menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Fedina penali

Sabiex titjieb is-sigurtà taċ-ċittadini fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja ttieħdu passi konkreti li jippermettu skambju effiċjenti ta' informazzjoni dwar kundanni kriminali bejn l-Istati Membri f'livell Ewropew. B'mod partikolari, ġiet stabbilita sistema kompjuterizzata msejħa ECRIS (Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta' Rekords Kriminali) li bdiet topera minn April 2012.


Sfond

Stejjer bħal tal-każ Fourniret li seħħ fl-2004 u ħafna studji li saru wara wrew li l-qrati nazzjonali ta sikwit jagħtu sentenzi bbażati unikament fuq il-kundanni preċedenti li jidhru fir-reġistru nazzjonali tagħhom, mingħajr ma jkollhom l-ebda tagħrif dwar kundanni fi Stati Membri oħra. Bħala konsegwenza ta' dan xi kriminali setgħu ta' spiss jaħarbu mill-passat tagħhom billi jġorru minn Stat Membru tal-UE għall-ieħor.

ECRIS

L-ECRIS inħolqot b'reazzjoni għal ħtieġa ċara li jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rekords kriminali fuq livell Ewropew. F'termini prattiċi s-sistema ECRIS tfisser interkonnessjoni elettronika tal-bażijiet tad-dejta tar-rekords kriminali tal-Istati Membri kollha, fejn l-informazzjoni dwar il-kundanni tiġi skambjata bejniethom rapidament, b'mod ta' trasferiment kompjuterizzat uniformi u faċli. Hija tagħti lill-imħallfin, lill-prosekuturi u lill-awtoritajiet amministrattivi rilevanti aċċess faċli għal informazzjoni komprensiva dwar ir-rekord ta' reati ta' kull ċittadin tal-UE, indipendentement minn f'liema pajjiżi tal-UE dik il-persuna tkun ġiet ikkundannata fil-passat. B'dan il-mod, il-kriminali ma jkunux jistgħu jaħarbu l-passat kriminali tagħhom sempliċiment billi jġorru minn Stat Membru għal ieħor u tkun tista' ssir reazzjoni adegwata għad-delitti li jkunu diġà twettqu. Is-sistema tista' wkoll tgħin biex tiġi prevenuta l-kriminalità.

Prinċipji ġenerali

  • L-ECRIS hija bbażata fuq arkitettura tal-IT deċentralizzata, fejn id-dejta dwar ir-rekords kriminali tinżamm unikament fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-Istati Membri u jiġu skambjati elettronikament bejn l-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri, meta jintalbu li jagħmlu dan.
  • L-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna jsir ir-repożitorju ċentrali tal-kundanni kollha mogħtija lil dik il-persuna. Huwa jkun obbligat li jaħżen u jaġġorna l-informazzjoni kollha li jirċievi, kif ukoll li jerġa' jittrażmetti l-informazzjoni kollha meta jintalab li jagħmel dan.  Bħala riżultat ta' dan, kull Stat Membru għandu jkun f'pożizzjoni li jipprovdi informazzjoni eżawrjenti, aġġornata u sħiħa fir-rigward tar-rekords kriminali taċ-ċittadini tiegħu fuq talba ta' Stat Membru ieħor indipendentement minn fejn ingħataw dawk il-kundanni.
  • Stat Membru li jikkundanna persuna li mhix ċittadina tiegħu huwa obbligat li jibgħat l-informazzjoni minnufih, inklużi l-aġġornamenti, dwar din il-kundanna lill-Istat(i) Membru/i tan-nazzjonalità ta' min wettaq ir-reat.
  • It-trażmissjoni ta' informazzjoni dwar il-kundanni ssir elettronikament, permezz ta' format standardizzat Ewropew, billi jintużaw żewġ tabelli ta' referenza ta' kategoriji ta' reati u kategoriji ta' pieni.  Dawn it-tabelli jiffaċilitaw it-traduzzjoni awtomatika u jżidu l-ftehim reċiproku tal-informazzjoni trażmessa. Meta tiġi trażmessa l-informazzjoni dwar il-kundanna, Stat Membru għandu jindika l-kodiċijiet abbinati għall-kategorija tar-reat u l-piena jew is-sanzjoni, li awtomatikament jiġu tradotti fil-lingwa tar-riċevitur, u b'hekk jippermettulu jirreaġixxi minnufih malli jirċievi l-informazzjoni.

Strumenti leġiżlattivi

Prinċipji ġenerali li jirregolaw l-iskambju ta' informazzjoni u l-funzjonament tas-sistema huma regolati fid-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċiżjoni Qafas dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-rekords kriminali u fid-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċiżjoni ECRIS.

Implimentazzjoni

L-Istati Membri kellhom jimplimentaw din is-sistema sa April 2012. Ittieħdu għadd ta' miżuri tekniċi u finanzjarji biex jgħinuhom jippreparaw l-infrastruttura teknika biex tkun tista' tiġi konnessa mas-sistemi tar-rekords kriminali tagħhom. Softwer speċjali, imsejjaħ "implimentazzjoni tar-referenza" tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-Kummissjoni biex jiffaċilita l-interkonnessjoni tagħhom mar-reġistri l-oħra. L-Istati Membri jistgħu jgawdu wkoll minn għajnuna finanzjarja fil-forma ta' għotjiet sabiex jimmodernizzaw is-sistemi tar-rekords kriminali nazzjonali tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaProgramm dwar il-Ġustizzja Kriminali.

Estratt tar-rekord kriminali għal finijiet oħra li mhumiex proċedimenti kriminali

F’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas Ewropea 2009/315/ĠAI, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2009/316/ĠAI u d-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar rekords kriminali jista’ jseħħ għal finijiet oħra minbarra proċedimenti kriminali. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar kif tikseb estratt ta' rekord kriminali għal finijiet oħra bħal dawn fuq il-paġna tal-Istat Membru billi tagħfas fuq il-bandiera tal-pajjiż fuq in-naħa tal-lemin.

Proġett Pilota

Diġà minn qabel id-dħul fis-seħħ ta' ECRIS, bosta Stati Membri (BE, CZ, FR, DE, ES, IT, LU, NL, PL, SK, UK) kienu qed jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-rekords kriminali b'mod elettroniku, fi ħdan il-qafas tal-proġett pilota "Netwerk ta' Reġistri Ġudizzjarji". L-iżvilupp u l-kisbiet milħuqa minn dan il-proġett, b'mod partikolari l-arkitettura tal-IT u t-tabelli ta' referenza, kienu l-ispirazzjoni ewlenija tas-sistema tal-ECRIS.

Proposta tal-Kummissjoni biex jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar persuni li mhumiex ċittadini tal-UE

L-ECRIS qed taħdem b’mod effiċjenti fir-rigward ta’ ċittadini tal-UE. Madankollu, s'issa mhux possibbli li jiġi ddeterminat jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi kinux ikkundannati fi Stati Membri oħra mingħajr ma jiġu kkonsultati l-Istati Membri kollha.

Fid-19 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni għalhekk adottat Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaProposta għal Direttiva li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiż terz u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI.


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 05/08/2016