Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Sib traduttur legali jew interpretu

Jekk ikollok bżonn tifhem u tkun trid li tkun mifhum matul is-smigħ li jkun qed isir fi Stat Membru ieħor jew jekk ikollok bżonn taduzzjoni legali ta' kuntratt jew ta' xi dokument legali ieħor, jista' jkun li tkun tixtieq li ssib interpretu jew traduttur legali.


Introduzzjoni

Biż-żieda fil-mobilità u l-migrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, hemm ukoll żieda proporzjonata fin-numru ta' relazzjonijiet ta' kull xorta (sew jekk ikunu kummerċjali, legali, akkademiċi jew personali) bejn iċ-ċittadini ta' nazzjonalitajiet u kulturi differenti u b'ilsna differenti. Dan, min-naħa tiegħu, joħloq varjetà wiesgħa ta' sitwazzjonijiet li jesiġu traduzzjoni lingwistika u servizzi ta' interpretazzjoni. Peress li ħafna minn dawn is-sitwazzjonijiet iridu jkunu sanzjonati mill-awtoritajiet (spiss il-qrati jew istituzzjonijiet legali oħra) jew l-awtoritajiet ikunu xhieda tagħhom, hu pjuttost komuni li jkunu meħtieġa traduzzjonijiet uffiċjali ta' dokumenti li oriġinarjament ikunu nkitbu f'ilsien ieħor.

L-għanijiet ta' traduzzjoni uffiċjali huma li jkunu ċċertifikati l-fatti fi proċess legali jew amministrattiv/każ ta' qorti; li l-fatti legali li joriġinaw minn pajjiż barrani jkunu rikonoxxuti u tkun applikata l-liġi tal-oriġini għaċ-ċittadini barranin (Liġi Internazzjonali Privata).

Is-servizzi ta' traduzzjoni uffiċjali huma organizzati b'mod differenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea b'oqfsa legali ferm differenti (prattiki u sistemi eteroġenji). Pereżempju, fir-Renju Unit u fl-Irlanda l-professjoni mhix irregolata, filwaqt li f'pajjiżi fejn hemm il-liġi ċivili bħal Spanja jew il-Greċja, traduttur li jkun ħa l-ġurament hu soġġett għal regoli differenti ta' aċċess u li jitħaddmu taħt kundizzjonijiet ta' xogħol differenti fir-rigward tal-istatuti, pagament ta' tariffi jew ċertifikazzjoni).

Xi jkun traduttur legali?

Traduttur jipproduċi dokument bil-miktub billi jittraduċi test minn ilsien għal ilsien ieħor. Traduttur legali jrid ikun jaf sewwa l-kunċetti u t-terminoloġija bażiċi mhux biss tal-liġi, iżda wkoll tal-qasam li tkun qed tiġi applikata għalih. It-traduzzjoni legali hi fil-qalba tal-komunikazzjoni multilingwistika minħabba li tgħin lill-individwi, kumpaniji, u aġenziji governattivi u legali biex jikkomunikaw f'ilsna u kulturi differenti lil hinn mill-konfini tal-istati. It-traduzzjoni legali tirrikjedi għarfien ta' terminoloġija speċjalizzata u għarfien tal-konvenzjonijiet lingwistiċi li jintużaw f'dokumenti relatati. Għax jifforma parti minn tim legali u jkollu aċċess għall-esperti legali, it-traduttur legali jkun ta' għajnuna biex int tifhem sew kull każ partikolari u t-terminoloġija legali rikjesta. L-għarfien tiegħu tas-sistema jew sistemi legali u tal-proċessi legali involuti ser jiżguraw li t-traduttur legali jkun jista' jgħinek fl-azzjonijiet legali tiegħek.

L-istandards professjonali dwar il-kompetenzi lingwistiċi, il-ħiliet tat-traduzzjoni, u l-għarfien tas-sistemi, tal-proċessi, tat-terminoloġija u tal-konvenzjonijiet lingwistiċi li japplikaw f'każi partikolari ser ikun ferm importanti meta tkun qed tfittex traduttur legali.

Xl jkun interpretu legali?

Interpretu jipprovdi servizz tal-ilsien mitkellem, billi juża diversi metodi ta' interpretazzjoni minn ilsien għal ieħor (fl-istess ħin, konsekuttivi, jew interpretazzjoni minn taħt l-ilsien). L-interpreti legali huma speċjalisti li primarjament jaħdmu ma' avukati f'kawżi legali bħalma huma ġurijiet, depożizzjonijiet, seduti, medjazzjoni, arbitraġġ, laqgħat mal-klijenti, eċċ. Dawn l-esperti jgħinuk biex tikkomunika mal-partijiet l-oħra meta tkun involut fi proċedimenti transfruntieri.

Traduttur/interpretu tal-Qorti

It-tradutturi/l-interpreti tal-qorti huma awtorizzati jittraduċu d-dokumenti uffiċjali (ċertifikati taż-żwieġ, ċertifikati tal-iskola, diplomi tal-università, sottomissjonijiet tal-qorti, sentenzi, eċċ.) kif ukoll li jinterpretaw fil-qorti (eż. meta jkunu qed jixhdu l-partijiet jew ix-xhieda), fl-għases tal-pulizija (matul l-intervisti, wara arrest) jew quddiem l-awtoritajiet amministrattivi (bħalma huma l-ispezzjonijiet tad-dwana). It-tradutturi/l-interpreti uffiċjali tal-qorti huma awtorizzati li jagħmlu timbru uffiċjali fuq it-traduzzjonijiet tagħhom biex it-traduzzjoni tkun iċċertifikata.

It-tradutturi/l-interpreti tal-qorti tipikament għandu jkollhom edukazzjoni universitarja fl-ilsien/ilsna ta' ħidma tagħhom u jkunu tgħallmu sew diversi ħiliet ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni, għalkemm ir-rekwiżiti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom sistemi biex jagħżlu u jaħtru tradutturi/interpreti tal-qorti. Normalment, traduttur li jkun ħa ġurament ikun ukoll ikkwalifikat biex jaħdem ta' interpretu tal-qorti. Pajjiżi differenti jużaw ismijiet uffiċjali differenti biex jirreferu għal tradutturi/interpreti tal-qorti.

Kif nista' nsib tradutturi/interpreti?

Attwalment hu possibbli li wieħed isib traduttur jew interpretu billi jidħol fil-bażijiet ta' dejta nazzjonali tat-tradutturi u/jew tal-interpreti.  Madanakollu, dawn il-bażijiet ta' dejta ma jeżistux fl-Istati Membri kollha. Kultant, il-websajts tal-Ministeri tal-Ġustizzja jew ta' qrati reġjonali ogħla jkollhom ħolqa għal reġistri uffiċjali jew semiuffiċjali ta' tradutturi/interpreti kkwalifikati.

F'materji kriminali, l-Istati Membri huma meħtieġa, skontIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdida id-Direttiva 2010/64/UE li jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu reġistru ta' dan it-tip sas-27 ta' Ottubru 2013, id-data ta' għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jdaħħlu fis-seħħ proċedura jew mekkaniżmu biex jaċċertaw jekk persuni suspettati jew akkużati jeħtiġux l-assistenza ta' interpretu jew traduttur, u huwa l-Istat Membru li jrid jipprovdi l-interpretazzjoni lis-suspettati jew l-akkużati mingħajr dewmien. Għandha tkun ipprovduta traduzzjoni għal dokumenti li jkunu essenzjali biex jissalvagwardjaw l-eżerċizzju tad-dritt tad-difiża u, eċċezzjonalment, tista' tkun ipprovduta traduzzjoni orali jew taqsira orali ta' dawk id-dokumenti essenzjali bil-kundizzjoni li ma tkunx ippreġudikata l-ġustizzja tal-proċedimenti. L-Istati Membri għandhom iħallsu l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti.

Biex tikseb informazzjoni aktar dettaljata, pereżempju dwar:

  • l-entità li tkun qed iżżomm il-bażi ta’ dejta nazzjonali rilevanti,
  • ir-regoli li japplikaw għar-rikors għat-tradutturi u l-interpreti,
  • iż-żoni ġeografiċi ta' responsabbiltà tat-tradutturi u l-interpreti,
  • it-taħriġ/il-kwalifiki tat-tradutturi u l-interpreti,
  • l-ispejjeż,
  • is-istemi ta' assigurazzjoni u l-eżistenza ta' proċeduri għall-ilmenti,

jekk jogħġbok agħżel waħda mill-bnadar elenkati fuq in-naħa tal-lemin.

 


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 15/06/2015