Tradutturi/Interpreti legali

Franza

Hawnhekk issib informazzjoni dwar kif issib interpretu, biex jaġixxi fi proċeduri tal-qorti, jew traduttur, jekk meħtieġ, permezz ta’ sit web uffiċjali.

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Kif issib traduttur fi Franza

Is-servizz ta' dokumentazzjoni u analiżi fil-Qorti tal-Kassazzjoni jippubblika dan li ġej fuq is-sit web tiegħu:

  • lista f’format PDF ta’ esperti approvati mill-Qorti tal-Kassazzjoni. Fih ukoll links għas-siti web ta’ xi qrati tal-appell. Il-lista ta’ esperti approvata mill-Qorti tal-Kassazzjoni ssir kull sena mill-bord ta’ tmexxija (bureau) tal-Qorti;
  • listi ta’ esperti prodotti minn kull qorti tal-appell, li jinkludu esperti rreġistrati taħt l-intestaturi tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni. Il-listi ta’ esperti tal-qorti prodotti mill-qrati tal-appell huma aġġornati mill-qrati tal-appell u mibgħuta lill-Qorti tal-Kassazzjoni f’intervalli differenti.

Il-Qorti tal-Kassazzjoni ma għandhiex, strettament, bażi tad-data tat-tradutturi u l-interpreti kollha.

Listi li fihom l-ismijiet ta’ esperti, id-dettalji ta’ kuntatt, id-dati tat-twelid u l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni huma disponibbli għal 36 qorti tal-appell.

Hemm bżonn tħallas biex tfittex traduttur jew interpretu?

Le, l-aċċess għas-siti web ma huwiex ristrett.

Il-kuntest u l-isfond storiku tad-direttorji tat-tradutturi fi Franza

L-isfond storiku

L-ewwel listi uffiċjali ta’ esperti għal każijiet kriminali ġew introdotti fis-sistema ġudizzjarja Franċiża permezz ta’ Att tat-30 ta’ Novembru 1892.

Kien hemm ukoll listi mhux uffiċjali ta’ nies b’għarfien tekniku li ħafna drabi kienu nominati f’każijiet ċivili.

L-Att (loi) Nru 71-498 tad-29 ta’ Ġunju 1971 introduċa lista unika għal kull waħda mill-qrati tal-appell fis-sistema tal-qorti ordinarja, kemm għall-kawżi ċivili kif ukoll għal dawk kriminali, bl-esperti elenkati skont il-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom. Il-lista kienet tiġi aġġornata u emendata kull sena. Ir-reġistrazzjonijiet kienu jiġġeddu kull sena iżda fil-prattika kienu jiġġeddu awtomatikament għall-esperti li ma jkunu ġarrbu l-ebda kritika serja. Lista nazzjonali ta' esperti kienet ukoll introdotta, li kienet titħejja mill-bord ta’ tmexxija tal-Qorti tal-Kassazzjoni u timxi mal-istess linji.

Il-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni

Ir-reġistrazzjoni fuq il-listi tal-esperti tal-qorti kienet riformata b’mod estensiv bl-Att Nru 2004-130 tal-11 ta' Frar 2004 u l-Ordni Nru 2004-1463 tat-23 ta’ Diċembru 2004. Qabel l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fuq il-listi tal-qrati tal-appell jiġu sottomessi lill-Avukat Ġenerali (procureur général) fil-qorti reġjonali tal-qorti tal-appell. L-Avukat Ġenerali jeżamina l-applikazzjonijiet u wara jirreferihom lill-Prosekutur Ġenerali (procureur général), li jissottomettihom lill-ewwel president tal-qorti tal-appell.

Il-listi jsiru kull sena matul l-ewwel nofs ta’ Novembru mill-assemblea ġenerali tal-maġistrati sedenti (assemblée générale des magistrats du siège) fil-qorti tal-appell, li tieħu kont tal-ħtiġijiet tal-qorti fl-oqsma ta’ ġuriżdizzjoni tagħha.

Ir-reġistrazzjoni inizjali fuq il-listi tal-qrati tal-appell hija għal perjodu ta’ prova ta’ tliet snin, u fl-aħħar tiegħu ssir valutazzjoni tal-esperjenza tal-persuna u jekk għandhomx l-għarfien legali li jeħtieġu biex iwettqu l-kompiti tagħhom kif suppost, bil-ħsieb ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid possibbli billi jissottomettu applikazzjoni ġdida. Il-fajl tal-applikant jerġa’ jiġi kkunsidrat, u tingħata opinjoni minn kumitat ta’ esperti u mħallfin, u wara dan l-espert jista’ jerġa’ jiġi rreġistrat għal perjodu ta’ ħames snin.

L-Ordni Nru 2012-1451 tal-24 ta’ Diċembru 2012 iċċara l-kriterji diġà msemmija fl-Ordni Nru 2004-1463 tat-23 ta’ Diċembru 2004. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati skont il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-applikant, li seta’ kiseb fi Stat Membru tal-UE li mhux Franza, u skont l-interess muri mill-applikant biex jaħdem fis-sistema ġudizzjarja.

Huma biss l-esperti li jew ġew irreġistrati fuq lista tal-qorti tal-appell għal ħames snin konsekuttivi jew li jistgħu jippruvaw li l-kwalifiki tagħhom huma rikonoxxuti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għajr Franza – akkwiżiti notevolment billi jkunu wettqu f’dak l-Istat, għal mill-inqas ħames snin, attivitajiet ta’ tali natura li jipprovdu lill-qrati b'informazzjoni teknika matul l-attività ġudizzjarja tagħhom – jistgħu jiġu rreġistrati fuq il-lista nazzjonali.

Ir-reġistrazzjoni fuq il-lista nazzjonali hija għal perjodu ta’ seba’ snin.

Fir-rigward tal-proċedura għar-reġistrazzjoni u r-reġistrazzjoni mill-ġdid fuq din il-lista, il-prosekutur pubbliku fil-Qorti tal-Kassazzjoni jirċievi dawn l-applikazzjonijiet, li għandhom jintbagħtu qabel l-1 ta’ Marzu, jeżaminahom u jitlob l-opinjoni tal-ewwel president u tal-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-appell fejn l-individwu kkonċernat ikun irreġistrat. Fl-ewwel nofs ta’ Diċembru, il-bord ta’ ġestjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni mbagħad ifassal il-lista nazzjonali, mingħajr l-ebda intervent mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.

In-nomenklatura ta’ intestaturi fil-listi tal-esperti

Skont l-Artikolu 1 tal-Ordni Nru 2004-1463 tat-23 ta’ Diċembru 2004, ordni (arrêté) tal-Ministru għall-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 2005 stabbiliet għal Franza kollha nomenklatura armonizzata għall-intestaturi fil-listi tal-esperti tal-qorti. Il-lista hija maqsuma f'fergħat (branches, li huma setturi ekonomiċi bħall-agrikoltura, is-saħħa, l-industrija, eċċ.), intestaturi (rubriques, għal dixxiplini professjonali bħall-mediċina u l-kirurġija), u oqsma speċjalizzati (spécialités, irfinar tad-dixxiplini professjonali, bħall-allerġoloġija, il-kirurġija diġestiva, eċċ.). Il-fergħa ‘H’ għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni tinkludi intestatura ta’ interpretazzjoni (“H1”) u intestatura ta’ traduzzjoni (“H2”), li huma suddiviżi f’oqsma speċjalizzati skont gruppi ta’ lingwi (il-lingwi Rumanzi, il-lingwi Ġermaniċi, il-lingwi Slavi, eċċ.). L-oqsma speċjalizzati huma definiti b’mod wiesa’ biżżejjed biex jinkludu kwalunkwe lingwa mitkellma jew miktuba. Hemm ukoll intestatura (“H3”) għal-lingwa tas-sinjali u għall-cued speech.

Għalhekk, għal din in-nomenklatura armonizzata ġdida ta’ oqsma speċjalizzati esperti, it-tradutturi u l-interpreti nżammu fuq il-listi ġenerali tal-esperti tal-qorti, filwaqt li għandhom l-intestatura speċifika tagħhom stess. Għalkemm l-għoti ta’ opinjonijiet esperti fis-sens strett tat-terminu ma huwiex ir-rwol primarju tagħhom, it-tradutturi u l-interpreti, bħall-esperti l-oħra tal-qorti, jassistu lill-qrati fuq bażi okkażjonali u jistgħu, jekk meħtieġ, jiġu nominati bħala speċjalisti tekniċi biex jieħdu sehem fl-inkjesta stess, skont l-Artikolu 232 tal-Kodiċi l-ġdid tal-Proċedura Ċivili, pereżempju billi jagħtu opinjoni professjonali.

Għal dawn ir-raġunijiet, waqt ir-riforma tal-2004, ma kienx ikkunsidrat meħtieġ li jsiru arranġamenti separati għall-interpreti u għat-tradutturi, u biex dawn jiġu rreġistrati fuq listi separati.

L-aħħar aġġornament: 08/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.