoll id-drittijiet tal-esperti. Fejn l-ispejjeż jitħallsu minn qabel mill-istat, id-drittijiet tal-esperti huma inklużi ukoll.
Drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti
Bħala regola ġenerali, id-drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti jitħallsu mill-parti li titlef, u jekk (f’każijiet speċifiċi) l-istat huwa responsabbli li jħallas l-ispejjeż, iħallas ukoll id-drittijiet tal-esperti. Fejn l-ispejjeż jitħallsu minn qabel mill-istat dawn l-ispejjeż huma inklużi ukoll.
Links relatati
Paġna Ewlenija tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Budapest (A Budapesti Ügyvédi Kamara honlapja)
Dokumenti relatati
Ir-Rapport tal-Ungerija dwar l-Istudju fuq it-Trasparenza fl-ispejjeż(533 Kb)
(Magyarország jelentése a költségek átláthatóságáról szóló tanulmányról)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 11/06/2019