Sib traduttur legali jew interpretu - Greċja
Il-Greċja m’għandhiex websajt li toffri lista ta’ tradutturi jew interpreti legali. Qegħdin fil-proċess li niddisinjaw id-diġitizzazzjoni tal-bażijiet tad-dejta tagħna u tal-interface elettroniku tagħhom.
Kif issib traduttur jew interpretu legali fil-Greċja
Il-qafas leġiżlattiv għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni quddiem il-Qrati Griegi huwa regolat mill-Artikoli 233 – 238 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Greċja. L-interpreti u t-tradutturi jiġu maħtura mill-qorti kompetenti mit-tabella rilevanti li titfassal kull sena mill-Qorti Ġudizzjarja tal-Prim'Istanza u ffinalizzata mill-Qorti tal-Appell. F'każijiet ta' urġenza kbira, jinħatru interpreti mhux imniżżla fit-tabelli msemmija hawn fuq.
Għall-proċedimenti ċivili, l-Artikolu 252 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li jekk xhud, espert jew parti ma jitkellimx bil-Grieg, jinħatar interpretu mill-qorti. L-Artikolu 137 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva fih dispożizzjoni simili.
Għandu jiġi nnutat ukoll li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin joffri servizz ta' traduzzjoni li, skont il-qafas ġuridiku attwali, huwa responsabbli għat-traduzzjoni uffiċjali tad-dokumenti pubbliċi u privati.
It-traduzzjonijiet ta' dokumenti pubbliċi barranin huma pprovduti biss jekk id-dokumenti jkollhom apostille, jew ikunu dokumenti ġejjin minn pajjiżi kontraenti tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961, li ġiet ratifikata mill-Greċja permezz tal-Att 1497/1984 (Gazzetta tal-Gvern, Serje 1, Nru 188). Fil-każijiet l-oħra, id-dokumenti barranin għandhom jiġu ċċertifikati formalment mill-awtorità konsulari Griega fil-pajjiż tal-oriġini tad-dokument, jew mill-awtorità konsulari tal-pajjiż fil-Greċja.
Din it-traduzzjoni ssir bi ħlas. L-ispiża hija stabbilita mill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Barra minn hekk, skont il-Kodiċi tal-Avukati (l-Artikolu 36 Liġi Nru 4194/2013 Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 208) ix-xogħol ta' avukat jinkludi t-traduzzjoni ta' dokumenti miktuba b'lingwa barranija u t-traduzzjoni tad-dokumenti bil-Grieg f'lingwi barranin. It-traduzzjoni hija effettiva quddiem kull qorti jew awtorità oħra, sakemm tkun akkumpanjata minn kopja ċertifikata tad-dokument tradott u l-avukat jiċċertifika li għandu għarfien adegwat tal-lingwa li minnha u lejha ttraduċa.
L-aċċess għall-bażi tad-dejta tat-tradutturi Griegi huwa b'xejn?
Il-Greċja ma għandhiex bażi tad-dejta ċentralizzata ta' interpreti u tradutturi legali Griegi.
Madankollu hemm bażi tad-dejta tal-membri tal-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi (membri tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tradutturi - FIT) li huma tradutturi professjonisti (uħud minnhom huma wkoll interpreti). B'din il-bażi tad-dejta l-utenti jistgħu jfittxu interpretu / traduttur skont il-lingwa u r-reġjun.
Barra minn hekk, id-dejta dwar it-tradutturi professjonisti, għal kull reġjun fil-Greċja tinsab fil-bażi tad-dejta tal-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi Gradwati Professjonijist tal-Università tal-Jonju (membri tal-FIT), fejn il-membri huma speċjalizzati fi tnejn minn tliet lingwi: l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż (informazzjoni dwar l-ispeċjalizzazzjoni tal-lingwa tal-membri tal-Assoċjazzjoni tista' tinkiseb mill-Assoċjazzjoni).
Dalwaqt se tkun disponibbli lista ta' ġuristi lingwisti għal kull Għaqda tal-Liġi fil-Greċja fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem.
Kif issib traduttur ġuridiku fil-Greċja
Ara hawn fuq
Ħoloq relatati
- Servizz ta' traduzzjoni tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin (
http://www.mfa.gr/ypiresies-gia-ton-politi/metafrastiki-ypiresia/i-metaphrastiki-ypiresia.html)
- L-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi(
http://www.pem.gr/)
- L-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi Gradwati Professjonisti tal-Università tal-Jonju (
http://www.peempip.gr/)
- Il-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem (
http://www.ministryofjustice.gr/) (għad-dettalji ta' kuntatt tal-prosekuturi u l-qrati fil-Greċja).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 03/07/2019