menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Provi


Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn il-liġi tal-UE dwar il-ġbir tal-provi f'kawżi transfruntieri.


Sfond

It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri fl-UE għamlitha ferm aktar faċli għaċ-ċittadini tal-UE biex jivvjaġġaw liberament. Imma din għamlitha aktar faċili wkoll għall-kriminali biex joperaw b'mod transfruntier.

Għalhekk huwa essenzjali li l-pajjiżi tal-UE jikkooperaw b'mod effikaċi għall-ġbir tal-provi f’materji kriminali.

Il-liġi tal-UE

Is-sitwazzjoni bħalissa

Ir-regoli dwar il-ġbir tal-provi f'materji kriminali fl-UE huma bbażati fuq ftehimiet ta' "assistenza reċiproka".

B'mod partikolari:

Mill-2017

Mit-22 ta' Mejju 2017, il-ksib tal-provi fl-UE se jkun irregolat mid-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

Id-direttiva l-ġdida hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku u tissostitwixxi l-miżuri korrispondenti fil-konvenzjonijiet imsemmija fuq.

Hija se tapplika bejn il-pajjiżi tal-UE li huma marbuta bid-Direttiva.

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva, id-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDeċiżjoni Kwadru tal-2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi (li kellha kamp ta' applikazzjoni iktar limitat) tħassret mir-Regolament 2016/95 tal-20 ta' Jannar 2016.

Il-Konvenzjoni dwar l-assistenza reċiproka f'materji kriminali tal-2000

Il-Konvenzjoni hija l-istrument l-iktar użat komunement għall-ksib tal-provi.

Hija tkopri l-assistenza reċiproka f'oqsma bħal:

  • it-teħid ta’ dikjarazzjonijiet minn persuni suspettati u minn xhieda
  • l-użu ta' vidjokonferenzi
  • l-użu ta' tiftix u qbid biex jinkisbu provi
  • it-telekomunikazzjonijiet.

Il-protokoll tagħha fih regoli dwar il-ġbir ta' informazzjoni dwar kontijiet bankarji u tranżazzjonijiet bankarji.

Talbiet għal assistenza reċiproka

L-awtorità rikjedenti tista' tikkuntattja lill-awtorità emittenti direttament.

Sakemm l-awtorità ta' eżekuzzjoni jkollha raġunijiet biex tirrifjuta t-talba, it-talba għandha tiġi eżegwita malajr kemm jista' jkun – u sad-data ta’ skadenza mogħtija mill-awtorità rikjedenti, jekk ikun possibbli.

Biex ikun żgurat li l-provi miksuba jkunu ammissibbli, l-awtoritajiet tal-pajjiż tal-eżekuzzjoni jridu jikkonformaw ma' kull proċedura speċifikata mill-awtoritajiet fil-pajjiż rikjedenti – sakemm ma tkunx tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt fil-pajjiż tal-eżekuzzjoni.

Id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea

L-ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja f'pajjiż wieħed tal-UE biex jitwettqulu miżuri investigatorji f'pajjiż ieħor tal-UE biex jinġabru provi f'materji kriminali.

Id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea ġiet adottata fit-3 ta' April 2014. Id-Danimarka u l-Irlanda għażlu li ma jipparteċipawx.

L-għan ta' din id-direttiva kien li tintroduċi l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku filwaqt li:

  • tinżamm il-flessibbiltà fl-assistenza legali reċiproka, u
  • jitħarsu d-drittijiet fundamentali.

Hija tkopri l-miżuri investigatorji kollha (ħlief it-twaqqif ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta).

Hija tista' tinħareġ fi proċedimenti kriminali, amministrattivi jew ċivili jekk id-deċiżjoni tkun tista' twassal għal proċedimenti quddiem qorti kriminali.

L-awtoritajiet emittenti jistgħu jużaw biss ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea jekk il-miżura investigatorja tkun:

  • neċessarja,
  • proporzjonata, u
  • permessa f'każijiet domestiċi simili.

Skont id-Direttiva l-ġdida, il-miżuri investigatorji jridu jitwettqu mill-pajjiż tal-UE tal-eżekuzzjoni malajr u bl-istess livell ta’ prijorità daqs għal każijiet domestiċi simili.

Il-miżuri investigatorji jridu jiġu eżegwiti wkoll "malajr kemm jista’ jkun". Id-Direttiva tistabbilixxi l-iskadenzi (massimu ta' 30 jum biex ikunu deċiżi ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tat-talba u 90 jum għall-eżekuzzjoni effettiva tat-talba).

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiċħdu t-talba għal ċerti raġunijiet. Ir-raġunijiet ġenerali għal ċħid li ġejjin japplikaw għall-miżuri kollha:

  1. immunità jew privileġġ jew regoli li jillimitaw ir-responsabilità penali relatata mal-libertà tal-istampa
  2. ħsara għall-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali
  3. proċedura nonkriminali
  4. il-prinċipju ne bis in idem
  5. ekstraterritorjalità flimkien ma' kriminalità doppja
  6. inkompatibilità mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali.

Hemm raġunijiet oħrajn għal ċħid għal ċerti miżuri:

  1. nuqqas ta' kriminalità doppja (ħlief għal lista ta' reati serji)
  2. impossibbiltà ta' eżekuzzjoni tal-miżura (miżura investigatorja li ma teżistix jew li mhix disponibbli f'każijiet domestiċi simili, u ma hemm l-ebda alternattiva għaliha).

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 01/03/2017