Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura tal-ħlas Ewropea

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Introduzzjoni

Xi spejjeż iridu jitħallsu?

Kemm ikolli nħallas?

X’jiġri jekk ma nħallasx l-ispejjeż ġudizzjarji fil-ħin?

Kif nista’ nħallas?

Xi rrid nagħmel wara l-ħlas?

Introduzzjoni

Ir-regoli dwar l-ispejjeż proċedurali jinsabu fit-Test Ikkonsolidat tad-dispożizzjoni leġiżlattivi u regolamentari relatati mal-ispejjeż ġudizzjarji (Testo Unico delle disposizioni legislative e regolamentari in materia di spese di giustizia) imsemmija fid-Digriet Presidenzjali (Decreto del Presidente della Repubblica)

tat-30 ta’ Mejju 2002, Nru 115.

Xi spejjeż iridu jitħallsu?

Fil-proċedimenti ċivili, kull parti tħallas l-ispejjeż tal-atti li twettaq u l-ispejjeż tal-atti meħtieġa għall-proċess meta l-liġi jew il-maġistrat jikkonferixxu r-responsabbiltà tal-ħlas fuq dik il-parti (l-Artikolu 8 tat-Test Ikkonsolidat dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji, Digriet Presidenzjali Nru 115/2002).

L-ispejjeż tal-proċediment ċivili huma:

  • il-ħlas standard biex tiftaħ kawża
  • l-ispejjeż tan-notifika
  • id-drittijiet għall-ikkupjar

Kemm ikolli nħallas?

L-ammonti li jridu jitħallsu huma stabbiliti fl-Artikolu 13 u fl-Artikolu 30 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002 rigward, rispettivament, il-ħlas standard u l-ħlas bil-quddiem għan-notifiki fuq talba tal-qorti.

Id-drittijiet tal-ikkupjar huma rregolati mill-Artikoli 267 et seq tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002 u jinsabu elenkati fit-Tabelli 6, 7 u 8 annessi mal-istess Digriet Presidenzjali.

Skont l-Artikolu 46 tal-Liġi 374/1991, li tistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Ġustizzja, għal atti u deċiżjonijiet sa massimu ta’ 1 033 euro jitħallas biss il-ħlas standard.

X’jiġri jekk ma nħallasx l-ispejjeż ġudizzjarji fil-ħin?

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, il-qorti jew il-kumpanija inkarigata mill-ġbir tal-ħlas (ftehim mal-kumpanija Equitalia Giustizia s.p.a) tinnotifika stedina għall-ħlas li jkun fiha l-indikazzjonijiet meħtieġa għar-regolarizzazzjoni tal-versament tal-ħlas standard (l-Artikolu 248 tad-Digriet Presidenzjali 115/2002).

F’każ li l-versament tad-drittijiet tal-ikkupjar u tal-ammont previst mill-Artikolu 30 tad-Digriet Presidenzjali 115/2002 ma jsirx, il-qorti tista’ tirrifjuta li tirċievi l-atti (l-Artikolu 285 tad-Digriet Presidenzjali 115/2002).

Kif nista’ nħallas?

Jekk il-ħlas isir fl-Italja, permezz ta’ kont postali, il-Formola F23 jew bolol mixtrija mingħand ħanut tat-tabakk u ħwienet awtorizzati.

Għall-ħlas minn barra l-pajjiż permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont ta’ hawn taħt;

KODIĊI BIC: BITAITRRENT

IBAN: IT 04 O 01000 03245 350008332100

Xi rrid nagħmel wara l-ħlas?

Wara li jkun sar il-ħlas, l-uffiċċju ġudizzjarju jrid jingħata prova li l-ħlas ikun sar billi tintwera l-irċevuta.

L-aħħar aġġornament: 18/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.