Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura tal-ħlas Ewropea

Iċ-Ċekja

Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja

Introduzzjoni

X’tariffi jridu jitħallsu?

X’inhu l-ammont?

X’inhuma l-konsegwenzi għal ħlas tard tat-tariffi?

Kif u fejn jitħallsu t-tariffi tal-qorti?

Xi jrid isir wara li jitħallsu t-tariffi?

Introduzzjoni

It-tariffi tal-qorti huma rregolati mill-Att Nru 549/1991 dwar it-tariffi tal-qorti. Lista tat-tariffi hija annessa mal-Att. It-tariffi jiġu allokati lill-baġit tal-Istat.

It-tariffi jitħallsu f’kont stabbilit għall-qorti ikkonċernata fil-Bank Nazzjonali Ċek. It-tariffi li ma jaqbżux il-CZK 5 000 jistgħu jitħallsu wkoll permezz ta’ bolol tat-taxxa.

X’tariffi jridu jitħallsu?

Fil-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea, it-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu skont ir-regolament ġenerali. Hawnhekk japplikaw l-istess regoli bħal fi proċeduri oħrajn tal-qorti ċivili.

X’inhu l-ammont?

Ir-rati tariffarji għall-proċeduri huma stabbiliti fil-forma ta’ ammont fiss jew perċentwali fil-każ ta’ tariffi meta l-bażi tkun espressa fil-forma ta’ ammont finanzjarju. Il-perċentwal tat-tariffa jiġi kkalkulat bħala l-prodott tal-bażi tariffarja u r-rata tariffarja. Ir-rati individwali jiġu stabbiliti fit-tariffa, li tifforma anness għall-Att Nru 549/1991 dwar it-tariffi tal-qorti.

Fit-termini tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, hija rilevanti r-regola fundamentali bbażata fuq il-kriterju tal-ħlas. Għal talba biex tinbeda proċedura ta’ qorti ċivili li tikkonċerna ħlas, it-tariffa tiġi stabbilita kif ġej:

  • Għal ammonti ta’ sa CZK 20 000 hemm tariffa fissa ta’ CZK 1 000.
  • Għal ammonti ogħla minn CZK 20 000 u li ma jaqbżux l-CZK 40 000 000, it-tariffa hija 5% tal-ammont.
  • Għal ammonti ogħla minn CZK 40 000 000, it-tariffa hija ta’ CZK 2 000 000 miżjuda b’1% tas-somma akbar minn CZK 40 000 000; ammonti ogħla minn CZK 250 000 000 ma jingħaddux.

X’inhuma l-konsegwenzi għal ħlas tard tat-tariffi?

L-obbligu li titħallas it-tariffa huwa dovut mal-ftuħ ta’ kawża jew, fil-każ ta’ appell, mal-preżentazzjoni ta’ appell, kif ukoll mal-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas minn qorti jew istituzzjoni oħra. It-tariffi jsiru dovuti ladarba jiġi impost l-obbligu ta’ ħlas.

Jekk it-tariffa ma titħallasx immedjatament mal-ftuħ tal-kawża jew mal-appell, il-qorti teħtieġ li r-rikorrent iħallas sa ċertu żmien stabbilit mill-qorti; jekk iż-żmien jgħaddi mingħajr ma titħallas it-tariffa, il-qorti tissospendi l-proċedura (ħlief fil-każ ta’ ċerti sitwazzjonijiet speċifikati fl-Att). Il-ħlas tat-tariffa wara l-iskadenza tat-terminu ma jitqiesx.

Jekk id-deċiżjoni li proċedura tiġi sospiża minħabba nuqqas ta’ ħlas issir finali, l-obbligu għall-ħlas jispiċċa.

Kif u fejn jitħallsu t-tariffi tal-qorti?

It-tariffi jitħallsu permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti rilevanti. Id-dettalji tal-bank jinsabu fis-siti web tal-qrati individwali, li jinsabu fil-portal tal-internet https://www.justice.cz/. It-tariffi sa CZK 5 000 jistgħu jitħallsu wkoll permezz ta’ bolol tat-taxxa.

Kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tariffi għal proċedura jiġu deċiżi mill-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni sostantiva u territorjali biex tisma’ u tiddeċiedi l-kawża fl-ewwel istanza. Kwistjonijiet relatati mat-tariffi għal proċedura quddiem qorti tal-appell jew quddiem qorti tal-appell finali jiġu deċiżi mill-qorti li tkun iddeċidiet il-kawża fl-ewwel istanza, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor iktar ’l isfel.

Jekk persuna obbligata tħallas tariffa b’rabta ma’ appell jew deċiżjoni ta’ appell finali fuq il-merti jew b’rabta ma’ appell jew deċiżjoni ta’ appell finali li ttemm il-proċedura, il-kwistjoni tat-tariffi tal-qorti tiġi deċiża mill-qorti tal-ewwel istanza, sakemm il-qorti tal-appell jew il-qorti tal-appell finali ma tiddeċidix il-kwistjoni.

Xi jrid isir wara li jitħallsu t-tariffi?

L-obbligi tal-persuna responsabbli li tħallas tariffa jintemmu ladarba tibgħat il-flus fil-kont bankarju tal-qorti kompetenti jew ladarba tgħaddi l-bolol tat-taxxa lill-qorti kompetenti. Hija ma tkun obbligata tgħaddi l-ebda dokument ieħor.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.