Sib medjatur - Estonja
Din it-taqsima se tgħinek issib medjatur fl-Estonja.
Bħalissa, l-Estonja ma għandhiex sit elettroniku jew bażi tad-dejta ġenerali dwar il-medjaturi. Skont l-Att dwar il-Konċiljazzjoni, kull min jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Att jista’ jwettaq il-funzjonijiet ta’ konċiljatur. Ma hemm l-ebda monitoraġġ mill-Istat tal-attivitajiet tal-konċiljaturi.
Skont l-Att dwar il-Konċiljazzjoni, dawn li ġejjin jistgħu jkunu konċiljaturi:
- persuna fiżika fdata mill-partijiet biex twettaq il-proċedura ta’ konċiljazzjoni u biex tgħin ħalli tissolva t-tilwima. Il-konċiljatur jista’ jaġixxi permezz ta’ persuna ġuridika li jkun impjegat magħha jew li magħha jkollu relazzjoni kuntrattwali oħra;
- avukat li jipprattika fil-qrati — il-lista tal-membri tal-Kamra tal-Avukati Estonjana hija disponibbli mis-
sit elettroniku tagħha;
- nutar — lista tal-uffiċċji tan-nutara hija disponibbli fis-
sit elettroniku tal-Kamra tan- Nutara;
- fil-każ stabbilit fl-Att dwar il-Konċiljazzjoni, korp ta’ konċiljazzjoni tal-Istat jew tal-gvern lokali.
Xi tilwim relatat mad-drittijiet tal-awtur (ara l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur) jiġi solvut minn kumitat ta’ esperti fid-drittijiet tal-awtur li jwettaq il-funzjonijiet ta’ konċiljatur. Dan il-kumitat ġie stabbilit taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja.
Għalkemm il-kunċett ta’ "ombudsman" ma jintużax fl-Att dwar il-Kanċillier tal-Ġustizzja, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jwettaq ukoll il-funzjonijiet ta’ ombudsman, meta jimmonitorja jekk l-aġenziji tal-gvern humiex konformi mad-drittijiet u mal-libertajiet fundamentali tal-persuni kif ukoll mal-prinċipji tal-governanza tajba u anki jimmonitorja lill-gvernijiet lokali, lill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku u lill-entitajiet privati li jwettqu funzjonijiet pubbliċi. Mill-2011 il-Kanċillier tal-Ġustizzja wettaq ukoll il-funzjonijiet tal-ombudsman għat-tfal skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit elettroniku tal-Kanċillier tal-Ġustizzja.
Is-soluzzjoni tat-tilwim industrijali kollettiv hija l-funzjoni tal-Konċiljatur Pubbliku, u hemm iktar informazzjoni disponibbli fis-sit elettroniku.
Tista' wkoll tikkuntattja l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li ġejjin:
- L-
Assoċjazzjoni Estonjana tal-Medjaturi tipprovdi informazzjoni kemm bl-Estonjan kif ukoll bl-Ingliż. Il-persuna ta' kuntatt hija
Anneli Liivamägi.
- L-
Unjoni Estonjana għall-Benessri tat-Tfal hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tappoġġa d-drittijiet tat-tfal. L-attivitajiet tagħha jinkludu l-għoti ta' pariri lil ġenituri li jixtiequ jisseparaw jew jiddivorzjaw, billi tinkoraġġihom jużaw is-servizzi tal-konċiljaturi sabiex jipproteġu l-interessi tat-tfal tagħhom. L-Unjoni organizzat sessjonijiet ta' taħriġ dwar is-suġġett tal-medjazzjoni tal-familja.
- L-
Assoċjazzjoni Estonjana tal-Assigurazzjoni stabbilixxiet medjatur tal-assigurazzjoni biex jittratta tilwim bejn detenturi tal-assigurazzjoni u assiguraturi jew sensara tal-assigurazzjoni.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 17/04/2019