Schließen

DIE BETAVERSION DES PORTALS IST JETZT ONLINE!

Besuchen Sie die Betaversion des Europäischen Justizportals und lassen Sie uns wissen, was Sie darüber denken!

 
 

Navigationsleiste

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Divorzju - Portugall

Hinweis: Die ursprüngliche Sprachfassung dieser Seite Portugiesisch wurde unlängst geändert. Die Sprachfassung, die Sie ausgewählt haben, wird gerade von unserer Übersetzungsabteilung erstellt.

LISTA TAL- KONTENUT

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fil-Portugall, divorzju jista' jinkiseb bil-kunsens tat-tnejn jew b'azzjoni kkontestata.

L-ewwel metodu jinvolvi l-qbil taż-żewġ konjuġi għall-ħall taż-żwieġ u, fil-prinċipju, għall-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi fil-bżonn, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta' tfal taħt l-età, u x'se jsir mid-dar matrimonjali.

Divorzju kkontestat isir b'rikors il-qorti minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor, abbażi ta' fatti stabbiliti legalment li, irrispettivament mill-ħtija marbuta mal-miżżewġin, juru t-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

F'divorzju bil-kunsens tat-tnejn, il-miżżewġin ma hemmx għalfejn jagħtu l-motivazzjoni għar-rikors tagħhom.

Dawn li ġejjin huma motivazzjonijiet ulterjuri għal divorzju kkontestat:

a) Separazzjoni de facto għal sena sħiħa. Huwa mifhum li separazzjoni de facto teżisti għal dawn il-finijiet meta ma jkunx hemm ħajja konjugali bejn il-miżżewġin u wieħed minnhom jew it-tnejn li huma ma għandhom l-ebda intenzjoni li jistabbiluha mill-ġdid;

b) Bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li damet għal iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibilità ta' ħajja konjugali;

c) Assenza, mingħajr ebda aħbar mingħand il-parti nieqsa, għal perjodu ta' mhux inqas minn sena;

d) Kull fatt ieħor li, irrispettivament mill-ħtija marbuta mal-miżżewġin, huwa prova tat-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju jħoll iż-żwieġ u għandu l-istess effetti ġuridiċi bħall-ħall minħabba l-mewt, ħlief għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-liġi.

L-effetti tad-divorzju jiġu prodotti mill-mument li d-deċiżjoni rispettiva ssir finali u inappellabbli, imma huma retroattivi mid-data li fiha nfetħet il-kawża fir-rigward tar-relazzjonijiet relatati mal-proprjetà ta' bejn il-miżżewġin.

Jekk il-proċess juri s-separazzjoni de facto tal-miżżewġin, kull wieħed minnhom jista' jitlob li l-effetti tad-divorzju jkunu retroattivi minn dakinhar li bdiet is-separazzjoni, kif deċiż fid-deċiżjoni.

Minkejja d-divorzju, persuna miżżewġa li tkun ħadet  kunjom il-konjuġi tagħha tista' tibqa' żżommu sakemm ikollha l-kunsens tiegħu jew tkun awtorizzata mill-qorti, bil-kundizzjoni tal-eżistenza tal-motivazzjonijiet iddikjarati. Il-kunsens mill-ekskonjuġi jista' jingħata b'dokument notarili, dokument imfassal fil-qorti (dikjarazzjoni tal-intenzjoni bil-miktub tal-parti, irreġistrata fil-proċedimenti) jew dikjarazzjoni quddiem uffiċjal tar-reġistru. Ir-rikors għal awtorizzazzjoni mill-qorti għall-użu tal-kunjom tal-ekskonjuġi jista' jitressaq fil-proċedimenti tad-divorzju jew fil-proċedimenti tas-separazzjoni, anke wara li jiġi dekratat id-divorzju.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fil-każ ta' divorzju, l-ebda waħda mill-persuni miżżewġin ma tista' tirċievi iktar milli kienet tirċievi li kieku ż-żwieġ kien bis-sistema tal-komunità tal-akkwisti miksuba ex post facto.

Kull konjuġi jitlef il-benefiċċji kollha li jirċievi jew li jkun se jirċievi mingħand il-konjuġi l-ieħor jew mingħand parti terza fir-rigward taż-żwieġ jew b'kunsiderazzjoni tal-istat ta' miżżewweġ, irrispettivament minn jekk l-istipulazzjoni saritx qabel jew wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Id-donatur jista' jiddetermina li l-benefiċċju jmur għand it-tfal taż-żwieġ.

L-effetti tad-divorzju fir-rigward tar-relazzjonijiet relatati mal-proprjetà ta' bejn il-miżżewġin jiġu prodotti mill-mument li d-deċiżjoni tad-divorzju ssir finali u inappellabbli, imma jkollha effett retroattiv minn dakinhar li nfetħet il-kawża.

Jekk fil-proċedimenti tkun ippruvata s-separazzjoni de facto tal-miżżewġin, kull wieħed minnhom jista' jitlob li l-effetti tad-divorzju jkunu retroattivi minn dakinhar li bdiet is-separazzjoni, kif deċiż fid-deċiżjoni.

Il-qorti tista' tikri d-dar matrimonjali li kull wieħed mill-miżżewġin, sew jekk tkun koproprjetà u sew jekk tkun tal-konjuġi l-ieħor, filwaqt li tqis il-bżonnijiet ta' kull konjuġi u l-interessi tat-tfal taż-żwieġ. Il-kiri huwa suġġett għar-regoli dwar il-kiri ta' akkomodazzjoni, imma l-qorti tista' tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ftehim, wara li tkun semgħet il-miżżewġin, u tista' ttemm il-kirja fuq talba ta' sid il-kera meta dan ikun iġġustifikat minn ċirkostanzi intervenjenti. L-arranġamenti stabbiliti, jew b'approvazzjoni tal-ftehim bejn il-miżżewġin jew b'ordni ġudizzjarju, jistgħu jiġu emendati skont it-termini ġenerali tal-ġuriżdizzjoni volontarja.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Fil-każ ta' divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, dikjarazzjoni ta' nullità jew annullament taż-żwieġ, l-arranġamenti għat-tfal, il-manteniment dovut lilhom u l-metodu tal-ħlas tal-manteniment ikun irregolat minn ftehim bejn il-ġenituri, suġġett għall-approvazzjoni mill-qorti (jew tar-Reġistratur Pubbliku fi proċedimenti ta' separazzjoni u divorzju bil-kunsens tat-tnejn).

Fin-nuqqas ta' ftehim, il-qorti tieħu deċiżjoni skont l-interessi tal-minuri, inkluż l-interess li tinżamm relazzjoni mill-qrib maż-żewġ ġenituri, l-inkoraġġiment u l-aċċettazzjoni ta' ftehimiet jew it-teħid ta' deċiżjonijiet li jħeġġu opportunitajiet ampji ta' kuntatt maż-żewġ ġenituri u l-qsim tar-responsabbiltà bejniethom. Il-kustodja ta' minuri tista' tingħata lil kwalunkwe ġenitur, persuna terza jew stabbiliment ta' riedukazzjoni jew kura.

Għal aktar tagħrif ara l-iskeda informattiva relatata mar-"Responsabbiltà tal-ġenituri"

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Kull konjuġi jrid jipprovdi għas-sussistenza tiegħu wara d-divorzju. Kull wieħed mill-miżżewġin huwa intitolat għal manteniment, irrispettivament mit-tip ta' divorzju. Għal raġunijiet ovvji ta' ġustizzja, id-dritt għall-manteniment jista' jiġi miċħud.

Waqt li tkun qed tistabbilixxi l-ammont tal-manteniment, il-qorti trid tqis it-tul taż-żwieġ, il-kontribuzzjoni li saret lejn il-finanzi tal-familja, l-età u l-istat tas-saħħa tal-miżżewġin, il-kwalifiki professjonali u l-possibilitajiet ta' impjieg tagħhom, iż-żmien li se jkollhom possibbilment iqattgħu jrabbu t-tfal komuni tagħhom, il-qligħ u l-introjti tagħhom u, b'mod ġenerali, iċ-ċirkostanzi kollha li jaffettwaw il-bżonnijiet tal-konjuġi li jirċievi l-manteniment u l-possibilitajiet li l-persuna tħallas il-manteniment.

Il-qorti trid tagħti preċedenza lil kull obbligu ta' manteniment relatat mat-tfal tal-konjuġi debitur fuq l-obbligu lejn l-ekskonjuġi li jiġi mid-divorzju.

Il-konjuġi kreditur ma għandu l-ebda dritt jitlob li jżomm l-istandard tal-għajxien li gawda matul iż-żwieġ.

Għal aktar tagħrif ara l-iskeda informattiva relatata mal-"Manteniment".

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni ġudizzjarja ma tħollx iż-żwieġ imma ttemm id-dmirijiet ta' koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-manteniment.

Fir-rigward tal-proprjetà, is-separazzjoni tipproduċi l-istess effetti li jipproduċi l-ħall taż-żwieġ.

Is-separazzjoni ġudizzjarja tintemm bir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin jew il-ħall taż-żwieġ.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja, sew jekk ikkontestata u sew jekk bil-kunsens tat-tnejn, huma l-istess bħal għal divorzju b'azzjoni kkontestata, mutatis mutandis.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija Nru 4, is-separazzjoni ġudizzjarja ttemm id-dmirijiet ta' koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-manteniment. Fir-rigward tal-proprjetà, is-separazzjoni ġudizzjarja tipproduċi l-istess effetti li jipproduċi l-ħall taż-żwieġ.

Id-dispożizzjonijiet dwar id-divorzju japplikaw, mutatis mutandis, għas-separazzjoni ġudizzjarja.

Is-separazzjoni ġudizzjarja tista' tinbidel f'divorzju, għalkemm din mhix prekundizzjoni għal divorzju jew stadju fil-proċedimenti tad-divorzju.

Fil-fatt, jekk il-miżżewġin ma jirrikonċiljawx sena wara d-deċiżjoni li tiddekreta li s-separazzjoni ġudizzjarja (sew jekk ikkontestata u sew jekk bil-kunsens tat-tnejn) tkun saret finali u inappellabbli, kull wieħed minnhom ikun jista' japplika biex is-separazzjoni tiġi kkonvertita f'divorzju. Jekk it-tnejn li huma jitolbu l-konverżjoni, il-perjodu speċifikat ma hemmx għalfejn jiġi osservat u tingħata s-sentenza direttament.

Jekk il-konverżjoni tintalab minn wieħed mill-miżżewġin, il-parti l-oħra tkun innotifikata personalment jew permezz tar-rappreżentant legali tagħha biex iressaq appell - li jista' jkun ibbażat biss fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin- fi żmien 15-il jum. Wara li tiġi ppreżentata l-evidenza, l-imħallef jaqta' s-sentenza dwar l-appell fi żmien 15-il jum.

Il-konverżjoni minn separazzjoni ġudizzjarja għal divorzju tista' tintalab ukoll fi kwalunkwe uffiċċju tar-reġistru ċivili. It-talba, motivata bil-fatti u bil-liġi, trid issir permezz ta' rikors ippreżentat fl-uffiċċju tar-reġistru u tipprovdi l-evidenza u l-provi dokumentati mehmużin miegħu.

L-intimat jiġi nnotifikat biex iressaq appell fi żmien 15-il jum, jippreżenta l-evidenza u jehmeż il-provi dokumentati.

Jekk ma jkun hemm l-ebda appell u jitqies li l-fatti indikati mir-rikorrent ġew ikkonfermati, ir-reġistratur, wara li jara li r-rekwiżiti ġuridiċi jkunu ġew issodisfati, jiddikjara r-rikors milqugħ.

Jekk jiġi ppreżentat appell, ir-reġistratur jiskeda tentattiv ta' rikonċiljazzjoni, li jrid isir fi żmien 15-il jum, u jista' jordna l-prestazzjoni ta' atti ġuridiċi u l-produzzjoni tal-evidenza meħtieġa biex jivverifika r-rekwiżiti ġuridiċi.

Jekk l-intimat jappella u jkun jidher biċ-ċar li impossibbli li jinstab qbil, il-partijiet ikunu nnotifikati biex jitolbu l-produzzjoni ta' evidenza ġdida fi żmien tmint ijiem. Il-każ imbagħad jiġi rinvijat lill-qorti ġudizzjarja tal-ewwel istanza b'ġuriżdizzjoni fuq il-materja li tkun tal-istess kostitwenza tal-uffiċċju tar-reġistru.

Bil-każ rinvijat lill-qorti tal-ġustizzja, l-imħallef jordna l-preżentazzjoni tal-evidenza u jiskeda s-seduta.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

"Annullament taż-żwieġ" ifisser it-tmiem tal-effett ġuridiċi taż-żwieġ bl-invokazzjoni ta' difett sinifikanti li jaffettwa ż-żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwiġijiet ikkuntrattati fiċ-ċirkostanzi li ġejjin jistgħu jiġu annullati:

a) jekk ikun hemm impediment li jġib in-nullità (assolut jew relattiv);

b) jekk ikun hemm nuqqas ta' kunsens jew kunsens li jġib in-nullità minħabba żball jew ġegħil ta' parti waħda jew tat-tnejn li huma;

c) jekk jkun ġie ċċelebrat mingħajr xhieda meta l-liġi titlob li jkun hemm ix-xhieda.

Dawn li ġejjin huma impedimenti assoluti li jġibu n-nullità, li jostakolaw iż-żwieġ tal-persuna ikkonċernata ma' kull persuna oħra:

a) età ta' inqas minn 16-il sena;

b) demenzja, anke waqt perjodi ta' luċidità, u projbizzjoni jew inabilitazzjoni minħabba diżordni mentali;

c) żwieġ preċedenti mhux maħlul, sew jekk Kattoliku u sew jekk ċivili, anke jekk l-annotazzjoni rispettiva ma tkunx saret fir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet.

Dawn li ġejjin huma impedimenti relattivi li jġibu n-nullità, li jostakolaw iż-żwieġ tal-persuni kkonċernati ma' xulxin:

a) konsangwinità fil-linja diretta;

b) konsangwinità fit-tieni grad tal-linja kollaterali;

c) affinità fil-linja diretta;

d) il-kundanna preċedenti ta' wieħed mill-miżżewġin li kien l-awtur jew kompliċi ta' attentat ta' qtil, anke jekk ma rnexxiex, tal-konjuġi tal-parti l-oħra.

Iż-żwieġ jista' jiġi annullat fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kunsens:

a) jekk fil-mument li kien qed jiġi ċċelebrat iż-żwieġ, waħda mill-partijiet ma kinitx konxja tal-azzjonijiet tagħha minħabba diżabbiltà aċċidentali jew kawżi oħrajn;

b) jekk waħda mill-partijiet kienet imqarrqa fir-rigward tal-identità fiżika tal-parti l-oħra;

c) jekk id-dikjarazzjoni tal-kunsens inkisbet b'ġegħil fiżiku;

d) jekk il-kunsens kien simulat.

L-iżball li jagħmel il-kunsens vizzjat huwa rilevanti biss għall-finijiet ta' annullament meta jkun ibbażat fuq kwalitajiet personali essenzjali tal-konjuġi l-ieħor u jkun ippruvat li ż-żwieġ ma kienx raġonevolment iseħħ mingħajru.

Żwiġijiet iċċelebrati b'ġegħil morali jistgħu jkunu annullati jekk waħda mill-partijiet tkun qiegħda tiġi mhedda illegalment u serjament u l-biża' tagħha li t-theddida sseħħ realment hija ġġustifikata.

Jekk xi ħadd, konxjament u illegalment, jikseb id-dikjarazzjoni tal-kunsens mill-parti l-oħra billi jwegħedha li jilliberaha minn dannu imprevedibbli jew dannu kkawżat minn oħrajn, dan ikun ekwivalenti għal theddida illegali.

Id-dikjarazzjoni tal-kunsens, fl-att taċ-ċelebrazzjoni, tikkostitwixxi l-preżunzjoni mhux biss li l-konjuġi jkunu jixtiequ jiżżewġu, imma li kunsens tagħhom ma jkunx vizzjat bi żball jew ġegħil.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-annullament ta' żwieġ ċivili, meta iż-żewġ partijiet jkunu daħlu għalih b'bona fide, jieħu effett b'relazzjoni ma' xulxin u ma' partijiet terzi meta d-deċiżjoni rispettiva ssir finali u inappellabbli.

Jekk wieħed biss mill-miżżewġin ikun daħal fil-kuntratt b'bona fide, ikun dak il-konjuġi biss li jkun jista' jitlob il-benefiċċji ta' status ta' miżżewweġ u jikkontestahom fir-rigward ta' partijiet terżi, sakemm dan ikun sempliċement riflessjoni tar-relazzjoni bejn il-miżżewġin.

Il-konjuġi li jkun daħal għall-kuntratt taż-żwieġ f'injoranza skużabbli tad-difett li jikkawża n-nullità jew l-annullament jew li d-dikjarazzjoni ta' kunsens tiegħu inkisbet b'ġegħil fiżiku jew morali jitqies li jkun daħal għaż-żwieġ b'bona fide.

Il-qrati Statali huma responsabbli biss għall-għarfien ġudizzjarju tal-bona fide. Il-bona fide tal-miżżewġin hija preżunta.

Ladarba ż-żwieġ ikun iddikjarat null jew annullat, il-konjuġi b'bona fide jibqa' bid-dritt għall-manteniment wara li d-deċiżjoni ssir finali u inappellabbli jew id-deċiżjoni tiġi rreġistrata.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Qabel il-bidu tal-proċess tad-divorzju, l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili jew il-qorti trid tinforma lill-miżżewġin bl-eżistenza u bl-għanijiet tas-servizzi tal-medjazzjoni familjari.

Il-medjazzjoni familjari hija metodu ekstraġudizzjarju biex issolvi l-kunflitti fir-relazzjonijiet familjari, fejn il-partijiet, bil-parteċipazzjoni personali u diretta tagħhom u bl-għajnuna ta' medjatur tal-kunflitti, jippruvaw jilħqu ftehim.

L-użu ta' dan il-mezz alternattiv ta' soluzzjoni għat-tilwim jista' jsolvi kunflitti li jirriżultaw mir-regolamentazzjoni, l-emenda u n-nuqqas ta' konformità mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja, il-konverżjoni ta' separazzjoni ġudizzjarja f'divorzju, ir-rikonċiljazzjoni ta' konjuġi separati, l-assenjazzjoni u l-emenda tal-manteniment provviżorju u definittiv, l-assenjazzjoni tad-dar matrimonjali, iċ-ċaħda tad-dritt tal-użu ta' kunjom il-konjuġi l-ieħor u l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-kunjom tal-ekskonjuġi.

Il-Medjatur Familjari huwa professjonist b'liċenzja mill-Ministeru tal-Ġustizzja [Ministério da Justiça] li huwa responsabbli għat-tmexxija ta' laqgħat b'indipendenza u imparzjalità biex jgħin lill-partijiet jaslu għal qbil bejniethom.

Id-divorzju b'kunsens tat-tnejn jintalab fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili, ħlief f'sitwazzjonijiet li jiġu minn ftehim miksub fil-proċedimenti għal divorzju kkontestat u bil-kundizzjoni li t-talba għal divorzju b'kunsens tat-tnejn ikun akkumpanjat minn lista dettaljata tal-beni komuni, qbil dwar x'se jsir mid-dar matrimonjali, qbil dwar il-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li jkun jeħtieġ manteniment u ċertifikat tas-sentenza tal-qorti li tirregola l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew qbil dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta' kwalunkwe tfal taħt l-età, meta dan ma jkunx diġà ġie deċiż mill-qrati.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Separazzjoni u divorzju bil-kunsens tat-tnejn

It-talba għas-separazzjoni u d-divorzju bil-kunsens tat-tnejn issir fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili miż-żewġ konjuġi, bi qbil reċiproku. It-talba trid tkun akkumpanjata mid-dokument li ġejjin:

a) lista dettaljata tal-beni komuni bi speċifikazzjoni tal-valuri rispettivi tagħhom, jew, jekk il-miżżewġin jagħżlu li jaqsmu dawn il-beni, ftehim dwar il-qsim jew talba biex jitfassal dan il-ftehim;

b) ċertifikat tas-sentenza tal-qorti dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew ftehim dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta' tfal taħt l-età, meta din ma tkunx diġà ġiet deċiża mill-qrati;

c) ftehim dwar il-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li jeħtieġ il-manteniment;

d) ftehim dwar x'se jiġri mid-dar matrimonjali;

e) ċertifikat tal-ftehim ta' qabel iż-żwieġ, jekk ikun hemm wieħed.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fid-dokumenti mibgħuta, huwa mifhum li l-ftehimiet japplikaw kemm għall-perjodu tal-proċedimenti u kemm għall-perjodu sussegwenti.

Il-proċedimenti għal separazzjoni ġudizzjarja jew divorzju bil-kunsens tat-tnejn jinfetħu b'rikors iffirmat mill-miżżewġin jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili. Ir-rikors jiġi ppreżentat bid-dokumenti msemmijin fuq u ċertifikat li jinkludi kopja sħiħa taċ-ċertifikat taż-żwieġ.

Wara li jirċievi r-rikors, ir-reġistratur jistieden lill-miżżewġin għal laqgħa li matulha jridu jaraw li l-prerekwiżiti ġuridiċi jkunu ssodisfati. Fil-laqgħa, il-miżżewġin ikunu infurmati bl-eżistenza tas-servizzi tal-medjazzjoni familjari; jekk il-miżżewġin xorta jkun beħsiebhom jiddivorzjaw, jiġu kkunsidrati l-ftehimiet u l-miżżewġin ikunu mistiedna jemendawhom jekk ma jħarsux dovutament l-interessi ta' wieħed minnhom jew tat-tfal. Għal din il-fini jistgħu jsiru atti ġuridiċi u tinġabar l-evidenza. Jekk ir-rekwiżiti ġuridiċi u l-proċeduri msemmija fuq ikunu osservati, ir-reġistratur jilqa' r-rikors.

Meta jiġi ppreżentat ftehim dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq tfal taħt l-età, il-proċedimenti jiġu rinvijati lill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-qorti tal-ewwel istanza li jkollha ġuriżdizzjoni fil-kwistjoni fl-istess distrett ġudizzjarju fejn jinsab l-uffiċċju tar-reġistru ċivili, biex dan l-uffiċċju jagħti opinjoni dwar il-ftehim fi żmien 30 jum.

Jekk l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jqis li l-ftehim ma jħarisx dovutament l-interessi tal-minuri, ir-rikorrenti jkunu jistgħu jalterawh kif mitluba jew jibagħtu ftehim ġdid. Fil-każ tal-aħħar, il-ftehim jerġa' jintbagħat lill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku. Jekk dan iqis li l-ftehim iħares dovutament l-interessi tal-minuri jew jekk il-miżżewġin ikunu alteraw il-ftehim kif indikat mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, jiġi dekratat id-divorzju.

Fil-każijiet fejn ir-rikorrenti ma jaqblux mal-alterazzjonijiet indikati mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u xorta jkun beħsiebhom jiddivorzjaw u/jew il-ftehimiet mibgħuta ma jkunux iħarsu biżżejjed l-interessi ta' wieħed mill-miżżewġin, l-approvazzjoni ma tingħatax u l-proċediment tad-divorzju jiġi rinvijat lill-qorti tad-distrett fejn jinsab l-uffiċċju tar-reġistru ċivili.

Wara li jirċievi l-każ, l-imħallef iqis il-ftehimiet li ppreżentaw il-miżżewġin, u jistedinhom jemendawhom jekk ma jkunux iħarsu l-interessi ta' wieħed minnhom jew tat-tfal tagħhom.

L-imħallef imbagħad jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju fuq il-kwistjonijiet li l-miżżewġin ma jkunux emendaw. Jekk kwalunkwe ftehim ma jkunx iħares biżżejjed l-interessi ta' kwalunkwe wieħed mill-miżżewġin huma jistgħu, għal din il-fini u għall-konsiderazzjoni tal-ftehimiet proposti, jordnaw il-prestazzjoni tal-atti u l-produzzjoni tal-evidenza meħtieġa. Meta jkunu ddeterminati l-konsegwenzi tad-divorzju, l-imħallef ma għandux biss iħeġġeġ imma anke jqis il-ftehim tal-miżżewġin.

Id-divorzju bil-kunsens tat-tnejn jiġi mbagħad dekretat u annotat fir-reġistru korrispondenti.

Rikorsi għal separazzjoni ġudizzjarja jew divorzju bil-kunsens tat-tnejn jiġu ppreżentati fil-qorti, sakemm il-partijiet ma jehmżu l-ebda wieħed mill-ftehimiet imsemmija fuq miegħu.

F'dak il-każ, ir-rikors għad-divorzju jiġi ppreżentat il-qorti. Wara li jidħol ir-rikors, l-imħallef iqis il-ftehimiet li ppreżentaw il-miżżewġin, u jistedinhom jemendawhom jekk ma jkunux iħarsu l-interessi ta' wieħed minnhom jew tat-tfal tagħhom. L-imħallef jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju fuq kwistjonijiet li l-miżżewġin ma jkunux ftiehmu dwarhom, u jista', għal din il-fini u għall-konsiderazzjoni tal-ftehimiet ippreżentati, jordna l-prestazzjoni tal-atti u l-produzzjoni tal-evidenza meħtieġa. Filwaqt li jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju, l-imħallef ma għandux biss iħeġġeġ imma anke jqis il-ftehim tal-miżżewġin. Id-divorzju bil-kunsens tat-tnejn jiġi mbagħad dekretat u annotat fir-reġistru korrispondenti.

Separazzjoni jew divorzju kkontestat

Ir-rikorsi għal separazzjoni jew divorzju kkontestat jiġu ppreżentati lill-Qorti tal-Proċedimenti tal-Familja jew, jekk ma teżisti l-ebda qorti tali, lill-qorti tad-distrett b'ġuriżdizzjoni territorjali. Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija definita skont id-domiċilju jew ir-residenza tar-rikorrent (il-persuna li tiftaħ il-kawża).

Id-dispożizzjonijiet dwar id-divorzju japplikaw, mutatis mutandis, għas-separazzjoni ġudizzjarja.

Is-separazzjoni ġudizzjarja tintemm bir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin jew il-ħall taż-żwieġ.

Kull wieħed mill-miżżewġin jista' jitlob divorzju kkontestat fuq il-bażi ta' separazzjoni de facto għal sena sħiħa, bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li ilha iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibbiltà ta' ħajja konjugali, l-assenza, mingħajr ebda aħbar mill-persuna nieqsa, għal perjodu ta' mhux inqas minn sena, u fatti oħrajn li, irrispettivament mill-ħtija tal-miżżewġin, jippruvaw it-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ.

Il-konjuġi offiż għandu d-dritt li jitlob il-kumpens għad-danni kkawżati mill-konjuġi l-ieħor skont it-termini ġenerali tar-responsabbiltà ċivili u fil-qrati ordinarji.

Il-konjuġi li talab id-divorzju fuq il-bażi ta' bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor irid jikkumpensah tad-dannu personali kkawżat mill-ħall taż-żwieġ; ir-rikors irid jiġi ppreżentat waqt il-proċedimenti tad-divorzju stess.

Jekk ir-raġuni għad-divorzju tkun bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li ilha iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibbiltà ta' ħajja konjugali, u l-assenza, mingħajr ebda aħbar mill-persuna nieqsa, għal perjodu ta' mhux inqas minn sena, huwa biss il-konjuġi li jinvoka l-bidla fil-fakultajiet mentali jew l-assenza tal-konjuġi l-ieħor li jista' jiftaħ il-kawża għad-divorzju.

Meta l-konjuġi li jkun jista' jiftaħ kawża għal divorzju jkun ipprojbit milli jagħmel dan, il-kawża tkun tista' tinfetaħ mir-rappreżentanza legali tiegħu, b'awtorizzazzjoni mill-kunsill tal-familja; meta r-rappreżentant legali ikun il-konjuġi l-ieħor, il-kawża tista' tinfetaħ, f'isem id-detentur tad-dritt li jiftaħ il-kawża, minn kwalunkwe persuna li tiġi minnu fil-linja diretta jew sat-tielet grad fil-linja kollaterali, sakemm dan ikun awtorizzat ukoll mill-kunsill tal-familja.

Id-dritt għad-divorzju ma jiġix trasferit mal-mewt, imma l-werrieta tar-rikorrent jistgħu jkomplu l-kawża għall-finijiet tal-patrimonju jekk huwa jmut matul il-proċedimenti; għall-istess raġuni, il-kawża tista' tkompli kontra l-werrieta tal-intimat.

Ladarba tiġi ppreżentata l-petizzjoni, jekk il-kawża tkun tista' tipproċedi, l-imħallef jiskeda ħin għal tentattiv ta' rikonċiljazzjoni u kemm ir-rikorrent u kemm l-intimat jitħarrku biex jidhru personalment.

Jekk ir-rikonċiljazzjoni ma tirnexxix, il-qorti tipprova tikseb il-qbil tal-miżżewġin għal divorzju bil-kunsens tat-tnejn; jekk jintlaħaq ftehim jew il-miżżewġin jagħżlu divorzju b'kunsens tat-tnejn fi kwalunkwe mument tal-proċess, il-proċess ikompli għaddej skont dak it-tip ta' divorzju, mutatis mutandis.

Jekk l-imħallef ma jkunx jista' jikseb il-qbil tal-miżżewġin rigward divorzju jew separazzjoni bil-kunsens tat-tnejn, huwa jipprova jikseb il-qbil tal-miżżewġin dwar il-manteniment u r-regolamentazzjoni tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri. L-imħallef jipprova wkoll jikseb il-ftehim tal-miżżewġin dwar l-użu tad-dar matrimonjali waqt li l-kawża tkun pendenti, fejn applikabbli.

F'tentattiv ta' rikonċiljazzjoni jew fi kwalunkwe mument ieħor matul il-proċedimenti, il-partijiet jistgħu jaqblu li jiddivorzjaw jew jisseparaw bil-kunsens tat-tnejn, sakemm ikunu ssodisfati l-prerekwiżiti neċessarji.

Meta ma jkunx hemm il-qbil ta' parti waħda jew ir-rikonċiljazzjoni ma tidhirx li tkun possibbli, l-imħallef jordna lill-intimat jippreżenta d-difiża tiegħu fi żmien 30 jum; fil-mument tan-notifika, kopja tat-talba oriġinali tiġi kkonsenjata lill-intimat.

Jekk mhux magħruf fejn jinsab l-intimat, jkunu saru l-isforzi kollha stipulati fil-liġi proċedurali biex jinstab, u kollha kienu għalxejn, il-jum skedat għar-rikonċiljazzjoni jkun null u l-intimat jitħarrek b'avviż pubbliku biex jippreżenta d-difiża tiegħu.

Wara li jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tad-difiża, il-proċess isegwi t-termini tal-proċedura komuni. Matul dik il-proċedura, ikun identifikat l-oġġett tat-tilwima u titħabbar il-bażi tal-evidenza. Is-seduta finali sseħħ waqt dan il-proċess flimkien mal-produzzjoni tal-evidenza. Wara l-konklużjoni tal-aħħar seduta, il-kawża tingħalaq u tiġi rinvijata lill-imħallef, li jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 30 jum.

Tista' ssir kontrotalba għal separazzjoni ġudizzjarja, anke jekk ir-rikorrent ikun talab id-divorzju; jekk ir-rikorrent ikun talab is-separazzjoni ġudizzjarja, l-intimat jista' wkoll jagħmel kontrotalba għad-divorzju. F'dawn il-każijiet, għandu jiġi dekretat id-divorzju jekk ir-rikors għall-kawża u l-kontrotalba jkunu milqgħuha.

Annullament taż-żwieġ

L-annullament taż-żwieġ ma jista' jiġi invokat fl-ebda termini, la ġudizzjarji u lanqas nonġudizzjarji, sakemm ikun rikonoxxut b'sentenza f'kawża miftuħa speċifikament għal din il-fini.

Din il-kawża tinfetaħ fil-Qorti tal-Familja u t-Tfal billi jiġi ppreżentat rikors inizjali li, fil-forma ta' artikoli, jidentifika l-partijiet, jiddeskrivi l-fatti rilevanti u jagħlaq b'talba.

Il-leġittimità biex tinfetaħ din il-kawża tiddependi mir-raġunijiet għat-talba (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 8).

Il-miżżewġin jew kull persuna li tiġi minnhom fil-linja diretta jew sar-raba' grad tal-linja kollaterali, il-werrieta u l-ġenituri adottivi tal-miżżewġin u l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandhom id-dritt ġuridiku li jiftħu jew ikomplu kawża ta' annullament ibbażata fuq impediment li jġib in-nullità. Barra minn hekk, it-tutur jew fiduċjarju fil-każ ta' minuri, projbizzjoni jew inkompetenza minħabba diżordni mentali u l-ewwel konjuġi tat-trażgressur fil-każ ta' bigamija jistgħu wkoll jiftħu jew ikomplu kawża.

Annullament minħabba dikjarazzjoni falza jista' jintalab mill-miżżewġin stess jew minn kwalunkwe persuna li ssofri preġudizzju minħabba ż-żwieġ. F'każijiet oħra li jinvolvu nuqqas ta' kunsens, il-proċedimenti għal annullament jistgħu jinfetħu mill-konjuġi li jkun nieqes il-kunsens tiegħu. Madankollu, nies li jiġu minnu fil-linja diretta u l-werrieta jew ġenituri adottivi tagħhom jistgħu jkompli l-kawża jekk ir-rikorrent imut waqt il-proċedimenti.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq difetti fil-kunsens jistgħu jinfetħu biss mill-konjuġi li jkun il-vittma tal-iżball jew tal-ġegħil, imma nies li jiġu minnu fil-linja diretta u l-werrieta jew ġenituri adottivi tagħhom jistgħu jkompli l-kawża jekk ir-rikorrent imut waqt il-proċedimenti.

Proċedimenti ta' annullament minħabba nuqqas ta' xhieda jistgħu jinfetħu biss mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq impediment li jġib in-nullità għandhom jinfetħu:

a) F'każijiet ta' minuri, projbizzjoni jew inkompetenza minħabba diżordni mentali jew ġenn magħruf, meta jinfetħu mill-persuna inkompetenti, fi żmien sitt xhur minn meta ssir tal-età, titneħħa l-projbizzjoni jew l-inkompetenza jew jintemm il-ġenn; meta tinfetaħ minn persuna oħra fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, imma mhux wara li l-persuna li tkun iżżewġet issir tal-età, it-tneħħija tal-inkapaċità jew it-tmiem tal-ġenn;

b) Fil-każ ta' kundanna għal omiċidju volontarju tal-konjuġi ta' waħda mill-partijiet, fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ;

c) F'każijiet oħrajn, fi żmien sitt xhur mill-ħall taż-żwieġ.

L-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biss jista' jiftaħ kawża qabel ma ż-żwieġ jinħall.

Ma jistgħux jinfetħu jew jitkomplew proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq l-eżistenza ta' żwieġ preċedenti mhux maħlul meta jkun hemm proċedimenti pendenti biex tiġi ddikjarata n-nullità jew l-annullament tal-ewwel żwieġ ta' bigamu.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq nuqqas ta' kunsens ta' parti waħda jew taż-żewġ partijiet jistgħu jinfetħu biss fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jew, jekk ir-rikorrent ma kienx jaf bih, fi żmien sitt xhur mill-mument li sar jaf bih.

Il-proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq difetti fil-kunsens jiġu preskritti jekk ma jinfetħux fi żmien sitt xhur minn meta ma baqax jeżisti d-difett.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq nuqqas ta' xhieda jistgħu jinfetħu biss sa sena miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ..

Iċ-ċertifikat taż-żwieġ u possibbilment (jekk ir-raġuni tar-rikors tkun l-età) iċ-ċertifikat tat-twelid tal-parti kkonċernata jridu jakkumpanjaw ir-rikors inizjali.

Wara li jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tad-difiża, il-proċess isegwi t-termini msemmija fuq tal-proċedura komuni.

L-annullament jitqies li jkun solvut u ż-żwieġ jitqies li jkun validu mill-mument taċ-ċelebrazzjoni tiegħu jekk iseħħ wieħed mill-avvenimenti li ġejjin qabel ma s-sentenza ta' annullament issir finali u inappellabbli:

a) jekk persuna ta' età iżgħar mill-età minima għaż-żwieġ tikkonferma ż-żwieġ tagħha quddiem uffiċjal tar-reġistru ċivili u żewġ xhieda, wara li tkun saret tal-età;

b) jekk persuna li tkun ġuridikament inabilitata jew diżabbli b'diżordni mentali tikkonferma ż-żwieġ tagħha, fit-termini tal-paragrafu preċedenti, wara li d-diżabbiltà jew l-inabilitazzjoni tagħha titneħħa jew, fil-każ ta' ġenn, wara li l-persuna li tbati mill-ġenn tkun ikkontrollat ġudizzjarjament l-istat tas-saħħa mentali tagħha;

c) jekk l-ewwel żwieġ ta' bigamu jkun iddikjarat null jew annullat;

d) jekk in-nuqqas ta' xhieda jkun minħabba ċirkostanzi ġġustifikati, bħal dawk rikonoxxuti mir-reġistratur, sakemm ma jkun hemm l-ebda dubju dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-att.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, l-iskema ta' għajnuna legali tapplika fil-qrati kollha, tkun xi tkun il-forma tal-proċediment.

Għal aktar tagħrif ara l-iskeda informattiva dwar l-"Għajnuna legali".

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva. F'dawn il-kawżi l-appell huwa dejjem possibbli.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Jekk id-deċiżjoni kkonċernata tkun ittieħdet fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ħlief id-Danimarka, tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003.

Jekk id-deċiżjoni tittieħed id-Danimarka, tapplika l-proċedura speċjali għal stħarriġ ta' sentenza barranija.

F'din il-proċedura, id-dokument li fih id-deċiżjoni li trid tiġi mistħarrġa jiġi ppreżentat mar-rikors u l-parti avversarja nnotifikata jkollha 15-il jum biex tibgħat it-tweġiba tagħha. Ir-rikorrent jista' jwieġeb fi żmien 10 ijiem mill-avviż ta' preżentazzjoni ta' dik it-tweġiba. Ladarba l-partijiet ikunu ppreżentaw l-argumenti kollha tagħhom u l-passi essenzjali jkunu ttieħdu kollha, id-dokumenti kollha jiġu pprovduti lill-partijiet u lill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, għal 15-il jum kull wieħed.

Biex is-sentenza tkun ikkonfermata:

a) ma jridx ikun hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument li fih is-sentenza jew ir-raġonevolezza tad-deċiżjoni;

b) is-sentenza trid tkun saret finali skont il-liġi tal-pajjiż fejn tkun ingħatat;

c) is-sentenza trid tkun ġejja minn qorti barranija li l-ġuriżdizzjoni tagħha ma ġietx invokata bi ksur tal-liġi u ma tridx tkun tinvolvi materja li taqa' fil-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-qrati Portugiżi;

d) ma jridx ikun possibbli li tkun invokata d-difiża ta' lis pendens jew res judicata abbażi ta' kawża f'qorti Portugiża, ħlief meta tkun il-qorti barranija li tkun ippreveniet il-ftuħ tal-proċedimenti;

e) l-intimat irid ikun dovutament innotifikat bil-kawża, skont il-liġi tal-pajjiż tal-qorti tal-oriġini, u l-prinċipji tad-dritt tad-difiża u l-ħarsien ugwali tal-partijiet iridu jkunu ġew osservati tul il-proċess;

f) ma tridx tkun tinvolvi deċiżjoni li r-rikonoxximent tagħha jwassal għal riżultat manifestament inkompatibbli mal-prinċipji tal-ordni pubblika internazzjonali tal-Portugall.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ħlief id-Danimarka, jekk il-parti kkonċernata tiddeċiedi li titlob ir-rikonoxximent ta' sentenza li tiddekreta divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament taż-żwieġ, ir-rikors jiġi ppreżentat fil-Qorti tal-Proċedimenti tal-Familja. Il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali tiġi ddeterminata mil-liġi interna tal-Istat Membru fejn ikun sar ir-rikors għar-rikonoxximent.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Skont ir-regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet, fid-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja tapplika l-liġi nazzjonali komuni tal-miżżewġin. Jekk ma jkunu tal-istess nazzjonalità, tapplika l-liġi tar-residenza abitwali konġunta; fin-nuqqas ta' dan, tapplika l-liġi tal-pajjiż li l-ħajja familjari tagħhom hija l-iktar waħda assoċjata magħhom mill-qrib.

Jekk madankollu, waqt iż-żwieġ, ikun hemm bidla fil-liġi applikabbli, fatt rilevanti f'dak il-mument biss jista' jipprovdi raġuni għal separazzjoni jew divorzju.

Aktar tagħrif

Jista' jinkiseb aktar tagħrif mis-sit li ġej:


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 30/04/2018