Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

Introduzzjoni

X'inhuma t-tariffi applikabbli?

Kemm se tiswini?

X'jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin it-tariffi tal-qorti?

Kif nista' nħallas it-tariffi tal-qorti?

X'għandi nagħmel wara l-pagament?

Introduzzjoni

Ir-regoli li jirregolaw it-tariffi tal-qorti li għandhom jitħallsu fi proċeduri mibdija fl-Ungerija skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar huma stabbiliti fl-Att Nru XCIII tal-1990 dwar id-dazji. Skont dawk ir-regoli, meta tinbeda l-proċedura, għandha titħallas tariffa ta' 6 fil-mija tal-valur tat-talba jew billi tinxtara bolla tat-taxxa mill-uffiċċju postali jew billi titħallas it-tariffa lill-awtorità tat-taxxa tal-Istat. It-tariffa tista' titħallas ukoll lill-awtorità tat-taxxa tal-Istat permezz ta' trasferiment bankarju.

X'inhuma t-tariffi applikabbli?

It-tariffi tal-qorti għandhom jitħallsu meta jinbdew il-proċeduri għal talbiet żgħar.

Kemm se tiswini?

Fil-każ ta' talbiet monetarji, trid tħallas 6 fil-mija tal-valur tat-talba, bl-esklużjoni ta' ħlasijiet addizzjonali (imgħax, spejjeż), filwaqt li fil-każ ta' talbiet mhux monetarji, trid tħallas 6 fil-mija tat-talba stmata, b'minimu ta' HUF 15 000. Fil-każ ta' talbiet monetarji f'muniti li mhumiex il-forint, it-tariffa għandha titħallas fuq il-valur tat-talba bir-rata medja tal-kambju tal-bank ċentrali applikabbli fid-data meta tiġi sottomessa t-talba.

X'jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin it-tariffi tal-qorti?

Ir-rikorrenti li ma jħallsux it-tariffa meta jibdew il-proċedura jirċievu talba għall-ħlas mill-qorti. Jekk ir-rikorrent ma jikkonformax ma' dan fil-limitu ta' żmien mogħti, il-qorti ma taċċettax it-talba.

Kif nista' nħallas it-tariffi tal-qorti?

  1. It-tariffa proċedurali tista' titħallas permezz ta' bolla tat-taxxa. Il-bolol tat-taxxa jistgħu jinxtraw mill-uffiċċji postali. Meta t-tariffa proċedurali titħallas b'bolla tat-taxxa, l-ammont jiġi aġġustat 'il fuq jew 'l isfel, sabiex kwalunkwe bqija taħt il-HUF 50 tiġi injorata, filwaqt li kwalunkwe bqija 'il fuq minn HUF 50 tingħadd bħala HUF 100.
  2. Ir-rikorrent jista' jħallas ukoll it-tariffa proċedurali fuq il-bażi ta' kalkolu mill-awtorità tat-taxxa tal-Istat. F'dan il-każ, il-formola tat-talba għandha tiġi ppreżentata flimkien ma' kopja lill-awtorità tat-taxxa tal-Istat. It-tariffa kkalkulata tista' titħallas permezz ta' money order ipprovdut mill-awtorità tat-taxxa tal-Istat jew permezz ta' trasferiment fil-kont speċifikat mill-awtorità tat-taxxa tal-Istat jew, fejn possibbli, permezz ta' kard tal-bank. Sabiex tiġi kkalkulata t-tariffa proċedurali, il-formola tat-talba tista' tiġi ppreżentata lil kwalunkwe direttorat tat-taxxa tal-kontea (kapitali) tal-Awtorità Nazzjonali tat-Taxxa u d-Dwana (Nemzeti Adó- és Vámhivatal).

X'għandi nagħmel wara l-pagament?

  1. Jekk it-tariffa proċedurali titħallas permezz ta' bolla tat-taxxa, il-bolla għandha titwaħħal mar-rikors u wara, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat lill-qorti. Il-bolla tat-taxxa mwaħħla fuq ir-rikors m'għandhiex tiġi mmodifikata jew immarkata bl-ebda mod mill-klijent.
  2. Meta t-tariffa proċedurali titħallas fuq il-bażi ta' kalkolu, l-awtorità tat-taxxa tal-Istat tiċċertifika fuq l-applikazzjoni li t-talba ġiet ippreżentata għall-kalkolu tat-tariffa, u wara dan it-talba tista' tiġi ppreżentata lill-qorti.
L-aħħar aġġornament: 08/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.