Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Medjazzjoni transkonfinali tal-familji

Il-medjazzjoni tista' tkun partikolarment utli fi kwistjonijiet transfruntiera tal-familja u f'każijiet ta' sekwestru ta’ minuri mill-ġenituri.  It-terminu "kwistjonijiet tal-familja" jkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, minn dawk purament privati għal dawk li jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi.


X'inhi l-medjazzjoni tal-familja transfruntiera?

Il-medjazzjoni tal-familja transfruntiera hija proċess immexxi minn parti terza (jew diversi)  kkwalifikata u imparzjali, il-medjatur. Il-medjatur ma għandux is-setgħa li jiddeċiedi iżda jgħin lill-partijiet biex jerġgħu jibdew jikkomunikaw u jgħinhom biex isolvu l-problemi tagħhom waħedhom.

Il-ftehim milħuq huwa soluzzjoni maħluqa apposta għall-kwistjoni tagħhom illi tiżgura illi d-deċiżjonijiet tagħhom bħala ġenituri jqisu l-aħjar interessi tat-tfal, jekk ikunu nvoluti t-tfal.

Il-kwistjonijiet tal-familja jinkludu: ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet għall-aċċess, is-sekwestru tal-minuri, il-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, il-manteniment tat-tfal jew l-eks sieħeb u l-konsegwenzi l-oħra ta' divorzju jew separazzjoni.

Il-ġenituri huma mħeġġa jerfgħu ir-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet dwar il-familja tagħhom u biex l-ewwel jippruvaw jaslu għal ftehim mingħajr ma jersqu l-qorti.

Għalhekk il-medjazzjoni tista' toħloq ambjent li jwassal għal diskussjonijiet u tiżgura negozjati ġusti bejn il-ġenituri li jqisu wkoll l-aħjar interessi tat-tfal.

Ikkonsulta l-paġni li ġejjin għal aktar dettalji dwar:

- Il-prinċipji u l-istadji ewlenin tal-medjazzjoni

- Il-partikolaritajiet tal-medjazzjoni transfruntiera

- L-ispejjeż tal-medjazzjoni transfruntiera

- Il-kuntest ġuridiku tal-medjazzjoni transfruntiera

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

X'jinvolvi l-proċess?

Bħala parti fil-kwistjoni tista' tapplika għall-medjazzjoni fl-Istati Membri kollha. F'xi Stati Membri l-imħallef jista' jistieden lill-partijiet biex jippruvaw il-medjazzjoni.

Jekk il-partijiet kollha jaqblu li jużaw il-medjazzjoni, il-medjatur magħżul ifassal l-iskeda għall-medjazzjoni. Il-mod li bih jintagħżel il-medjatur jiddependi mill-pajjiż partikolari - tista' ssib din l-informazzjoni fil-paġni nazzjonali rispettivi disponibbli fuq in-naħa tal-lemin ta' din il-paġna.

Ir-rappreżentanti legali jistgħu jilgħabu rwol importanti meta jagħtu l-informazzjoni legali neċessarja lill-partijiet biex jieħdu deċiżjoni infurmata.

Il-ftehimiet milħuqa bil-medjazzjoni jistgħu jsiru eżegwibbli fuq talba taż-żewġ partijiet. Dan jista' jinkiseb, pereżempju, permezz tal-approvazzjoni tal-qorti jew ċertifikazzjoni ta' nutar pubbliku.

Ir-rappreżentanti legali jistgħu jerġgħu jeżaminaw il-ftehim milħuq bil-medjazzjoni biex jiżguraw illi dan il-ftehim għandu effett legali fis-sistemi ġuridiċi konċernati.

Għalfejn għandek tipprova?

  • Għandek l-opportunità tikkontrolla r-riżultat tal-kwistjoni tiegħek stess.
  • Il-medjazzjoni sseħħ f'ambjent faċli għall-utent fejn il-parti tmexxi l-proċess.
  • Il-medjazzjoni tħallik tirrevedi u tirranġa l-ambitu tal-kunflitt.
  • Int tiddeċiedi u tilħaq ftehim iżda mhemmx għalfejn tilħaq ftehim.
  • Billi tipprova l-medjazzjoni ma jfissirx illi tirrinunzja għad-dritt li tiftaħ kawża l-qorti.
  • Kulħadd jirbaħ meta jieħu sehem fil-medjazzjoni.
  • Il-medjatur huwa persuna ta' għajnuna imparzjali u mħarrġa biex tassistik ħalli ssolvi l-kwistjoni waħdek.
  • Meta mqabbla ma' proċess, l-ispejjeż tal-medjazzjoni huma relattivament baxxi.
  • Il-medjazzjoni hija pjuttost imħaffa. Is-sessjonijiet jistgħu jiġu ppjanati faċilment f'kull ħin skont id-disponibbiltà tal-partijiet u tista' ssir f'numru ta' postijiet.
  • Il-medjazzjoni tippermetti soluzzjonijiet flessibbli (magħmula apposta għal dak li jkun) u tgħin fiż-żamma jew fil-ħolqien ta' relazzjonijiet futuri kostruttivi u l-kuntatt bejn il-partijiet.
  • L-għajnuna u l-pariri ta' rappreżentant legali huma disponibbli waqt medjazzjoni.
  • Il-medjazzjoni tista' tnaqqas il-litigazzjoni iktar il-quddiem.

Din il-ħolqa tieħdok fil-paġna Sib medjatur.

Il-limiti tal-medjazzjoni

Meta jkun hemm indikazzjonijiet illi l-każ mhux adattat għall-medjazzjoni jew li wieħed mill-partijiet (jew it-tnejn) mhux lesti jippruvaw il-medjazzjoni, jkun meħtieġ l-intervent tal-awtoritajiet ġudizzjarji. Fl-iskrinjar tal-idoneità tal-każ, trid tingħata attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni tar-riskji possibbli bħal l-vjolenza domestika u kemm hi serja, l-abbuż tad-droga jew tal-alkoħol, l-abbuż tat-tfal, eċċ... L-idoneità tal-każ trid tiġi deċiża fuq bażi individwali flimkien ma' standards applikati mill-medjatur u l-organizzazzjoni ta' medjazzjoni.

 


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2017