Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Divorzju - Estonja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Divorzju jista' jingħata minn uffiċċju tar-reġistru jew minn nutar ladarba l-miżżewġin jaqblu fuq il-bażi ta' talba konġunta bil-miktub, jew minn qorti fuq il-bażi ta' kawża miġjuba minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor. Dan tal-aħħar jiġri f'każ li l-miżżewġin ma jkunux jaqblu dwar id-divorzju jew iċ-ċirkostanzi relatati mad-divorzju jew jekk uffiċċju tar-reġistrazzjoni ma jkunx kompetenti biex jagħti d-divorzju.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Uffiċċju tar-reġistrazzjoni jew nutar jistgħu jagħtu divorzju bi ftehim bejn il-miżżewġin fuq il-bażi ta' talba konġunta bil-miktub u jekk iż-żewġ miżżewġin jkunu residenti l-Estonja.

Divorzju jista' jingħata minn qorti fuq il-bażi ta' kawża miġjuba minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju ma jaffettwax ir-relazzjonijiet personali bejn il-miżżewġin. Mad-divorzju, il-qorti jew l-uffiċċju tar-reġistru jistgħu jirritornaw il-kunjom preċedenti tal-persuna b'talba tagħha; jekk le l-kunjom ta' maż-żwieġ jinżamm.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Mad-divorzju, il-proprjetà tal-konjuġi tinqasam skont ir-reġim patrimonjali ta' bejniethom. Fil-każ ta' koproprjetà, il-miżżewġin ġeneralment jaqsmuha bejniethom f'ishma indaqs skont id-dispożizzjonijiet dwar it-tmiem tas-sjieda komuni. Il-kompożizzjoni tal-proprjetà tiġi stabbilita bħala mill-mument li fih intemmu r-reġim patrimonjali. Ma hemm l-ebda obbligu fuq il-miżżewġin biex jaqsmu l-proprjetà tagħhom malli jiddivorzjaw. Sakemm tinqasam il-koproprjetà, il-miżżewġin jeżerċitaw id-drittijiet u jwettqu l-obbligi relatati magħha flimkien. Barra minn hekk, il-miżżewġin għandhom id-dritt li jippossjedu flimkien kull oġġett li jifforma parti mill-koproprjetà tagħhom. Meta r-reġim patrimonjali, li bih kull żieda fil-beni tinqasam, jintemm, ikunu aċċertati l-beni akkwistati ta' kull wieħed mill-miżżewġin u tiġi ddeterminata l-pretensjoni finanzjarja li tiġi mid-dmir għall-qsim tal-beni akkwistati.

Jekk il-miżżewġin ikunu jixtiequ jaqsmu l-proprjetà tagħhom mad-divorzju, il-proprjetà tinqasam skont ir-reġim patrimonjali magħżul jew skont ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali. Jekk il-miżżewġin jiffirmaw ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, dan jintemm fil-mument tad-divorzju. Ma' tmiem il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali fil-każ ta' divorzju, kull dritt u dmir li joħroġ mill-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali jintemm ukoll. Il-proprjetà titqassam skont il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Id-divorzju ma jaffettwax ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-ġenituri jibqa' jkollhom kustodja konġunta.

B'mod ġenerali, il-ġenituri għandhom jaqblu dwar ma' min se jgħixu t-tfal, min se jkun involut fit-trobbija tat-tfal u sa liema punt, kif ukoll kemm se jitħallas bħala manteniment u għal kemm żmien. Il-ħlas ta' kull xahar tal-manteniment għal tifel wieħed ma jistax ikun inqas minn nofs il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern Estonjan.

Jekk il-ġenituri ma jixtiqux u mhumiex kapaċi jeżerċitaw id-dritt tal-kustodja konġunta, kull ġenitur għandu d-dritt iressaq rikors il-qorti biex jingħatalu parzjalment jew kompletament il-jedd ta' kustodja tat-tifel.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi divorzjat huwa intitolat li jirċievi l-manteniment:

1)          sakemm it-tifel jilħaq l-età ta' tliet snin jekk, wara d-divorzju, il-konjuġi divorzjat ma jkunx jiflaħ imantni ruħu minħabba l-kustodja ta' bin il-konjuġi l-ieħor;

2)          jekk, wara d-divorzju, il-konjuġi divorzjat ma jkunx jiflaħ imantni ruħu minħabba l-età jew il-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu u jekk il-bżonn għal għajnuna minħabba l-età jew il-kundizzjoni tas-saħħa kienet diġà teżisti fil-mument tad-divorzju. Il-manteniment dovut minħabba l-età jew l-istat tas-saħħa jista' jintalab ukoll mill-konjuġi divorzjat l-ieħor f'każijiet fejn il-bżonn għal assistenza minħabba l-età jew l-istat tas-saħħa kien diġà jeżisti fil-mument li l-konjuġi tilef id-dritt li jieħu l-manteniment mill-konjuġi l-ieħor għal raġunijiet oħra previsti mil-liġi. Il-manteniment jitħallas sa kemm il-persuna intitolata għall-manteniment ma tkunx tista' tkun mistennija taqla' l-flus.

Missier huwa mistenni jipprovdi manteniment lil omm ibnu għat-tmien ġimgħat li jippreċedu t-twelid tat-tifel u għat-12-il ġimgħa ta' wara.

Qorti tista' teħles lil konjuġi divorzjat mill-obbligu li jipprovdi manteniment għal raġunijiet stipulati fil-liġi.

Konjuġi divorzjat intitolat li jirċievi manteniment jista' biss jitlob l-obbligu legali għall-għoti ta' manteniment wara li jiftaħ kawża.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Il-miżżewġin jitqiesu li jkunu legalment separati meta ma jibqgħux joqogħdu flimkien u ma jkollhomx xi tip ta' koeżistenza matrimonjali u jidher biċ-ċar li tal-inqas wieħed mill-miżżewġin ma għandux ir-rieda li jirritorna għaliha jew joħloqha.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-miżżewġin jgħixu separati.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Jekk miżżewġin ikunu legalment separati, kull wieħed minnhom ikun jista':

1)          jitlob mingħand il-konjuġi l-ieħor kull oġġett li kien jintuża fl-interess tal-familja jekk ikollu bżonn l-oġġett fid-dar separata tiegħu u jkollu interess leġittimu biex ikompli jużah. Kull għamara jew tagħmir domestiku standard tad-dar matrimonjali li jkun taż-żewġ miżżewġin flimkien jinqasam bejniethom fuq il-bażi tal-prinċipju ta' ekwità. B'mod ġenerali, iż-żewġ miżżewġin jistgħu jressqu talba biex jiksbu l-effetti personali li jkunu proprjetà individwali tagħhom. Kull koproprjetà (jiġifieri b'mod partikolari, li tkun koproprjetà tal-miżżewġin) tinqasam b'mod ġust u billi jitqiesu l-interessi ta' kull konjuġi u tat-tfal;

2)          jitlob lill-konjuġi l-ieħor jittrasferixxi d-dar matrimonjali jew parti minnha għall-użu esklussiv tiegħu jekk dan ikun neċessarju biex jiġu evitati kunflitti personali ewlenin. Għalkemm, l-ewwel u qabel kollox, dan għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet preferenzjali ta' sid il-post, il-post jista' jitħalla għall-uzu mill-konjuġi li ma jkunx is-sid, jekk il-qorti tqis li jkun neċessarju meta tqis il-mezzi taż-żewġ miżżewġin u l-interessi tat-tfal.

Jekk il-miżżewġin ikunu legalment separati, kull wieħed mill-miżżewġin irid jipprovdi manteniment fil-forma ta' ammonti ta' flus imħallsa b'mod regolari biex ikopru l-ispejjeż imġarrba mill-konjuġi l-ieħor fl-interess tal-familja.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ ifisser li ż-żwieġ jitqies li kien null mill-bidu nett. Żwieġ jista' jiġi annullat biss b'sentenza tal-qorti.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Annullament taż-żwieġ jista' jkun ibbażat fuq raġunijiet ta' invalidità taż-żwieġ speċifikati fl-Att dwar il-Liġi tal-Familja (perekonnaseadus), jiġifieri qorti tista' tannulla żwieġ permezz ta' kawża jekk:

1)          ir-rekwiżit li jikkonċerna l-età minima għaż-żwieġ jew li jikkonċerna l-kapaċità legali attiva ma jkunx ġie osservat fil-mument taż-żwieġ;

2)          il-projbizzjoni miż-żwieġ stabbilita fl-Att ma tkunx ġiet osservata fil-mument taż-żwieġ;

3)          ir-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Att ma jkunux ġew osservati fil-mument taż-żwieġ;

4)          tal-anqas wieħed mill-miżżewġin kellu disturb mentali temporanju jew ma kienx jista' jeżerċita r-rieda tiegħu għal kull raġuni oħra fil-mument taż-żwieġ;

5)          iż-żwieġ sar bi frodi jew ġegħil, inkluż billi jinħeba l-istat tas-saħħa jew dettalji personali oħrajn tal-konjuġi, meta dawk id-dettalji jkunu rilevanti għall-validità taż-żwieġ;

6)          ma kinitx l-intenzjoni ta' wieħed mill-miżżewġin jew tat-tnejn li huma li jwettqu l-obbligi li jiġu mill-istatus ta' miżżewweġ, imma ż-żwieġ sar għal finijiet oħra, partikolarment bl-intenzjoni li jinkiseb permess ta' residenza Estonjan (żwieġ ta' konvenjenza).

7)          il-konjuġi huma tal-istess sess minħabba bidla fis-sess li saret matul iż-żwieġ.

Barra minn hekk, żwieġ jitqies li jkun null, jekk:

1)          iż-żwieġ ikun bejn persuni tal-istess sess;

2)          il-fatt li ż-żwieġ ikun sar ikun ikkonfermat minn persuna li ma jkollux il-kompetenza ta' reġistratur, jew

3)          tal-inqas parti waħda ma tkunx esprimiet ix-xewqa li tidħol għaż-żwieġ.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Mal-annullament ta' żwieġ, iż-żwieġ jitqies li kien null mill-bidu nett. Persuni li ż-żwieġ tagħhom ikun ġie annullat ma jibqax ikollhom id-drittijiet u d-dmirijiet fir-rigward ta' xulxin li jiġu miż-żwieġ (inklużi dawk li jiġu minn kwalunkwe ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, li jitqies null ukoll).

Jekk żwieġ jiġi annullat minħabba li wieħed mill-miżżewġin ikun ħeba lill-konjuġi prospettiv l-ieħor li kien diġà miżżewweġ, jew ikun influwenza lill-konjuġi l-ieħor biex jiżżewġu bi frodi jew ġegħil, qorti tista' tordna lil dik il-persuna biex tħallas manteniment lill-persuna li kienet fi żwieġ null magħha billi tapplika r-regoli li jikkonċernaw l-għoti ta' manteniment lil konjuġi. Fuq talba tal-parti li tkun ġiet imġiegħla tiżżewweġ illegalment, qorti tista' tapplika dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-proprjetà matrimonjali għar-reġim patrimonjali tal-partijiet (jiġifieri koproprjetà tal-miżżewġin).

Tfal minn żwieġ annullat ikollhom l-istess drittijiet u dmirijiet bħal tfal minn żwieġ validu.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Uffiċċju tar-reġistru jew nutar jistgħu jagħtu d-divorzju bi ftehim bejn il-miżżewġin. Il-konsegwenzi legali ta' divorzju (eż. il-qsim tal-proprjetà matrimonjali) jistgħu jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-konjuġi involuti.

Fil-każ li l-miżżewġin ikollhom kwalunkwe tilwima fir-rigward taċ-ċirkostanzi tad-divorzju, ma hemm l-ebda mezzi ekstraġudizzjarji biex tinstab soluzzjoni.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Talba għal divorzju tista' tintbagħat lil:

1)          l-uffiċċju tar-reġistru tal-post tar-residenza ta' wieħed mill-miżżewġin (jekk ir-residenza taż-żewġ miżżewġin tkun l-Estonja);

2)          nutar;

3)          il-qorti tal-ewwel istanza li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tal-intimat (qorti tal-kontea).

Talba għall-annullament ta' żwieġ għandu jitressaq quddiem il-qorti tal-post tar-residenza tal-intimat.

Divorzju jingħata minn uffiċċju tar-reġistru fuq il-bażi ta' talba personali konġunta bil-miktub. Il-konjuġi għandhom jikkonfermaw fit-talba li ma għandhom l-ebda tilwim rigward tfal, il-qsim tal-koproprjetà jew l-ordnijiet għall-manteniment. Talbiet għal divorzju għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument li jiċċertifika ż-żwieġ. Jekk konjuġi minħabba raġunijiet validi ma jkunx jista' jidher personalment fl-uffiċċju tar-reġistru biex iressaq it-talba konġunta, huwa jkun jista' jibgħat talba separata li tkun iċċertifikata minn nutar. Dokumenti b'lingwa barranija għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju tar-reġistru bi traduzzjoni ċċertifikata minn nutar, uffiċjal konsulari jew traduttur ġuramentat. Kull dokument li jiċċertifika ż-żwieġ li jkun inħareġ minn pajjiż barrani jrid ikun legalizzat jew ikollu postilla, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fi ftehim internazzjonali.

Divorzju jingħata minn nutar fuq il-bażi ta' talba personali konġunta bil-miktub mingħand il-miżżewġin. Talbiet għal divorzju għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument li jiċċertifika ż-żwieġ. Jekk konjuġi minħabba raġunijiet validi ma jkunx jista' jidher personalment fl-uffiċċju tan-nutar biex iressaq it-talba konġunta, huwa jkun jista' jibgħat talba separata li tkun iċċertifikata minn nutar. Dokumenti b'lingwa barranija għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju tar-reġistru bi traduzzjoni ċċertifikata minn nutar, uffiċjal konsulari jew traduttur ġuramentat. Kull dokument li jiċċertifika ż-żwieġ li jkun inħareġ minn pajjiż barrani jrid ikun legalizzat jew ikollu postilla, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fi ftehim internazzjonali.

Fi kwistjoni matrimonjali biex tkun aġġudikata minn qorti Estonjana, kawża trid titressaq fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza matrimonjali tal-miżżewġin jew, jekk din ir-residenza ma teżistix fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tal-intimat. Jekk il-post tar-residenza tal-intimat ma tkunx fl-Estonja, il-kawża trid titressaq fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza ta' wild minuri tal-partijiet jew, fin-nuqqas ta' wlied minuri tal-partijeit, fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tar-rikorrent. Biex tinfetaħ kawża l-qorti għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta' żwieġ, ir-rikors irid jissodisfa r-rekwiżiti formali kollha stabbiliti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik) fir-rigward ta' kawża ċivili. Ir-rikors u kull evidenza dokumentata għandhom jintbagħtu lill-qorti bil-miktub jew b'mod elettroniku, bl-Estonjan u f'format A4.

Fir-rikors irid jiġi indikat isem il-qorti, id-dettalji personali tar-rikorrent u tal-intimat (il-miżżewġin) u ta' wliedhom, u l-pretensjoni espressa u ċara tar-rikorrent. Barra minn hekk, għandhom jiġu indikati ċ-ċirkostanzi fattwali li jikkostitwixxu l-bażi għall-kawża; ir-rikorrent għandu wkoll jelenka u jippreżenta kull evidenza li jista' jkollu.

Minbarra dan, jekk tkun se tinqasam xi koproprjetà, il-kompożizzjoni tal-proprjetà u fejn tinsab għandu jkun indikat fir-rikors, u għandu jiġi ddeterminat il-valur tal-oġġetti li jappartjenu lir-rikorrent u għandha ssir proposta dwar il-qsim tal-koproprjetà. Jekk il-miżżewġin kienu ffirmaw ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, dan għandu jinhemeż mar-rikors.

Ir-rikors irid ikun iffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu. Jekk dan isir minn rappreżentant, għandu jiġi inkluż dokument ta' awtorizzazzjoni jew dokument ieħor li jiċċertifika s-setgħat tar-rappreżentant.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Jekk il-persuna li titlob l-għajnuna legali ma tkunx tiflaħ tħallas l-ispejjeż proċedurali minħabba l-qagħda finanzjarja tiegħu jew jiflaħ iħallas biss parti minnhom jew bin-nifs, u jekk hemm raġuni suffiċenti biex jidher li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedimenti twassal biex jerbaħ il-kawża, il-qorti tista' tirrilaxxah mill-obbligu li jħallas l-ispejjeż proċedurali kollha jew għal parti minnhom u tħalli lill-istat ikopri dawk l-ispejjeż.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Appell jista' jitressaq kontra sentenza li tirrigwarda divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament taż-żwieġ skont id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċedimenti f'każ ta' appell, jekk l-parti li tappella tħoss li s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza kienet ibbażata fuq interpretazzjoni ħażina tal-liġi (eż. il-qorti tal-ewwel istanza tkun applikat inkorrettament dispożizzjoni ġuridika tad-dritt sostantiv jew tad-dritt proċedurali).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, sentenza dwar divorzju li ssir fi Stat Membru wieħed tkun rikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ħlief fid-Danimarka) mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Biex tikkontesta r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta' żwieġ, għandha tiġi indirizzata l-qorti tal-appell tal-Istat Membru kif indikat fil-lista ppubblikata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

Fl-Estonja din il-funzjoni taqdiha l-qorti distrettwali.

Il-proċedura u l-iskadenza għal appell minn deċiżjoni tal-qorti tiġi stabbilita fid-deċiżjoni tal-qorti.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fil-każ ta' divorzju, tapplika l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn jinsab il-post tar-residenza komuni tal-miżżewġin. Jekk il-miżżewġin joqogħdu f'pajjiżi differenti imma għandhom l-istess ċittadinanza, il-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ huma definiti fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li huma ċittadini tiegħu. Jekk il-miżżewġin joqogħdu f'pajjiżi differenti u għandhom ċittadinanza differenti, il-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ huma determinati fuq il-bażi tal-liġi tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar residenza komuni, sakemm wieħed mill-miżżewġin ikun għadu joqgħod f'dak il-pajjiż. Jekk fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-liġi applikata għall-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ ma jistgħux jiġu ddeterminati, tapplika l-liġi tal-pajjiż li l-miżżewġin għandhom l-iktar rabta qawwija miegħu fi kwalunkwe mod ieħor.

Jekk id-divorzju mhux permess skont il-liġi msemmija hawn fuq jew hija permessa biss skont kundizzjonijiet stretti ħafna, il-liġi Estonjana tapplika minflok jekk wieħed mill-miżżewġin ikun residenti l-Estonja jew ikollu ċittadinanza Estonjana jew kien residenti l-Estonja jew kellu ċittadinanza Estonjana fil-mument taż-żwieġ.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 23/10/2017