Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni

Il-protezzjoni ġudizzjarja li tingħata lill-vittma ta’ vjolenza u fastidju tista’ tiġi eżegwita f’pajjiżi oħra tal-UE.

Id-dritt li wieħed ikompli jibbenefika minn miżuri protettivi meta jġorr minn Stat Membru għal ieħor

Biex ikunu protetti l-vittmi ta' vjolenza u ta’ fastidju, l-awtoritajiet nazzjonali spiss jipprovdulhom miżuri speċifiċi (trażżin, impediment jew ordni ta' protezzjoni oħra) li jgħinu biex jipprevjenu aggressjonijiet jew assalti ulterjuri mit-trażgressur. Jekk tingħata ordni ta' protezzjoni fi Stat Membru huwa probabbli li tkun tixtieq tkompli tibbenefika minn din il-protezzjoni meta ġġorr jew tivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor. Għal din il-fini, l-UE daħħlet fis-seħħ mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri protettivi.

Il-miżuri protettivi nazzjonali jistgħu jkunu ta' natura ċivili, kriminali jew amministrattiva u d-dewmien, il-kamp ta' applikazzjoni u l-proċeduri ta' adozzjoni tagħhom ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Minħabba bażijiet ġuridiċi separati fil-liġi tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri tad-dritt ċivili u l-miżuri tad-dritt kriminali, kien hemm bżonn ta' żewġ strumenti separati biex tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni tat-tliet tipi l-aktar komuni ta' miżuri protettivi fl-UE. Ordnijiet protettivi koperti mid-Direttiva u r-Regolament jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn inti, bħala vittma jew vittma potenzjali ta' delitt, tibbenefika minn projbizzjoni jew regolazzjoni tad-dħul f'ċerti postijiet, tkun ikkuntattjat jew avviċinat minn persuna li tikkawżalek riskju.

Id-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni (EPO) tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti r-rikonoxximent ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa bħala miżura ta' dritt kriminali bejn Stati Membri.

Jekk tibbenefika minn ordni ta' protezzjoni f'materji kriminali maħruġa fi Stat Membru tista' titlob Ordni Ewropea ta' Protezzjoni.

Il-protezzjoni għandha tingħata permezz ta' miżura protettiva oħra adottata mill-Istat Membru li se tivvjaġġa jew iġġorr lejh wara proċedura aċċellerata u ssemplifikata.

Madankollu, jekk tibbenefika minn ordni ta' protezzjoni tad-dritt ċivili fl-Istat Membru tar-residenza tiegħek tista' tapplika r-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili, li jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti r-rikonoxximent dirett ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa bħala miżura ta' dritt ċivili bejn Stati Membri.

Għalhekk jekk tibbenefika minn ordni ta' protezzjoni skont id-dritt ċivili fl-Istat Membru ta' residenza tiegħek int tkun tista' tapplikah direttament fi Stati Membri oħrajn billi tikseb ċertifikat u tippreżentah lill-awtoritajiet rilevanti li jiċċertifikaw id-drittijiet tiegħek.

Id-Direttiva u r-Regolament ilhom japplikaw mill-11 ta’ Jannar 2015.

L-aħħar aġġornament: 07/10/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.