menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Fedina penali

L-ECRIS (is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali) inħolqot f’April 2012 biex tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rekords kriminali madwar l-UE. Hija tistabbilixxi interkonnessjonijiet elettroniċi bejn l-Istati Membri u tistipula regoli biex ikun żgurat li l-informazzjoni dwar il-kundanni kif tinsab fis-sistema tar-rekords kriminali fl-Istati Membri tista’ tiġi skambjata permezz ta’ formats elettroniċi standardizzati, b’mod uniformi u rapidu, u fi skadenzi legali qosra.


Sfond

Il-każ Fourniret tal-2004 u bosta studji li saru wara wrew li l-qrati nazzjonali ta’ sikwit jagħtu sentenzi mingħajr ma jkunu jafu dwar kundanni preċedenti li setgħu ngħataw fi Stati Membri oħrajn. In-nuqqas ta’ informazzjoni wassal għal sentenzi inadegwati, li ma kinux iqisu r-rekord kriminali ta’ persuna, u ma ħalliex li jittieħdu miżuri biex jevitaw li l-istess tip ta’ reat jerġa jitwettaq.

Mill-2008 ’l hawn, l-informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tiġi skambjata għall-iskop ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna, f’implimentazzjoni tad-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda.

ECRIS

L-ECRIS ġiet maħluqa b'reazzjoni għall-ħtieġa li jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rekords kriminali fuq livell Ewropew. L-informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali tar-rekords kriminali tista’ tiġi skambjata elettronikament permezz ta’ infrastruttura tal-informazzjoni sigura, malajr, u b’mod uniformi u faċli. Din tagħti aċċess faċli lil imħallfin, prosekuturi, u awtoritajiet amministrattivi relevanti (permezz ta’ “awtorità ċentrali” deżinjata f’kull Stat Membru, ikklikkja fuq il-bandiera rispettiva tal-pajjiż, disponibbli f’żona oħra ta’ din il-paġna) għal informazzjoni komprensiva dwar l-istorja kriminali ta’ kwalunkwe ċittadin tal-UE, irrispettivament f’liema Stat Membru dik il-persuna ġiet ikkundannata fih fl-imgħoddi.

L-informazzjoni tista’ tiġi skambjata għal firxa wiesgħa ta’ għanijiet skont id-Deċiżjoni Qafas u d-dritt nazzjonali.

Prinċipji ġenerali

  • L-ECRIS hija bbażata fuq arkitettura tal-IT deċentralizzata, li fiha r-rekord kriminali jinżamm unikament fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-Istati Membri u jiġi skambjat elettronikament bejn l-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri, meta jintalbu li jagħmlu dan.
  • L-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna jsir ir-repożitorju ċentrali tal-kundanni kollha mogħtija lil dik il-persuna. Huwa jkun obbligat li jaħżen u jaġġorna l-informazzjoni kollha li jirċievi, kif ukoll li jitrażmetti din l-informazzjoni lil Stati Membri oħrajn meta jintalab jagħmel dan. B’riżultat, kull Stat Membru għandu jkun fil-qagħda li jipprovdi informazzjoni kompluta u aġġornata dwar il-kundanni taċ-ċittadini tiegħu, irrispettivament minn fejn ikunu ngħataw tali kundanni.
  • Stat Membru li jikkundanna lil persuna li mhix ċittadina tiegħu huwa obbligat li jibgħat l-informazzjoni minnufih, inklużi l-aġġornamenti, dwar din il-kundanna lill-Istat(i) Membru/i tan-nazzjonalità ta' min wettaq ir-reat.
  • It-trażmissjoni ta' informazzjoni dwar il-kundanni ssir elettronikament, permezz ta' format standardizzat Ewropew, billi jintużaw żewġ tabelli ta' referenza ta' kategoriji ta' reati u kategoriji ta' pieni. Dawn it-tabelli jiffaċilitaw it-traduzzjoni awtomatika u jżidu l-fehim reċiproku tal-informazzjoni trażmessa. Meta jittrażmettu informazzjoni dwar kundanna, l-Istati Membri jridu jużaw il-kategorija tal-krimini tar-reat u l-penali jew is-sanzjoni. Il-kodiċijiet jippremettu li ssir traduzzjoni awtomatizzata fil-lingwa tad-destinatarju, u din tippermettilu jkun f’pożizzjoni li jirreaġġixxi minnufih malli jirċievi l-informazzjoni.

Strumenti leġiżlattivi

Il-prinċipji li jirregolaw l-iskambju tal-informazzjoni u kif taħdem is-sistema huma rregolati fid-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċizjoni Qafas dwar l-iskambju ta’ informazzjoni tar-rekords kriminali u fid-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċiżjoni tal-Kunsill dwar l-ECRIS.

Implimentazzjoni

Ittieħdu għadd ta' miżuri tekniċi u finanzjarji biex jgħinu lill-Istati Membri jħejju l-infrastruttura teknika biex iqabbdu s-sistemi tar-rekords kriminali tagħhom flimkien sa April 2012 (l-iskadenza ta’ implimentazzjoni ġuridika) u lil hinn. Il-Kummissjoni għamlet disponibbli software speċjali (software tal-“implimentazzjoni tar-referenzi”) għall-Istati Membri biex jiffaċilità l-interkonnessjoni bejniethom. L-Istati Membri setgħu wkoll jitolbu appoġġ finanzjarju mill-UE fil-forma ta’ għotjiet biex jimmodernizzaw is-sistemi nazzjonali tar-rekords kriminali tagħhom taħt il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaProgramm dwar il-Ġustizzja Kriminali.

Fl-2017, l-Istati Membri kollha kienu konnessi mal-ECRIS. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha huma konnessi mal-Istati Membri l-oħrajn kollha kemm huma. Għal iktar dettalji, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaewwel rapport statistiku tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-ECRIS, li ġie ppubblikat fid-29 ta’ Ġunju 2017.

Estratt tar-rekord kriminali għal finijiet oħra li mhumiex proċedimenti kriminali

F’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas Ewropea 2009/315/ĠAI, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2009/316/ĠAI u d-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar rekords kriminali jista’ jseħħ għal finijiet oħra minbarra proċedimenti kriminali.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Proposta tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (TCN - third-country national)

L-ECRIS taħdem b’mod effiċjenti f'dak li għandu x’jaqsam maċ-ċittadini tal-UE abbażi tal-prinċipju tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza bħala l-uniku repożitorju tal-informazzjoni kollha dwar il-kundanni. Madanakollu, l-ECRIS mhijiex adattata bl-istess mod għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni ta’ ċittadini ta’ pajiżi terzi, minħabba li ma jeżistix repożitorju wieħed għal din l-informazzjon . Għaldaqstant, bħalissa mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk u f’liema Stat Membru ċittadin ta' pajjiż terz partikolari ġie kkundannat mingħajr ma jiġu kkonsultati kollha kemm huma.

Biex tagħmel tajjeb għal dan, fid-19 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva li temenda d-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI dwar l-ECRIS u, fid-29 ta’ Ġunju 2017 – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaproposta għal Regolament li tikkumplimentaha, biex tiġi stabbilita sistema ċentralizzata tal-ECRIS dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-identifikazzjoni effiċjenti tall-Istat jew Stati Membri li fihom ikun ġie kkundannat ċittadin partikolari ta' pajjiż terz.

Fir-Regolament propost, l-istabbiliment ta’ sistema ECRIS dwar iċ-ċittadini ta’ pajiżi terzi fl-eu-LISA huwa regolat. Is-sistema tikkonsisti minn dejta dwar l-identità (dejta alfanumerika u marki tas-swaba') taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha kkundannati fl-Istati Membri. Mekkaniżmu tat-tiftix jippermetti lill-Istati Membri jfittxu fl-indiċi onlajn. “Hit” tidentifika l-Istat jew Stati Membri li jkunu kkundannaw lil ċittadin partikolari ta’ pajjiż terz. L-Istat(i) Membru/i mbagħad jistgħu jintalbu jagħtu l-informazzjoni sħiħa dwar ir-rekord kriminali permezz tal-ECRIS stabbilita.

Id-Direttiva proposta tirregola l-obbligi tal-Istati Membir fir-rigward tal-ECRIS dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-livell nazzjonali kif ukoll l-iskambji bejn l-Istati Membri tal-informazzjoni sħiħa dwar il-kundanni.

Id-Direttiva u r-Regolament proposti bħalissa qegħdin jiġu nnegozjati, adattati u ffinalizzati waqt il-proċedura leġiżlattiva mil-leġiżlatur Ewropew – il-Kunsill u l-Parlament.

 


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2017