menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Divorzju - Ġibiltà

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-konjuġi jagħmel talba bil-miktub (petition) lill-qorti kompetenti.  Ir-rikorsi għad-divorzju jiġu ttrattati mill-Qorti Suprema (Supreme Court) u l-konjuġi jridu jressqu l-każ tagħhom quddiem dik il-qorti għad-divorzju tagħhom. Ir-rikorrent irid jipprova li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment u għandu jipprovdi evidenza ta’ wieħed mill-ħames fatti elenkati hawn taħt.

Ebda rikors għal divorzju ma jista’ jiġi ppreżentat fi żmien tliet snin mid-data taż-żwieġ. L-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma meta r-rikorrent ikun sofra tbatija eċċezzjonali, jew il-konvenut ikun wera tħassir morali eċċezzjonali, jew fejn ir-rikorrent kellu anqas minn 16-il sena fid-data taż-żwieġ.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

L-unika raġuni għal divorzju huwa t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. Sabiex jipprova li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, huwa meħtieġ li titressaq evidenza ta’ "fatt" konjugali wieħed jew aktar kif ġej:

  • li l-konjuġi l-ieħor wettaq adulterju u li r-rikorrent iqis li huwa intollerabbli li jgħix miegħu jew magħha;
  • l-imġiba mhux raġonevoli, li jfisser li l-konjuġi l-ieħor aġixxa b’mod li r-rikorrent ma jistax raġonevolment jiġi mistenni li jkompli jgħix miegħu jew magħha;
  • l-abbandun, li jfisser li l-konjuġi l-ieħor ikun telaq lir-rikorrent għal perjodu ta’ sentejn qabel ir-rikors għal divorzju;
  • is-separazzjoni tal-partijiet għal perjodu ta’ sentejn qabel ir-rikors għal divorzju (bil-kunsens tal-konjuġi l-ieħor);
  • is-separazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin qabel ir-rikors għal divorzju (mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor).

Il-qorti tivverifika sa fejn huwa possibbli l-fatti allegati mir-rikorrent u kull fatt allegat mill-konjuġi l-ieħor (intimat). Jekk il-qorti tkun konvinta dwar l-evidenza li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, jingħata digriet ta’ divorzju minn imħallef tal-Qorti Suprema, sakemm il-qorti tkun sodisfatta bl-arranġamenti rigward it-tfal tal-partijiet li jkunu qegħdin jiddivorzjaw.

Jekk il-qorti tkun sodisfatta li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, hija l-ewwel tagħti deċiżjoni provviżorja ta' divorzju (decree nisi). Wara perjodu ta’ sitt ġimgħat tista’ issir talba mill-parti li talbet id-divorzju, sabiex tikseb deċiżjoni finali ta' divorzju (decree absolute). Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-liġi ma tipprevedix terminu għat-tressiq ta' din it-talba.

Madankollu, jekk it-talba ta’ deċiżjoni finali ssir aktar minn 12-il xahar wara d-decree nisi, il-parti attriċi tkun meħtieġa tippreżenta magħha spjegazzjoni bil-miktub:

  • billi tagħti r-raġunijiet għal dan id-dewmien;
  • billi tiddikjara jekk il-konjuġi għexux ma’ xulxin mill-għoti tad-decree nisi u, jekk iva, f'liema dati; kif ukoll
  • billi tindika jekk, bħala mara, hija wellditx xi tfal wara l-għoti tad-decree nisi u, jekk iva, billi tiddikjara l-fatti rilevanti u jekk huwa jew mhuwiex qiegħed jiġi allegat li t-tfal huma jew jistgħu jkunu t-tfal tar-raġel.

L-imħallef jista’ jitlob lill-parti attriċi sabiex tippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata li tattesta l-ispjegazzjoni li hija tkun tat, u jista’ jagħti kull ordni dwar ir-rikors kif jidhirlu xieraq.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Iż-żwieġ jinħall b’tali mod li ma hemm l-ebda dmir ieħor ta' koabitazzjoni jew ta' tkomplija ta' kull relazzjoni personali ulterjuri sakemm il-partijiet ma jkunux jixtiequ dan. Il-partijiet huma liberi li jerġgħu jiżżewġu jekk ikunu jixtiequ. Huma jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom ta' miżżewġin jew jerġgħu lura għal kunjomhom ta' qabel iż-żwieġ jekk jixtiequ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Dan jiġi ddeterminat mill-qorti fis-smigħ tal-fatti ta’ kull każ. Anki meta jkun hemm ftehim bejn il-partijiet, il-qorti għandha s-setgħa b’mod ġenerali li tapprovah jew li temendah.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Jew qabel jew wara li l-Qorti Suprema tagħti d-deċiżjoni finali, hija għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar il-kustodja, il-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal taż-żwieġ jew anki tordna li jinbdew il-proċedimenti biex it-tfal jitqiegħdu taħt il-protezzjoni tal-Qorti. Il-Qorti Suprema ma tistax tagħti deċiżjoni definittiva ta’ divorzju sakemm ma tkunx issodisfatta li jkunu saru arranġamenti sodisfaċenti għat-tfal.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Fuq l-għoti ta' decree nisi għad-divorzju jew f'kull ħin sussegwenti, il-Qorti Suprema għandha s-setgħa li tordna li r-raġel iħallas lil martu, matul il-ħajja komuni tagħhom, tali somma kull xahar jew kull ġimgħa għall-manteniment u appoġġ tal-mara kif il-Qorti jidhrilha xieraq. L-intitolament tal-mara għal manteniment jieqaf ladarba hija terġa' tiżżewweġ iżda kull manteniment għat-tfal ta’ żwieġ ma jiġix affettwat minn żwieġ mill-ġdid tal-omm.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Skont il-liġi ta’ Ġibiltà, is-separazzjoni legali hija riferuta bħala “separazzjoni ġudizzjarja”. Meta jingħata tali ordni, ir-rikorrent ikun liberu li ma jgħixx aktar taħt l-istess saqaf bħall-konjuġi tiegħu. Madankollu, huwa ma jkunx jista' jerġa’ jiżżewweġ. Fil-fatt, is-separazzjoni ġudizzjarja hija għażla għal konjuġi li ż-żwieġ tagħhom tkisser iżda li ma jixtiqux jerġgħu jiżżewġu. Rikorrent għal separazzjoni ġudizzjarja mhuwiex obbligat jipprova li ż-żwieġ tiegħu jkun tkisser b’mod irrimedjabbli. Huwa possibbli li ssir talba għal ordni ta' divorzju wara li jingħata ordni ta’ separazzjoni ġudizzjarja.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ir-rikorrent għandu jipprovdi evidenza ta’ wieħed jew aktar mill-fatti meħtieġa biex jiġi ppruvat ix-xoljiment taż-żwieġ, u, għall-kuntrarju għat-talba ta' divorzju, ma għandux għalfejn jistenna tliet snin mid-data taż-żwieġ biex jibda l-proċeduri.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut mingħajr ma tkun għamlet testment, il-proprjetà tagħha titqassam abbażi tar-regoli ta’ suċċessjoni ab intestato u deċiżjoni għal separazzjoni ġudizzjarja għandha l-istess effett bħal divorzju. Għalhekk, ebda konjuġi ma jkollu sussegwentement dritt ta’ proprjetà tal-parti ab intestato.  Madankollu, jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut wara li tkun għamlet testment, is-separazzjoni ġudizzjarja ma jkollhiex effett fuq l-intitolament abbażi ta' dak it-testment meta, pereżempju, il-parti superstiti li tkun separata b'ordni tal-qorti tiġi nnominata bħala benefiċjarja abbażi ta' dak it-testment.

Fir-rigward tat-tqassim tal-beni, id-dispożizzjonijiet applikabbli għal divorzju jgħoddu wkoll għal separazzjoni ġudizzjarja.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Hemm żewġ forom ta’ annullament taż-żwieġ. Iż-żwieġ jista’ jiġi ddikjarat “null”, li jfisser li ż-żwieġ qatt ma kien validu u qatt ma eżista. F'ċerti ċirkustanzi, iż-żwieġ jista’ jiġi vvizzjat b'nullità relattiva (voidable marriage), li tfisser li wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob sabiex iż-żwieġ jiġi ddikjarat bħala invalidu. Huwa possibbli li ż-żwieġ ikompli jekk iż-żewġ konjuġi jkunu kuntenti b'dan.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ ikun null u invalidu jekk:

  • ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet tal-Att taż-Żwieġ;
  • fil-mument taż-żwieġ waħda mill-partijiet kienet diġà miżżewġa legalment;
  • il-partijiet mhumiex ta’ sess differenti; parti waħda mill-konjuġi jrid ikun raġel u l-parti l-oħra trid tkun mara biex żwieġ ikun validu;
  • fil-każ ta’ żwieġ poligamu mwettaq barra minn Ġibiltà, fejn wieħed mill-konjuġi kien residenti f’Ġibiltà fil-mument taż-żwieġ.

Żwieġ huwa vvizzjat b'nullità relattiva meta:

  • iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat minħabba l-inkapaċità ta’ wieħed mill-konjuġi;
  • iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat minħabba r-rifjut intenzjonali tal-intimat;
  • wieħed mill-konjuġi ma jkunx ta il-kunsens liberu tiegħu għaż-żwieġ, minħabba li kien taħt pressjoni u kien mġiegħel jaqbel, kellu idea żbaljata dwar l-effetti legali taż-żwieġ, jew kien mentalment inkapaċi li japprezza l-effetti tad-deċiżjoni tiegħu li jiżżewweġ;
  • fid-data taż-żwieġ wieħed mill-konjuġi kien isofri minn mard mentali ta’ tip tali li tagħmlu mhux xieraq għal żwieġ jew minn mard sesswali li jittieħed, u r-rikorrent ma kienx konxju ta’ dan il-fatt f’dak iż-żmien;
  • fid-data taż-żwieġ il-konjuġi kienet tqila minn xi ħaddieħor li ma kienx ir-rikorrent u r-rikorrent ma kienx konxju ta’ dan il-fatt f’dak iż-żmien.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Ladarba tiġi ddikjarata n-nullità ta’ żwieġ, dan ikun null u bla effett. Madankollu, meta jkun hemm xi tfal minn dan iż-żwieġ, il-Qorti Suprema trid tkun issodisfata li jkunu saru arranġamenti xierqa. Jista' jsir provvediment għall-ħlas ta’ manteniment u għall-kustodja / manteniment tat-tfal.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà biss hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar id-divorzju. Madankollu, tista' tinkiseb xi assistenza soċjali permezz ta’ konsulenzi matrimonjali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar.

It-talba ssir permezz ta’ rikors u għandha tkun sostnuta permezz ta' evidenza ġuramentata, inkluż kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ, kopji taċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal, u mir-raġunijiet għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament. Għandha ssir referenza wkoll għat-tfal taż-żwieġ u ċ-ċirkustanzi finanzjarji tar-rikorrent. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar, telefown (+ 350) 200 75608.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali tista’ tinkiseb jekk il-kriterji rilevanti ta’ dħul jiġu sodisfatti. Il-formularji u aktar dettalji huma disponibbli mir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Ir-revoka ta’ deċiżjoni ta’ divorzju jew annullament tista’ ssir f’kull ħin qabel ma d-deċiżjoni ssir definittiva. F’każ ta’ separazzjoni ġudizzjarja, f’ċerti ċirkustanzi, id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata f'kull ħin wara l-għoti tagħha. L-ordnijiet dwar il-manteniment u l-kustodja u l-manteniment tat-tfal jistgħu jiġu riveduti wara li d-deċiżjoni ssir definittiva.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea (KE) Nru 2201/2003 jipprovdi li deċiżjoni li twassal għal divorzju, separazzjoni legali (separazzjoni ġudizzjarja) jew annullament ta’ żwieġ mogħtija fi Stat Membru wieħed tkun tista' tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra. Id-dokumenti meħtieġa jistgħu jinkisbu mill-qorti li ħarġet l-ordni u għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Suprema.

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kwistjonijiet ta’ tort, il-konsegwenzi tal-proprjetà fiż-żwieġ, il-manteniment jew xi kwistjonijiet anċillari oħra. Għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti kkonċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġuriżdizzjoni.

Ir-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat jekk id-deċiżjoni tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku, meta tingħata b’kontumaċja, jekk il-konvenut ma jkunx ġie notifikat b’dokumenti rilevanti fi żmien suffiċjenti, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet f’Ġibiltà, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti f’pajjiż ieħor, sakemm is-sentenza preċedenti tista' tiġi rikonoxxuta f’Ġibiltà.

Kull parti interessata tista' titlob għal deċiżjoni ta' rikonoxximent jew ta' nonrikonoxximent tas-sentenza. Il-Qorti Suprema tista’ tissospendi l-proċedimenti jekk ikun ġie preżentat appell mis-sentenza li tagħha qiegħed jintalab ir-rikonoxximent.

Jekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi rikonoxxuta skont dan ir-Regolament l-arranġamenti għar-rikonoxximent ta’ divorzji miksuba barra mill-pajjiż huma previsti fl-Att dwar il-Kawżi Matrimonjali (Matrimonial Causes Act). Dan jipprovdi li:

Il-validità ta' divorzju jew separazzjoni legali miksuba barra mill-pajjiż permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji għandha tkun rikonoxxuta jekk:

  • id-divorzju jew is-separazzjoni legali tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet; kif ukoll
  • fid-data rilevanti (jiġifieri fid-data meta bdew il-proċeduri biex jinkiseb divorzju), parti fiż-żwieġ
    • kienet residenti abitwali fil-pajjiż fejn inkiseb id-divorzju jew is-separazzjoni ġudizzjarja; jew
    • kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew
    • kienet ċittadina ta' dak il-pajjiż.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Id-divorzji u s-separazzjonijiet legali f’pajjiżi oħra jkunu rikonoxxuti mil-liġi ta’ Ġibiltà jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Jekk issir oġġezzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali divorzju/separazzjoni legali, jista’ jkun minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar il-Kawżi Matrimonjali ma tkunx ġiet sodisfatta. Fit-tali każ, jista’ jkun xieraq li ssir talba lill-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li tikkonstata l-invalidità ta' divorzju / separazzjoni legali partikolari miksuba f’pajjiż ieħor.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati f’Ġibiltà dejjem japplikaw il-liġi f’Ġibiltà għall-kawżi mressqa quddiemhom. Il-qrati jkollhom ġuriżdizzjoni biex jittrattaw każijiet ta' divorzju, anki jekk iż-żwieġ ikun sar barra mill-pajjiż, jekk xi waħda mill-partijiet fiż-żwieġ:

  • tkun domiċiljata f’Ġibiltà fid-data meta jinbdew il-proċedimenti; jew
  • kienet abitwalment residenti f’Ġibiltà matul il-perjodu ta’ sena li jintemm f’dik id-data.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2019