Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Medjazzjoni transkonfinali tal-familji - Polonja

Il-proċedimenti tal-medjazzjoni f'kawżi tal-familja, tad-divorzju u tas-separazzjoni

Il-medjazzjoni hija forma ta' soluzzjoni għat-tilwim volontarja u kunfidenzjali fejn il-partijiet f'kunflitt jew tilwima jippruvaw jaslu għal ftehim bejniethom bl-għajnuna ta' medjatur newtrali u imparzjali. Il-kwistjonijiet li jiġu diskussi waqt il-medjazzjoni jagħżluhom il-parteċipanti. Il-kwistjonijiet li jrid jinstab qbil dwarhom jistgħu jkunu relatati: mar-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin, l-istipular tal-kundizzjonijiet għas-separazzjoni, il-forom ta' awtorità tal-ġenituri, id-dritt ta' aċċess, l-issodisfar tal-bżonnijiet familjari, il-manteniment inkluż tat-tfal, kif ukoll kwistjonijiet dwar proprjetà u abitazzjoni. Soluzzjoni ta' medjazzjoni tista' tistipula wkoll il-ħruġ ta' passaport, l-għażla tal-edukazzjoni tat-tfal, il-kuntatt ma' membri oħra tal-familja u/jew il-ġestjoni tal-proprjetà tat-tfal.

Il-benefiċċji tal-medjazzjoni

• Il-medjazzjoni tgħin biex jitnaqqas il-livell ta' emozzjonijiet negattivi u biex il-partijiet jifhmu l-bżonnijiet tagħhom stess u ta' xulxin, u b'hekk jonqos il-piż psikoloġiku marbut mal-kunflitt.

Kif tiġi riferuta kwistjoni għall-medjazzjoni?

• Il-medjazzjoni tista' ssir qabel ma l-kwistjoni tittella' l-qorti jew wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti, fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-qorti.

• Fi kwalunkwe każ, il-medjazzjoni hija suġġetta għall-kunsens tal-partijiet.

• Kull parti tista' titlob il-medjazzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti ġudizzjarji.

Min jiddeċiedi dwar l-għażla tal-medjatur?

• Il-medjatur jintgħażel mill-partijiet flimkien jew jitqabbad mill-qorti, wara li jiġu kkunsidrati l-ewwel l-individwi mil-lista tal-medjaturi permanenti.

Kemm tista' ddum il-medjazzjoni?

• Il-proċedimenti ta' medjazzjoni li jkunu ġew istitwiti wara deċiżjoni tal-qorti ma għandhomx idumu aktar minn tliet xhur, imma jistgħu jkunu estiżi wara talba konġunta jew minħabba kwalunkwe raġuni valida oħra jekk tkun tiffaċilita s-soluzzjoni.

Il-proċess ta' medjazzjoni

• Wara li jirċievi deċiżjoni mill-qorti, il-medjatur jikkuntattja lill-partijiet biex jiffissaw data u post biex jiltaqgħu.

• Il-medjatur jispjega r-regoli u l-andament tal-proċedimenti tal-medjazzjoni u jistaqsi lill-partijiet jaqblux mal-medjazzjoni.

• Il-medjazzjoni hija diskussjoni bejn il-partijiet fil-preżenza ta' medjatur. Jistgħu jsiru wkoll laqgħat ras imb ras bejn il-medjatur u kwalunkwe waħda mill-partijiet.

• Il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li ma jiħdux sehem fil-medjazzjoni.

• Il-medjazzjoni hija kunfidenzjali. Il-medjatur ma jridx jiżvela dettalji tal-medjazzjoni lil partijiet terzi. Il-minuti tal-medjazzjoni ma jkun fihom l-ebda sentenza jew pożizzjoni tal-partijiet.

• Medjatur ma jistax jixhed dwar il-fatti li jsir jaf bihom minħabba li jkun mexxa l-medjazzjoni, sakemm il-partijiet ma jirrilaxxawhx mill-obbligu ta' segretezza.

X'inhuma l-eżiti possibbli tal-medjazzjoni?

• Il-medjazzjoni tista' tirriżulta f'soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd iffirmata mill-partijiet.

• F'kawżi ta' divorzju jew separazzjoni, il-medjazzjoni tista' tirriżulta fir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin u/jew fi ftehim bejniethom, jew fl-iżvilupp ta' pożizzjonijiet legali komuni. Dawn jipprovdu bażi għar-riżoluzzjoni tal-kawża mill-qorti.

• Il-medjatur jipprovdi kopja tal-minuti lill-partijiet.

• Il-medjatur jibgħat il-minuti u l-ftehim milħuq lill-qorti.

• Ftehim bil-medjazzjoni approvat mill-qorti għandu l-validità legali ta' soluzzjoni bil-qorti u jtemm il-proċedimenti.

• Il-qorti tirrifjuta li tapprova l-ftehim jekk ikun kontra l-liġi jew kontra l-prinċipji tal-ħajja komunitarja, ikun maħsub biex idur mal-liġi jew ikun fih konfużjonijiet jew kontradizzjonijiet.

• Jekk ftehim li jkun ġie ddikjarat eżekutorju ma jkunx ġie effettivament eżegwit, ikun jista' jiġi riferut lil uffiċjal eżekuttiv maħtur mill-qorti.

• Jekk ma tinstabx soluzzjoni, il-partijiet jistgħu jippruvaw jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bi proċedimenti ġudizzjarji.

X'inhuma l-ispejjeż tal-medjazzjoni?

  • L-ispejjeż tal-medjazzjoni jitħallsu mill-partijiet. Kull parti normalment tħallas nofs l-ispejjeż, sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor.
  • Parti tista' titlob eżenzjoni mill-ispejjeż tal-medjazzjoni.
  • Irrispettivament mill-eżitu tal-kawża, il-qorti tista' tordna li parti tirrimborża l-ispejjeż li jirriżultaw minn rifjut manifestament irraġonevoli għall-użu tal-medjazzjoni.
  • Jekk tinstab soluzzjoni qabel il-bidu tas-seduti tal-qorti, 100 % tat-tariffa tal-qorti titħallas lura lill-parti.
  • Jekk tinstab soluzzjoni quddiem il-medjatur fi stadju iktar avvanzat tal-proċedimenti (wara l-bidu tas-seduti tal-qorti), 75 % tat-tariffa tal-qorti titħallas lura.
  • F'kawża ta' divorzju jew separazzjoni, jekk il-partijiet jirrikonċiljaw quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u jirtiraw il-kawża, 100 % tat-tariffa tal-qorti mħallsa meta nfetħet il-kawża l-qorti titħallas lura. Jekk il-partijiet jirrikonċiljaw qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti quddiem il-qorti tat-tieni istanza, 50 % tat-tariffa mħallsa għall-appell titħallas lura.
  • F'każ ta' medjazzjoni ekstraġudizzjarja, ir-rimunerazzjoni tal-medjatur tiġi ffissata miċ-ċentru tal-medjazzjoni jew il-partijiet jiftiehmu dwarha mal-medjatur qabel il-bidu tal-medjazzjoni.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/05/2019